Jista' l-Ministru jara x'jista' jsir biex tintlaqa' t-talba ta' studenta li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u li tattendi form 2.2 fl-iskola sekondarja Sir Luigi Preziosi biex tistudja l-chemistry?
Response (GALEA, LOUIS)
Kif diġa' jaf l-Onor. Membru, l-istudenta msemmija għadha qed tattendi t-tieni klassi ta' Area Secondary School filwaqt li l-għażla tas-suġġetti ssir fit-tielet sena.
Jista' l-Ministru jgħid xi pjani hemm dwar il-kulleġġ tal-biedja biex jiġi integrat fil-kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija? X'se jsir mill-istitut agrikolu ta' l-Universita` f'dan il-qafas?
Response (GALEA, LOUIS)
Qegħdin isiru taħditiet bejn il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni u l-Ministeru ta' l-Agrikultura biex jinħoloq l-Istitut ta' l-Agrikummerċ fil-Kulleġġ Malti ta' l-Arti Xjenza u Teknoloġikja. Qed jiġi konsidrat li l-Kulleġġ tal-Biedja jiġi integrat f'dan il-pjan.
L-Universita` s'issa ma għandha ebda pjan biex l-Istitut ta' l-Agrikultura jiċċaqlaq minn ħdanha.
Jista' l-Ministru jgħid x'sar s'issa biex tiġi segwita r-rakkmandazzjoni ta' l-istatementing moderating panel ta' Ottubru li għadda biex it-tifla li isimha qed jintbagħat separatament tingħata facilitator biex tkun tista' tibda tattendi l-iskola? Meta se tiġi segwita r-rakkmandazzjoni li saret seba' xhur ilu?
Response (GALEA, LOUIS)
Ġejt informat li minħabba ċirkustanzi partikolari li effettwaw l-istatementing moderating panel, il-każ tat-tifla imsemmija qed jiġi konsidrat mill-ġdid biex deċiżjoni tittieħed fi żmien qasir.
Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt kienet in-nefqa f'ċifra ta' flus għar-rapporti li saru mill-ministeru u jew id-dipartiment u jew entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-ministeru matul l-1999, 2000 u 2001?
Liema kienu dawn ir-rapporti separatament u kemm minnhom tpoġġew fuq il-mejda tal-kamra?
Response (GALEA, LOUIS)
Jekk l-Onor. Membru jippreċiżali x’tip ta’ rapporti għandu f’moħħu u jekk jindikali l-iskop għalfejn qiegħed jitlob tagħrif dwar in-nefqa għal kull rapport li sar fuq perjodu ta’ tliet snin sħaħ, inkun nista` niddeċiedi jekk inhix ġustifikat li nordna li jintuzaw ir-riżorsi meħtieġa biex tinġabar l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid xi ftehim jeżisti bejn l-istazzjon Education 22 u l-istazzjon ta' l-Istat biex programmi ta' l-Education 22 jidhru fuq TVM?
Jista' l-Ministru jgħid x'valur edukattiv hemm fil-programm "Scooters" li qed jidher fuq iż-żewġ stazzjonijiet?
Jaf li minbarra livell tekniku verament baxx il-programm li deher nhar it-Tnejn 29 ta' April ma kellu l-ebda livell edukattiv?
Min hu responsabbli li jara li dawn il-programmi huma tal-livell mixtieq?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li minħabba l-fatt li channel 22 huwa aċċessibbli biss permezz tal-Cable, siegħa u nofs kuljum jingħataw minn Education 22 mingħajr ħlas lil TVM, biex is-servizz ikun aċċessibbli b'mod terrestriali. Issir trasmissjoni konġunta ta' nofs siegħa fid-9.30 ta' filgħodu u 55 minuta fl-4 ta' wara nofs in-nhar. Huwa TVM li jiddeċiedi jekk u kemm ikollu bżonn ħin mingħand Education 22 fil-bidu tas-sena u din hija l-prattika regolari ta' dawn l-aħħar tliet snin.
Il-Programm Scooters li issa daħal fit-tieni sena tiegħu għandu fil-mira tiegħu tfal sa' l-eta` ta' 11-il sena. Kull ġrunata tal-ġimgħa tinstab taħt ir-responsabbilta` ta' teacher-producer differenti assistit minn grupp ta' għalliema partikolari għal dak il-programm tal-ġurnata. It-temi jvarjaw minn jum għal jum u jikkumplimentaw id-dinja skolastika li jgħixu fiha t-tfal Maltin mingħajr ma' jirrepetu jew jikkonformaw ma' kunċetti skolastiċi bl-għan ewlieni li jiġi pprattikat il-prinċipju ta' Edutainment. F'Novembru li għadda Scooters ingħata l-premju ta' l-Awtorita` tax-Xandir bħala l-aħjar programm Edukattiv għat-Tfal. Huwa l-għan ta' Scooters li jirrispetta l-bidliet maħluqa mill-implimentazzjoni tal-Kurrikulu Nazzjonali l-ġdid.
Fil-preżent, matul il-ġimgħa qed jiġu ttrattati temi bħal espressjoni u parteċipazzjoni tat-tfal fuq il-Media Televiżiv, Qari ta' Kotba Klassiċi, Qwiel Maltin, Sports, Animal Awareness, Arti Viżiva u applikata, Studji Soċjali, Internet, Promozzjoni ta' Kotba Maltin għat-tfal, Edukazzjoni inklussiva, Lingwa Ingliża, Pariri dwar nutrizzjoni tajba, Ħarġiet kulturali bit-televiżjoni, mużika u laqgħat ma' personalitajiet attwali, u Puppet Theatre Malti bl-isem ta' Pupazzini. Hemm ukoll inklużi fi Scooters programmi qosra tat-tfal magħmula mill-BBC.
Fir-rigward tal-livell tekniku, informat li nhar it-Tnejn 29 ta' April 2002 ma kien hemm ebda problema teknika min-naħa ta' Education 22 u ma sar ebda ilment min-naħa tat-tekniċi tat-TVM. Il-programm tad-29 ta' April kien jinkludi żjara lil SkolaSport u ffoka fuq Long Jumps, diskussjoni fl-istudio dwar il-Long Jump, kompetizzjoni bit-telefon dwar id-differenza bejn Long Jump u High Jump, Klabb Posta-ittri u tpinġijiet mibgħuta mit-tfal, silta minn Treasure Island u produzzjoni tal-BBC bil-pupazzi.
Ir-responsabbilta` diretta taqa' fuq it-teacher-producer li jwieġeb lil Acting Head ta' Education 22. Education 22 taħt it-tmexxija ta' L-Acting Head, iwieġeb lid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni taħt it-tmexxija tad-Dipartiment ta' l-Istudji għall-Adulti u lill-Awtorita` tax-Xandir tal-Gvern, iċ-Chief Executive tal-PBS jagħmel ir-rwol ta' Editur ta' l-istazzjon Edukattiv.
Nirriferi lill-Ministru għal karta ta' l-eżami tas-SEC tal-Lingwa Ingliża (Paper A) li sar nhar is-Sibt 4 ta' Frar. Jista' l-Ministru jgħid għaliex ma sarx proof reading suret in-nies meta saru dawn l-iżbalji fl-imsemmija karta:
1. Fit-tieni
comprehension (passage 2)
għaliex il-linji kienu mmarkati minn numru 40 sa 65 meta fil-fatt ma kienx hemm daqshekk linji?
2. Għaliex il-mistoqsija nru. 2 kienet tirriferi għal linji nru 5, 11, 15 u 16 meta dawn ma kenux jeżistu f'dan it-test?
3. Għaliex il-mistoqsija nru. 3 ukoll kienet tirriferi għal linji nru. 5 meta dan in-numru ma kienx jeżisti fit-test?
Ma jaħsibx li żbalji sempliċi bħal dawn minbarrra li jistgħu jfixxklu l-istudenti m'għandhomx jitħallew isiru f'eżami nazzjonali?
Response (GALEA, LOUIS)
Naqbel perfettament ma' l-Onor. Membru li mhux aċċettabbli li jkun hemm żbalji sempliċi bħal dawk indikati f'karta ta' l-eżami tas-SEC.
Minn verifiki li għamilt mal-Bord tal-MATSEC irriżultali li l-Bord inkariga persuna ta' esperjenza biex jiġi assigurat li l-karta ma jkunx fiha żbalji. Il-Bord qed jikkonsidra passi bħala sodisfazzjoni għal dawn in-nuqqasijiet.
Jista' l-Ministru jgħid liema kienet il-kumpanija li ħadet ħsieb tagħmel il-logo il-ġdid tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ?
Kemm tħallset ta' dan ix-xogħol?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kumpanija li ħadet ħsieb tagħmel il-logo il-ġdid tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ kient "Think Websites" li hija kumpanija żagħżugħa. Is-somma li tħallset għal dan ix-xogħol kien ta' Lm40.
Jikkonferma l-Ministru li fl-eżami ta' l-accounts tas-SEC kien hemm mistoqsija li ma setgħetx tinħadem peress li kien hemm figura mħollija barra?
Jista' jara jekk huwiex minnu li fit-taqsima obbligatorja kien hemm mistoqsijiet ta' livell avanzat u ma kenux tal-livell tas-SEC?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bħala proċedura meta jkun hemm xi nuqqas f'xi karta ta' l-eżami, u dan l-iżball jindunaw bih l-eżaminaturi qabel jibda l-eżami, il-kandidati jiġu mgħarrfa bil-miktub mill-inviġilaturi dwar l-iżball u ssir il-korrezzjoni mill-ewwel. Il-kandidati jiffirmaw il-karta fejn jikkonfermaw li ġew mgħarrfa bl-iżball u bil-korrezzjoni. Fil-każ ta' l-eżami tas-SEC fl-Accounts din il-proċedura ġiet osservata u l-mistoqsijiet kollha setgħu jinħadmu mill-bidu nett ta' l-eżami.
Dwar it-tieni mistoqsija, ġejt informat li l-eżaminaturi jikkonfermaw li l-mistoqsijiet kienu addattati għal-livell tas-SEC u li ma kien hemm ebda mistoqsija fil-karta ta' l-eżami fuq materja li mhix fis-sillabu tas-SEC ta' l-2002.
Jikkonferma l-Ministru li ċerti ċentri fejn qed isiru l-eżamijiet tas-SEC mhumiex adattati għal eżamijiet nazzjonali? Jaf li, per eżempju, fl-iskola sekondarja teknika San Ġużepp f'Raħal Ġdid qed isiru eżamijiet fi klassijiet fejn hemm graffiti u tipex mal-ħajt kif ukoll purtieri inkallati u mqatta? Jaf il-Ministru li anke l-post fejn isiru l-eżamijiet għandhom ikunu ta' ċerta standard biex jgħinu l-istudent jikkonċentra aħjar?
Response (GALEA, LOUIS)
Din l-iskola hija Liċeo San Ġużepp tas-subien. Il-klassijiet li jintużaw għall-eżemijiet huma l-istess klassijiet li matul il-ġurnata jsir it-tagħlim fihom.
Id-Dipartiment juża' din l-iskola bħala wieħed miċ-Ċentri prinċipali ta' l-eżamijiet għax l-iskola tinsab f'post ċentrali. Barra minn hekk id-Dipartiment qatt ma kellu lmenti negattivi dwar din l-iskola.
Bħal skejjel oħra tal-Gvern qed jittieħdu miżuri biex l-ambjent ta' din l-iskola jitjieb.
Jista' l-Ministru jgħid kif sar il-qligħ fil-Kavallier ta' San Ġakbu? Għaliex l-artitsti jintalbu jħallsu Lm115 sabiex itellgħu wirja u t-tfal jintalbu jħallsu għal programmi taċ-ċentru meta sar dan il-qligħ kollu?
Response (GALEA, LOUIS)
L-ewwelnett ġejt informat li għandu jiġi iċċarat li d-dokument imqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra bi tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 32258 huwa biss rendikont ta' dħul u ħruġ sa' l-aħħar ta' Diċembru, 2001, taċ-Ċentru ta' Krejattivita` fil-Kavallier ta' San Ġakbu li ma kienx jinkludi lista ta' kredituri u debituri għall-istess perjodu. Għaldaqstant l-indikazzjoni ta' "Net Profit" hi żbaljata.
Informat ukoll li meta wieħed iqis il-ħlasijiet li saru s'issa din is-sena u oħrajn li għad iridu jsiru għal spejjeż magħmula sa' l-aħħar ta' Diċembru 2001 u li kienu għadhom ma tħallsux sa dik id-data, l-ammont li kien indikat bħala "Net Profit" fil-PQ imsemmija jiġi ridott sostanzjalment. Barra minn hekk il-Management ma nefaqx dak li kien hemm bżonn f'pagi minħabba li l-proċess ta' reklutaġġ ħa aktar żmien milli maħsub. Għaldaqstant wieħed ma jistax jitkellem dwar "dan il-qligħ kollu" fil-Kavallier ta' San Ġakbu.
Il-prezz ta' Lm100 + VAT li jintalab iħallas min jesebixxi wirja ta' arti hi tariffa nominali li b'ebda moda ma tirrifletti l-ispejjeż li joħroġ iċ-Ċentru li jkun miftuħ ħinijiet twal sebgħa t'ijiem fil-ġimgħa. L-ispejjeż jinkludu wkoll ħlas ta' impjegati li xogħolhom hu li jippromwovu l-istess wirjiet ta' opri ta' arti li ħafna minnhom jinxtraw mill-visitaturi bla ma s'issa tiġi mitluba kummissjoni miċ-Ċentru kif isir f'postijiet simili barra minn Malta. Ninnota li l-biċċa l-kbira ta' l-Artisti li użaw iċ-Ċentru huma sodisfatti ħafna u qed jitolbu li jerġgħu jużawh.
L-istess fir-rigward ta' ħlas nominali ta' Lm1 li jintalbu jħallsu tfal għal attivitajiet artistiċi u krejattivi. B'hekk iċ-Ċentru jtaffi xi ftit mill-ispejjeż f'materjal li jintuża u f'remunerazzjoni li jħallas lill-animaturi, ħafna minnhom studenti ta' l-Universita` li jsegwu taħriġ f'animazzjoni fl-istess Ċentru. Tajjeb infakkar ukoll li hemm kategoriji ta' tfal u persuni (p.e. mill-Fondazzjoni Eden, pazjenti ta' l-Isptar Monte Carmeli u oħrajn) li ma jiġu mitluba jħallsu xejn.
Il-Gvern irid li l-Fondazzjoni tkun organizzazzjoni mhux għal profitt u li kemm jista' jkun tassigura li tkopri l-ispejjeż tagħha minn dħul għal inizjattivi li jiġu organizzati fl-istess Ċentru.
Jidhirli li jkun tajjeb ukoll li tinħoloq kultura favur li jingħata valur lill-prodott kulturali. Il-mentalita` li wieħed jipparteċipa/jattendi f'attivita` kulturali u artistika jekk "tkun b'xejn" hi ta' ħsara għall-iżvilupp f'dan il-qasam. Il-Gvern diġa' joħroġ eluf kbar ta' liri biex direttament u indirettament jissussidja attivitajiet bħal dawn. Tajjeb li insibu bilanċ ġust ebjn aċċessibilita sħiħa u iffinanzjar sostenibbli għall-kultura u l-arti.
Jista' l-Ministru jgħid x'se jagħmel id-dipartiment biex studenti miż-Żurrieq li jmorru l-iskola ta' Adelaide Cini ma jibqgħux jinġabru fis-6.30 a.m. u jaslu l-iskola fis-7.00 a.m., meta fil-fatt jibdew fit-7.50 a.m.?
Response (GALEA, LOUIS)
Ġejt informat li x-xufier tal-vettura li jġorr it-tfal miż-Żurrieq għall-iskola Adelaide Ċini fil-Ħamrun jibda l-vjaġġ siegħa qabel ma tibda l-iskola (6.45 am).
Jista' l-Ministru jgħid x'se jagħmel id-dipartiment biex studenti li joqogħdu in-Nigret fiż-Żurrieq ma jibqgħux jinġabru għall-iskola mill-pjazza u jimxu madwar 35 minuta bil-basktijiet fuq daharhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li x-xufiera kemm-il darba talbu lit-tfal biex jistennew ġo Nigret, iżda t-tfal ikunu jridu jinżlu l-pjazza. Ix-xufiera nfurmaw lid-Diviżjoni li ser jibdew il-vjaġġ min-Nigret.
Jista' l-Ministru jara li l-amministrazzjoni ta' l-Istitut Marittimu ta' l-MCAST tiltaqa' ma' l-istudenti ta' l-ewwel sena tal-kors u tiddiskuti magħhom id-diversi nuqqasijiet serji li jħossu li għandhom fil-kors tagħhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Istitut Marittimu ta' l-MCAST qed jiltaqa' ma' l-istudenti ta' l-ewwel sena tal-kors biex jiddiskuti magħhom il-bżonnijiet li għandhom.
Informat ukoll li l-istudenti jafu wkoll li jekk ikollhom xi kumment jew ilment li jixtiequ jressqu quddiem l-amministrazzjoni ta' l-Istitut, dan jistgħu jagħmluh billi jitkellmu mad-'Division Officer' tagħhom (li huwa għalliem fl-istess Istitut), jew jekk jixtiequ, jistgħu jiltaqgħu u jitkellmu mad-Direttur ta' l-Istitut, billi jressqu x-xewqa tagħhom quddiem l-'istudent representative' tagħhom, u dan ta' l-aħħar jorganizza meeting mad-Direttur.
Jista' l-Ministru jgħid x'taħriġ fix-xandir għandhom dawk li jmexxu l-istazzjon Education 22?
X'taħriġ ingħataw dawk l-għalliema li jtellgħu u jieħdu sehem fil-programmi?
Kemm hemm għalliema full-time u part-time li jieħdu sehem f'dan l-istazzjon?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li f'Education 22 isiru korsijiet in-service fejn wieħed ikollu l-opportunita` jitgħallem affarijiet ġodda. Barra minn hekk, tingħata assistenza kontinwa hands-on. Bħalissa l-għalliema-producers qed jirċievu taħriġ fuq makkinarju analogue kif ukoll fuq non-linear digital editing. Dan għaliex kull għalliem-producer irid jieħu ħsieb tal-muntaġġ tal-produzzjoni tiegħu jew tagħha.
Informat ukoll li hemm tmienja għalliema-producers full-time. Persuna minnhom bħalissa tinsab fuq unpaid study leave biex tispiċċa MA fil-kommunikazzjoni.
Għalliema part-time li jagħtu kontribut lil Education 22 hemm 55 u jaħdmu bħala preżentaturi quddiem il-camera, presentation officers li jieħdu ħsieb it-trasmissjoni ta' filgħaxija, Camera persons, sound engineers u diretturi għall-programmi live, għalliema li jippreżentaw grafika komputerizzata u scripts għall-programmi.
Jista' l-Ministru jgħid min hu inkarigat mill-programmi fuq Education 22?
X'inhu l-budget allokat għal dawn il-programmi f'din is-sena finanzjarja?
Jista' jelenka kif intnefaq il-budget s'issa din is-sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-preżent Education 22 jinstab taħt it-tmexxija tas-Sur Stephen Florian fil-kariga ta' Acting Head. L-Acting Head iwieġeb lid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni taħt it-tmexxija tad-Dipartiment ta' l-Istudji għall-Adulti u lill-Awtorita` tax-Xandir bħal kull stazzjon televiżiv ieħor. Fil-każ ta' Education 22 bħala istituzzjoni tal-Gvern, iċ-Chief Executive tal-PBS jagħmel ir-rwol ta' Editur ta' l-istazzjon Edukattiv.
Il-Budget allokat għal din is-sena finanzjarja 2002 huwa ta' Lm95,000 b'addizzjoni t'a Lm9,000 għan-nefqa kapitali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm karozzi tal-kiri u mixtrija mill-fondi pubbliċi li qed jintużaw fil-ministeru, dipartimenti, fondazzjonijiet u entitajiet oħra tal-gvern u ċivil, inkluż skejjel?
Kemm minn dawn huma mislufa minn ministeri, dipartimenti, fondazzjonijiet, u entitajiet oħra tal-gvern u civil lill-ministeru, dipartimenti, fondazzjonijiet u entitajiet oħra tal-gvern u civil li jaqgħu taħtu?
Fejn jiġu ggaraxxjati dawn il-karozzi? Kif jiġi monitorjat l-użu ta' dawn il-karozzi? Kemm huma l-ħaddiema li huma ntitolati li jieħdu l-karozza magħhom id-dar wara l-ħin tax-xogħol? Fejn jaħdmu dawn il-persuni intitolati li jieħdu l-karozza d-dar? Minn liema distrett elettorali huma? Kemm jintnefaq flus f'petrol ras imb'ras?
Response (GALEA, LOUIS)
Ġejt mogħti l-parir li l-ġbir b'ħafna dettalji tat-tagħrif li talab l-Onor. Membru f'sensiela ta' mistoqsijiet bħal f'din il-Mistoqsija jinħtieġ ħafna ħin u xogħol. F'dan l-istadju hemm xogħol ieħor aktar importanti li jeħtieġ isir. Għaldaqstant tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra fil-futur sakemm m'hemmx xi ħaġa speċifika li dwarha l-Onor. Membru jixtieq xi tagħrif.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm il-ħsieb li sa tmiem din is-sena jinxtraw karozzi ġodda għal użu ta' uffiċjali jew persuni oħra fil-ministeru, dipartimenti, fondazzjonijiet u entitajiet oħra tal-gvern u civil? Jista' l-ministru jgħid kemm minn dawn il-karozzi ser jiġu wżati minn ħaddiema li x-xogħol tagħhom hu jew sejjer jirrikjedi trasport?
Response (GALEA, LOUIS)
F'dan l-istadju nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 33219.
Jista' l-Ministru jgħid kemm, matul is-sena 2001, inxtara apparat mekkaniku, elettroniku u tekniku ieħor għal ministeru, dipartimenti, fondazzjonijiet u entitajiet oħra tal-gvern u civil b'direct order?
Response (GALEA, LOUIS)
F'dan l-istadju nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 33219.
Jista' l-Ministru jgħid kemm, matul is-sena 2001, tħallset konsulenza mill-ministeru, dipartimenti, fondazzjonijiet u entitajiet oħra tal-gvern u civil inkluż skejjel għal dak li għandu x'jaqsam ma' IT u jekk l-apparat u sistemi humiex irrakkmandati mill-konsulenti u kif inxtara l-hardware u s-software?
Response (GALEA, LOUIS)
F'dan l-istadju nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 33219.
Jista' l-Ministru jgħid kemm, matul is-sena 1999, kienu l-kontijiet tat-telefon, dawl u ilma fil-ministeru, dipartimenti, fondazzjonijiet u entitajiet oħra tal-gvern u civil u skejjel u kemm kien il-kont tal-ministeru, dipartimenti, fondazzjonijiet u entitajiet oħra tal-gvern u skejjel għas-sena 2001?
Response (GALEA, LOUIS)
F'dan l-istadju nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 33219.