Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #19514 Sitting 397 2016-06-01 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għat-Turiżmu

Turisti li ġejjin f’Malta u Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma t-trends u mil-liema pajjiżi ġejjin it-turisti? Jista’ jgħid jekk tlifniex xi suq li kellna u fejn irbaħna swieq ġodda?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi t-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, turi li s-swieq l-aktar importanti għal Malta huma dawk Ewropej fejn l-akbar suq għal pajjiżna huwa l-Gran Brittanja, segwit mill-Italja, Ġermanja u Franza. Barra minn dawn, hemm numru kbir ta’ swieq oħra kemm fl’Ewropa kif ukoll lil hinn minnha, li għalkemm iżgħar, huma mportanti ħafna għat-tkabbir fit-turiżmu f’Malta. Fost dawn, ta’ min isemmi s-suq Amerikan li rreġistra l-akbar ħieda perċentwali fis-sena 2015. Kif turi t-tabella, ħafna mis-swieq irreġistraw ħieda fis-sena 2015, filwaqt li nuqqas inħass partikolarment miss-suq Russu u Libyan, minhabba is-sitwazzjoni geo-politika f’dawn il-pajjiżi.
Leg 12 PQ #25761 Sitting 396 2016-05-31 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Turisti – kontribuzzjoni ta’ 50 ċenteżmu

Question

Billi f'risposta għall-mistoqsija parlamentari preċedenti l-Ministru wieġeb li l-Gvern se jkun qed iżid il-fond li jinġabru mill-kontribuzzjoni ta' 50 ċenteżmu għal kull lejl, jista’ jikkonferma li dan il-kontribut se jibda jitħallas minn din is-sena, u allura jista’ jagħti tagħrif dwar liema huma l-prijoritajiet magħżula s’issa? X’sehem se jkollhom il-kunsilli lokali f'dawn l-għażliet?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi kważi l-kontenut sħiħ tad-domandi tiegħu ġja’ ġew imwieġba fit-tweġibiet għal tliet domandi Parlamentari li jġibu n-numru 24625, 25277 u 25615. Dwar il-prijoritajiet magħżula sa issa, il-Ministru jirrileva li b’mod evidenti l-ebda prijorita’ ta’ proġett jew proġetti ma ġewx magħżula sa issa u dana billi dan ser ikun l-inkariku tal-Bord indikat f’punt numru [2] fit-tweġiba għad-domanda Parlamentari bin-numru 25615.
Leg 12 PQ #25697 Sitting 395 2016-05-30 Oral · Final From: ROBERT ARRIGO To: Ministeru għat-Turiżmu

MTA – Harbour Cruises

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu tittollera dawn il-kumpaniji tal-Harbour Cruises, li jieħdu parti mill-promenade ta’ San Ġiljan, Tas-Sliema u San Pawl il-Baħar, u jimlew il-bankijiet li jpoġġu fuqhom it-turisti u l-Maltin, bil-billboard, u l-umbrellel? Ma jaħsibx li dawn qed idejjqu lin-nies peress li jwaqqfu lil kulħadd anke għal darbtejn/tlieta? X’passi se jieħu l-Ministeru?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi dan il-fenomenu li ilu għaddej snin twal ġie nnutat u nvestigat, u bħalissa għaddejin diskussjonijiet bejn il-varji dipartimenti kkonċernati sabiex tiġi ndirizzata s-sitwazzjoni. Minn naħa tal-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu saru diga’ proposti leġislattivi sabiex rappreżentanti ta’ kumpaniji li jkunu qed jippromovu prodotti turistiċi, jkunu marbuta jseġwu normi ġodda.
Leg 12 PQ #25615 Sitting 394 2016-05-25 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Proġetti ffinanzjati mit-taxxa fuq it-turisti

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif se jintgħażlu l-proġetti li fuqhom se jintefqu l-flus li mistenni jinġabru mill-50 ċenteżmu għal kull lejl li turist iqatta' f'Malta? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk hemmx il-ħsieb li l-ammont li jinġabar jiġi topped up permezz ta' fondi mill-fond konsolidat jew ta’ xi income ieħor tal-Gvern? Jekk iva, kemm hu mistenni li jkun l-ammont li jiżdied b'dan il-mod?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi bi tweġiba għad-domanda tiegħu, jiena ġja’ ħabbart pubblikament is-segwenti: 1. Illi din l-eko-kontribuzzjoni ser tintuża esklussivament sabiex intejbu l-kwalita’ tal-prodott turistiku f’pajjiżna fi żmien fejn is-settur turistiku qed iwettaq suċċess bla preċedent u dana wkoll li fl-aħħar mill-aħħar jispiċċaw jitgawdew mill-Maltin u l-Għawdxin kollha; 2. Illi dawn il-fondi ser imorru kollha ġewwa fond, fejn ser ikun hemm ħames membri tal-Bord – Is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru tal-Finanzi, is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru tat-Turiżmu, żewġ membri mill-Assoċjazzjoni tal-Lukandiera u Ristoranti [MHRA] u c-Chairperson ta’ dan il-Bord li ser ikun l-istess Chairperson tal-Fondazzjoni għall-Iżvilupp taz-Zoni Turistiċi; 3. Illi qed jintuża l-istess Chairperson ħalli jkun hemm sinerġiji bejn minn ser jiddeċiedi xi proġetti jsiru u min ser ikun qed jimplimentahom, li hija l-istess Fondazzjoni; 4. Illi pero’ dawn il-progetti ser ikunu tali li jkun mifruxa madwar Malta u Għawdex kollu u jkunu assolutament ta’ prijorita’ turistika; 5. Illi hemm il-ħsieb ċar li l-ammont li jinġabar ikun ‘topped up’ mill-Fond Soċjali li huma fondi li ġejjien mill- Individual Investor Programme (IIP) li qed jitmexxa b’tant suċċess minn dan il-Gvern. Is-somma li tiġi minn dan il-fond soċjali għadha qed tiġi diskussa.
Leg 12 PQ #25511 Sitting 393 2016-05-24 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għat-Turiżmu

Proġetti ta’ ħolqien ta’ spazji miftuħa

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista sħiħa ta’ proġetti ta’ ħolqien ta’ spazji miftuħa (open spaces) u pubbliċi ġodda li twettqu mill-Gvern mill-2013 ‘il hawn u għal kull każ jgħid: a. fejn hu s-sit; b. x’daqs fih is-sit; c. kemm sewa l- embellishment ; u d. kif tħallas?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Tweġiba Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi, proġetti ta’ ħolqien ta’ spazji miftuħa (open spaces) u pubbliċi ġodda, illi twettqu mill-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu jinkludu: Proġett 1 a. Attrazzjoni turistika fil-ponta tal-Qawra li tinkludi f’akkwarju għall-publiku, estensjoni tal-promenade, ħolqien ta’ pjazza u faċilitajiet oħra b. Madwar 3,600 kilometru c. Madwar €15.35 miljun u l-pjazza ta’ San Pawl ġiet tiswa madwar €900,000 d. Dan il-proġett sar fuq bazi ta’ PPP mal privat u €8.85 miljun mill-proġett ħarġu minn fondi Ewropej u ġew investiti aktar minn €6.5 miljun mill-kuntrattur privat Proġett 2 a. Walking/Cycle Track li tgħaqqad lill-Pembroke mat-Torri tal-Madliena b. Madwar 2,500 kilometru c. €500,000 d. Dan il-proġett kien ko-finanzjat mill-fondi strutturali tal-Unjoni Ewropeja
Leg 12 PQ #25512 Sitting 393 2016-05-24 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għat-Turiżmu

Proġetti ta’ embellishment ta’ spazji miftuħa

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista sħiħa ta’ proġetti ta’ embellishment ta’ spazji miftuħa (open spaces) u pubbliċi ġodda li twettqu mill-Gvern mill-2013 ‘il hawn u għal kull każ jgħid: a. fejn hu s-sit; b. x’daqs fih is-sit; c. kemm sewa l- embellishment ; u d. kif tħallas?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi, proġetti ta’ embellishment ta’ spazji miftuħa (open spaces) u pubbliċi ġodda, illi twettqu mill-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu jinkludu: Proġett 1 a.Estensjoni u tisbiħ tal-promenade ta’ San Pawl il-Baħar, li jikkonsisti f’tisbiħ ta’ belvedere ġewwa Triq San Publiju, tisbiħ ta’ passaġġ li qiegħed viċin il-Menqa ta’ San Pawl il-Baħar, kif ukoll tisbiħ ta’ belvedere fi Triq il-Luzzu b.Il-belvedere ġewwa Triq San Publiju hija ta’ madwar 200 metru kwadru, it-tisbiħ ta’ passaġġ viċin il-Menqa huwa ta’ madwar 600 metru kwadru, waqt li t-tisbiħ tal-belvedere fit-Triq il –Luzzu huwa ta’ madwar 200 metru kwadru c.Flimkien mall-Kunsill Lokali u l-Ministeru tat-Turiżmu, l-MTA ser tkun qed tinvesti €150,000 d.Dawn il-proġetti ser ikunu mħallsa minn fondi tal-Gvern Lokali Proġett 2 a.Ħlantun (EAFRD) l/o Żurrieq/Safi b.3,552 metru kwadru c.€500,380 d.EU Funding (€336,995) waqt li l-kumplament mill-fondi ta’ l-MTA Proġett 3 a.Maqluba (EAFRD) Misraħ Maqluba, Pjazza San Mattew, Qrendi b.3,562 metru kwadru c.€464,342 d.EU Funding (€338,818) waqt li l-kumplament mill-fondi ta’ l-MTA
Leg 12 PQ #25545 Sitting 392 2016-05-23 Oral · Final From: JOE FARRUGIA To: Ministeru għat-Turiżmu

Żoni tat-Tempji — pjanijiet ta' tisbieħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk fil-pjanijiet ta' titjieb kontinwu tal-prodott turistriku hemmx aktar pjanijiet ta' tisbieħ fil-lokalitajiet ta' madwar it-tempji u jekk hemmx il-ħsieb li jiġu miftuħa aktar siti storiċi ħalli ż-żona tiġi dejjem attraenti?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant illi, billi siti storici ma jaqgħux direttament taħt ir-responsabbilta’ tal-Ministeru għat-Turiżmu, qed nidderieġi lill-Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija Parlamentari tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Leg 12 PQ #25546 Sitting 392 2016-05-23 Oral · Final From: JOE FARRUGIA To: Ministeru għat-Turiżmu

Wied iż-Żurrieq u t-Tempji ta' Ħaġar Qim u l-Imnajdra — turisti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx statistika li tindika kemm: a. marru turistri fl-aħħar tliet snin Wied iż-Żurrieq; u b. kemm żaru t-tempji ta' Ħaġar Qim u l-Imnajdra?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, statistika uffiċjali dwar in-numru ta’ turisti li żaru Wied iż-Żurrieq m'hijiex disponibli. Stħarriġ li tagħmel l-MTA jindika dan li ġej: Stima tan-numru ta’ turisti li żaru Wied iż-Żurrieq 2015: 435,316 (24.3%) 2014: 403,864 (23.9%) 2013: 390,792 (24.7%) Figuri dwar numru ta’ viżitaturi fit-tempji ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra jistgħu jingħataw minn Heritage Malta.
Leg 12 PQ #25547 Sitting 392 2016-05-23 Oral · Final From: JOE FARRUGIA To: Ministeru għat-Turiżmu

Studenti tal-ITS — informazzjoni dwar kulturi differenti

Question

Jista' l-Ministru jindika jekk fil-Kurrikulum tal-istudenti tal-ITS hemmx ħsieb li wieħed jinkludi informazzjoni dwar kulturi differenti u kif wieħed jaqdi in-neċessitajiet differenti fosthom servizzi lit-turisti Ħalal?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, il-Kurrikulum tal-istudenti tal-ITS diġà jinkludi fih suġġetti fuq prattiċi ta’ kulturi u reliġijonijiet differenti. Dawn huma parti mill-module tal-gastronomija.
Leg 12 PQ #25548 Sitting 392 2016-05-23 Oral · Final From: JOE FARRUGIA To: Ministeru għat-Turiżmu

Lukandi — inċentivi

Question

Jista' l-Ministru jindika jekk hemmx ħsieb ta' inċentivi għal nies li jiftħu djarhom biex jakkomodaw turisti li ma jaffordjawx joqogħdu fil-lukandi?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi l-qafas legali preżenti jinkludi liċenzji stabbiliti għal- persuni li jixtiequ akkomodazzjoni alternativa għal lukandi. Dan jinkludi postijiet għall-btala (Holiday Furnished Premises) kif ukoll familji ospitanti (Host Families). Dawn ta’ l-aħħar jistgħu jospitaw sa erbgha (4) turisti ġo abitazzjoni illi jgħix fiha id-detentur tal-liċenzja. Billi hawn ukoll domanda rikonoxxuta għall-tip ta’ operazzjoni turistika magħrufa bħala “Bed and Breakfast”, il-Ministeru flimkien mal-Awtorita għat-Turiżmu qegħdin fil-proċess li jżidu kategorija oħra ta’ akkomodazzjoni li se tkun magħrufa bħala “ Bed and Breakast”. Min ikwalifika għal din it-tip ta’ liċenjza ser ikun jista jospita sa sittax il-turist f’ zona identifikata għall-konservazzjoni urbana (UCA) u sitt turisti f’żona mhux UCA. Il-Liċenzja ta’ familji ospitanti ser tibqa’ imma ser tkun iktar speċifika għal studenti li jistudjaw linġwa barranija ġewwa Malta. Dan ma jeskludix akkommodazzjoni oħra bħal Guest Houses, Hostels u kategorija ġdida ta’ Boutique Hotels. Dawn it-tibdiliet qed isiru bħala parti mir-reviżjoni estensiva illi qed issir tal-leġiżlazzjoni preżenti.
Leg 12 PQ #25473 Sitting 390 2016-05-17 Oral · Final From: SILVIO SCHEMBRI To: Ministeru għat-Turiżmu

Air Malta – Early Retirement scheme – każ ta’ individwu

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 25347 tal-5 ta’ Mejju 2016, jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament minħabba li għandu problema rigward pagamenti konnessi mal-Early Retirement Scheme tal-Air Malta?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi, l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, kien impjegat tal-Air Malta u bbenefika mill-iskema ta’ irtirar kmieni offruta fl-2012 skont ftehim milħuq mal-Union ikkonċernata. Għandu jiġi ppreċiżat madankollu, illi huwa l-MIMCOL u mhux l-Air Malta li tamministra l-pagamenti ta’ din l-iskema. Fil-preżent, dan l-individwu għandu wkoll każ quddiem il-Grievance Unit imwaqqaf mill-Gvern għall-ex/ħaddiema tal-Air Malta u għaldaqstant fi kwalunkwe każ huwa dan il-Unit li jidħol fil-mertu tal-ilment tiegħu.
Leg 12 PQ #25277 Sitting 386 2016-05-09 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsilli Lokali — konsulti

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 25070, li tagħmel referenza għar-risposti għall-mistoqsijiet parlamentari 24625 u 24748, billi l-Ministru responsabbli mill-kunsilli lokali reġa' rreferini lura għandek bħala 'l-Ministru li fformula r-risposta għall-mistoqsija parlamentari 24625', jista' l-Ministru jiċċara x'inhi l-pożizzjoni ta' dak li għandu jinftiehem bir-risposta għad-domanda 24625?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi, bid-dħul mill-mizura tal-Kontribuzzjoni Ambjentali, ser inkunu qed nindirizzaw il-volum kbir ta’ vizitatuti fiz-zoni turistiċi f’pajjiżna inkluz żoni kostali bil-promenades li jista jkollhom madwarhom, kif ukoll l-ibliet storiċi tal-Belt Valletta, l-Imdina u l-Birgu. Ser inkunu qed nindirizzaw ukoll il-pressjoni assoċċjata li tinbet minn dan il-livell għoli ta’ densita’, illi tirrikjedi attenzjoni effettiva u effiċjenti hekk kif ċertament il-kwalita’ ta’ l-ambjent urban ikollu impatt fuq l-esperjenza tat-turist. L-ambjent urban madwar il-lukandi, ir-restoranti u attrazzjonijiet turistiċi oħrajn ċertament li jaffetwa l-esperjenza ġenerali tat-turisti li jżuruna. Qed isir hafna xoghol siewi f’dak li jirrigwardja manutenzjoni f’lokalitajiet diversi, hidma sabiex isir titjib estetiku, kif ukoll qed jizdied it-tindif fiz-zoni turistici varji. Bhal ma jaf sew l-Onorevoli Nterpellant, il-Fondazzjoni għall-Iżvilupp taż-Żoni Turistiċi illi għandha r-responsabbilta’ prinċipali li tissorvelja u tħares il-ħtiġijiet speċifiċi ta’ dawn iż-żoni, kif ukoll l-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu illi taħdem fuq diversi inizjattivi u proġetti, jikkonsultaw mal-Kunsilli Lokali rispettivi dwar proġetti u xogħol meħtieġ, kemm fuq talba mill-Kunsilli stess u anke fuq inizjattiva’ tagħhom. Nassigura lill-Interpellant, illi ż-żewġ entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi mhux biss jikkonsultaw mal-Kunsilli Lokali fuq pjanijiet għal proġetti u xogħlijiet, iżda mal- istakeholders kollha neċessarji ħalli jiżdiedu l- istandards ta’ kwalità sabiex nizguraw kontinwita’ fis-suċċess li l-industrija tat-turiżmu qed tagħmel f’pajjiżna.
Leg 12 PQ #25305 Sitting 386 2016-05-09 Oral · Final From: KARL GOUDER To: Ministeru għat-Turiżmu

MTA – xogħlijiet f’Auberge d’Italie

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 19174, jista' l-Ministru jikkonferma li fid-data msemmija, l-Auberge d'Italie kienet taqa’ taħt ir-responsabilità tal-Awtorità ta’ Malta għat-Turiżmu (MTA)? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid għaliex ma ġietx ordnata waqfien mix-xogħol minħabba li l-ħaddiema ma kenux mgħammra b’ilbies protettiv?​

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, f’Ġunju 2015, il-Berġa tal-Italja kienet amministrata mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu. L-operazzjoni msemmija kienet responsabilità ta’ Heritage Malta u tmexxiet minn ħaddiema ta’ Heritage Malta.
Leg 12 PQ #25306 Sitting 386 2016-05-09 Oral · Final From: KARL GOUDER To: Ministeru għat-Turiżmu

MTA – xogħlijiet f’Auberge d’Italie

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 19174, jista' l-Ministru jgħid għaliex il-ħaddiema li wettqu dan ix-xogħol ma ngħatawx ilbies prottettiv? Jista' jgħidilna jekk l-uffiċjal tas-saħħa u s-sigurtà ta' Heritage Malta kienx fuq il-post waqt li kienu qed jseħħu dawn ix-xogħlijiet?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, ninsab infurmat minn Heritage Malta li l-makkinarju użat fl-operazzjoni msemmija kien iċċertifikat u li l-ħaddiema kellhom dak kollu meħtieġ sabiex jagħmlu x-xogħol b’mod sigur. Ma nħassitx il-ħtieġa li jkun hemm il-preżenza fiżika tal-uffiċċjal tas-sigurta’ waqt din l-operazzjoni relattivament żgħira. Ninsab infurmat li Heritage Malta ħadet nota ta’ xi kummenti li saru dwar din l-operazzjoni sabiex ikun hemm koordinazzjoni aħjar.
Leg 12 PQ #25307 Sitting 386 2016-05-09 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għat-Turiżmu

Turiżmu Sportiv

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif ta’ kemm jiġu turisti speċifikament għal sports hawn Malta u jekk humiex maqsumin f’dixxiplini differenti? Jista’ jgħid kemm daħħal flus il-pajjiż minn turiżmu sportiv? Jista’ jgħid kemm il-pajjiż qed jinvesti flus f’turiżmu sportiv?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, in-niċċa ta’ turiżmu attiv saret parti ntegrali mill-prodott turistiku tagħna. Għalkemm ma hawnx statistika uffiċjali, minn stħarriġ u nformazjoni minn diversi entitajiet, huwa stmat li fil-2015 żaruna minn ta’ l-inqas 190,000 turist li waqt iż-żjara tagħhom fil-gzejjer tagħna ippartiċipaw f’xi forma ta’ attivita’ sportiva, jew kważi 11% minn numru totali tat-turisti li żaruna s-sena l-oħra. Bla dubju, l-aktar attivita’ popolari hija dik ta’ l-għads (diving), li huwa stmat li tattira madwar 113,000 turist. Attivitajiet oħra huma varji, imma l-aktar popolari huma it-Trekking, madwar 20,000, Abseiling, madwar 15,000, u Golf, kwazi 7,000. Huwa stmat li dan it-tip ta’ turist jagħmel disa’ ljieli f’pajjiżna, jonfoq madwar EUR 750 fil-pakkett li jinxtara qabel li jinkludi ajru u akkomodazzjoni, u madwar EUR400 waqt iż-żjara tiegħu, b’kollox madwar EUR 1150. Jekk inqisu dan l-ammont, allura huwa stmat li dan is-settur jiġġenera nfiq turistiku ta’ EUR218 miljun. Kif spjegajt, statistika speċifika mill-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika mhix disponibbli imma wieħed jista’ jasal għal dawn l-istimini minn studji u nformazjoni oħra li tinġabar mill-MTA mill-istħarriġ tagħha. Bħala investiment, l-MTA tagħti ħafna mportanza lil dan il-qasam u taspira li Malta tista’ żżid aktar varjeta’ fil-prodott sportiv. F’Malta u Għawdex isiru kompetizzjonijiet ta’ atletika bħal maratoni u triathlons kif ukoll varjeta’ ta’ kompetizzjonijiet bir-roti, li llum huma parti regolari mill-kalendarju ta’ attivitajiet. Kellna fil-bidu ta’ din is-sena, għall-ewwel darba, sensiela organizzata ta’ football training camps fejn rajna numru ta’ teams internazzjonali jiġu Malta biex jagħmlu t- training tagħhom u anke saru diversi partiti bejniethom, u kif ukoll ma timijiet Maltin. Fil-fatt intlagħbu 16-il partita friendly li ntwerew live fuq il-midja nternazjonali u streaming . Permezz ta’ dawn iż-żjarat Malta ħadet ħafna promozzjoni ta’ valur ta’ mijiet ta’ eluf ta’ euro, u ħallew kontribuzzjoni sostanzjali fl-ekonomija tagħna – f’servizzi ta’ lukandi, transport, laundry , restoranti, kiri ta’ kampijiet tal-futbol, etc. Huwa stmat li fl-ewwel 3 xhur tas-sena din l-inizzjattiva ġġenerat qrib 10,000 bednight fil-lukandi taghna. Fil-fatt is-settur tat-Turiżmu Sportiv huwa ta’ importanza partikolari għaliex fejn hu possibli qegħdin nagħmlu ċerta attivitajiet fi żminijiet tas-sena li huma inqas popolari mat-turist regolari, u għalhekk inkomplu nżidu l-attivita’ turistika f’pajjiżna f’xhur li għadhom jifilħu aktar xogħol, partikolarment dawk tax-Xitwa, sabiex kemm jista’ jkun nevitaw aktar pressjoni fuq xhur li diġa’ huma servuti mid-domanda regolari u pjuttost laħqu l-limitu tagħhom. L-MTA talloka madwar nofs mlijun ewro speċifikament għall-promozzjoni tat-turiżmu sportiv lejn pajji¿na, imma fil-verita’ isir aktar investiment meta wieħed jikkonsidra l-valur minn cross-marketing minn attivitajiet oħra bħal ma, per eżempju, jekk nirriklamaw il-gzira ta’ Għawdex, fl-istess riklam taf ikollok ukoll messaġġ fuq il-possibilita’ ta’ l-għads, jew xi attivita’ oħra bħal trekking . L-istess meta nattendu fieri tat-turi¿mu, issir promozzjoni tas-setturi kolla inkluż dak tat-turiżmu sportiv jew attiv. Dawn l-attivitajiet għandhom valur addizzjonali u allura parti mill-investiment indirett f’dan is-settur. Apparti dan kollu l-MTA tospita wkoll numru ta’ press trips ta’ ġurnalisti, bloggers u krews tat-televiżjoni li jiġu Malta u Għawdex sabiex jirraportaw dwar dak kollu li joffru l-gzejjer f’dan il-qasam. Dan huwa mezz effettiv ħafna kif inwasslu l-messaġġ tagħna.
Leg 12 PQ #25330 Sitting 386 2016-05-09 Oral · Final From: ANTOINE BORG To: Ministeru għat-Turiżmu

MTA – kuntratt ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt bejn l-Awtorità ta’ Malta għat-Turiżmu (MTA) u l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt hekk kif mitlub, minkejja li hemm appell pendenti dwar dan mill-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu. Niċċara mill-ewwel li s-Sinjura Michelle Buttiġieġ mhix envoy , jew f’xi forma ta’ impjieg mal-Awtorita’, imma professjonista fit-turiżmu li s-servizzi tagħha ġew ingaġġjati lokalment fi New York sabiex tirrappreżenta l-MTA fil- marketing u promozzjoni ta’ pajjiżna fil-kontinent Amerikan. Is-Sinjura Michelle Buttiġieġ titħallas retainer fee ta’ €5,083 fix-xahar li baqgħat stabbli sa mill-bidu tal-kuntratt. Kif diġa msemmi hawn fuq, Michelle Buttiġieġ mhix impjegata ta’ l-MTA. Għaldaqstant l-MTA m’għandiex spejjeż addizzjonali ta’ taxxa, sigurta’ nazzjonali jew assikurazzjoni. Nieħu l-opportunita’ minn din il-Mistoqsija Parlamentari tal-Onorevoli Interpellant sabiex ninforma lil din il-Kamra li tlabt lill-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu tgħidli kif jikkompara l-ħlas li tirċievi s-Sinjura Michelle Buttiġieġ mal-ħlas li jirċievu rappreżentanti oħra bħalha għall-MTA fi swieq oħra u jiena ġejt infurmat li r-rapprezentanti ta’ l-MTA fl-Olanda, Belġju, Russja, Spanja u Skandinavja fost oħrajn, ilkoll kemm huma jirċievu ħlasijiet sostanzjalment għola minn Michelle Buttiġieġ minkejja l-fatt li l-ispejjez huma ferm għola fl-Amerika u b’mod speċjali fil-belt ta’ New York. Il-ftehim ma’ dawn ir-rappreżentanti ta’ l-MTA fl-Olanda, Belġju, Russja, Spanja u Skandinavja fost oħrajn, kien sar fl-2011/12 fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti u baqa’ għaddej bl-istess termini sa llum. Inżid ngħid ukoll illi kieku l-Awtorita’ kellha tibgħat lil xi ħadd minn Malta sabiex jagħmel l-istess xogħol li qegħda tagħmel Michelle Buttiġieġ, dan jigi jiswa lill-MTA ferm iżjed kemm f’salarju u allowances kif ukoll spejjeż oħra bħalma huma assikurazzjoni fuq is-saħħa u skejjel tat-tfal jekk il-persuna appuntata jkollha/jkollu. Fil-fatt, l-aħħar sena li l-MTA kellha uffiċju fi New York li kien ingħalaq fl-2004, il-paga u spejjeż oħra relatati ma’ l-impjieg ta’ dirrettur kienet ta’ madwar €7,300 fix-xahar li hija ‘l fuq minn 40% aktar u dan 12-il sena wara. Ta’ min jiġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Nterpellant illi, wara 12-il sena b’nuqqas ta’ rapreżentanza fis-suq Amerikan, rajna li f’sentejn biss wara li reġgħet ġiet stabbilita r-rappreżentanza tal-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu ġewwa New York, diġa qed isir impatt minn pajjiżna mal-kommunita tal-aġenziji tal-ivvjaġġar fl-Amerika. Konferma ta’ dan huwa l-unur prestiġġjuż mirbuħ mill-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu fis-6 ta’ Jannar 2016 fejn l-uffiċċju fl-Amerka rebaħ is-Silver Award fi tlett kategoriji ta’ l-Annual Travvy Awards ġewwa New York. Pajjiżna ġie ppremjat fil-kategoriji Best Luxury Destination Europe, Best Luxury Destination Overall u Most Innovative Tourism Executive Europe . Dan ta’ l-aħħar kien propju mirbuħ mis-Sinjura Michelle Buttiġieġ. L-Interpellant għandu jinnota wkoll is-suċċess li qed jinkiseb f’dak li jirrigwardja l-ammont ta’ vi¿itaturi mill-Istati Uniti fejn kif wieħed jista’ jara, iż-żidiet huma sostanzjali u dejjem jikbru f'termini t’għadd u perċentwali. Meta nikkomparaw l-2015 mal-2013, naraw tkabbir ta’ 33.4% mis-Suq Amerikan, filwaqt li bejn l-2015 u l-2012, iż-żieda hija ta’ 44%. Sena Numru ta’ viżitaturi Ż ieda (%) Ż ieda (numru ta’ persuni) 2012 18,027 2013 19,502 8 1,475 2014 22,402 14.8 2,900 2015 26,073 16.4 3,671
Leg 12 PQ #25264 Sitting 385 2016-05-04 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Ajruporti li huma servuti mil-linja tal-ajru Air Malta

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma, preżentament l-ajruporti li huma servuti mil-linja tal-ajru Air Malta? Liema hi l-frekwenza ta' titjiriet li jsiru mill-Air Malta għal kull waħda minn dawn id-destinazzjonijiet?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-lista ta’ ajruporti li huma servuti mil-linja tal-ajru Air Malta qed titpogga fuq il-Mejda tal-Kamra. Ngħarraf lill-Onorevoli Nterpellant illi l-informazzjoni rikjesta minnu hi diga’ disponibbli b’mod pubbliku fuq is-sit elettroniku tal-kumpanija.
Leg 12 PQ #25265 Sitting 385 2016-05-04 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Tnaqqis ta’ persuni barranin li jiġu jistudjaw l-ingliż

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 24649 fejn l-informazzjoni li ngħatat uriet li kien hemm tnaqqis ta' madwar 2% għal dak li jikkonċerna preżenza ta' studenti barranin biex jistudjaw l-Ingliż f'Malta, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-MTA hux qed tagħmel xi sforz partikulari biex dawn l-istudenti jerġgħu jiżdiedu? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk hux qed jiġu mfittxija xi swieq ġodda għal dawn it-tip ta' viżitaturi?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, kif diga ntqal fir-risposta li inghatat ghall-Mistoqsija Parlamentari numru 24649, is-swieq Libjan u Russu ghaddejjin minn diffikultajiet li m’ghandiex kontroll fuqhom. Fl-attivita’ li diga saret fl-2016 u li hi ippjanata ghax-xhur li gejjin, qed isir sforz partikolari sabiex tizdied l-attivita ta’ marketing fi swieq li, b’effett ta’ konnettivita’ ahjar, hemm opportunita li n-numru ta’ studenti tal-Ingliz jikber hekk kif jikber is-suq. Hawnhekk qieghed nirreferi ghal swieq fl-Ewropa tal-Lvant fosthom il-Polonja, Repubblika Ceka, Slovakja, Ungerija u r-Rumanija. L-Awtorita’ Maltija tat-Turizmu nediet ukoll inizzjattivi godda ghal dan is-settur fil-Germanja, Italja, Awstrija u Spanja filwaqt li qeghda tinvesti fondi godda fil-Gappun, Korea t’Isfel u pajjizi fl-Amerika Latina. F’dan is-settur l-Awtorita’ tahdem fil-qrib mal-Assoccjazzjoni ta’ l-Iskejjel ta’ l-Ingliz, kif ukoll ma skejjel individwali li jkollhom progetti li jiffokaw fuq swieq geografici partikolari jew nicec f’dan is-settur, bhalma huma korsijiet ippreparati apposta ghal professjonisti li jahdmu f’setturi bhas-settur bankarju, mediku, turistiku u tal-avjazzjoni fost ohrajn.
Leg 12 PQ #24750 Sitting 380 2016-04-25 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

MTA – vot għall-product development

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 24627, fejn ingħad li l-Ministeru għat-Turiżmu qed jaħdem sabiex inkunu nistgħu niksbu u nagħmlu użu minn fondi tal-Unjoni Ewropea, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar, sa issa, liema kienu l-fondi li ġew utilizzati minn dawn il-fondi, kif ukoll liema fondi oħra hu mistenni li jinkisbu minn dawn l-istess sorsi?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sa issa l-Awtorità Maltija għat-Turi¿mu flimkien mal-Ministeru tat-Turiżmu, kienu l-benefiċjarji ta’ numru ta’ proġetti minn fondi Strutturali u oħrajn hekk kif elenkati fil-lista hawn taħt: Fond Proġett ERDF 033 Bini ta’ public aquarium ġewwa l-Qawra; tisbiħ tal- promenade ta’ San Pawl u l-krejazzjoni ta’ cantilevered balcony ; bini ta’ ġnien pubbliku ġewwa Pembroke; krejazzjoni ta’ Walking/Cycle Track li tgħaqqad il-ġnien pubbliku ġewwa Pembroke mat-Torri tal-Madliena; Restawr tat-Torri tal-Madliena u r-Restawr tat-Torri ta’ Wignacourt f’San Pawl il-Baħar. EAFRD Malta Goes Rural fejn fassalna 9 mixjiet rurali b’fuljetti informattivi; installajna sinjali ta’ informazzjoni magħtul il-mixjiet u sebbaħna numru ta’ lokalitajiet rurali. ESF 2.11 Il-proġett (Advance) Developing Leaders for Change and Innoation in Tourism kien ko-finanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew (2007-2013) u b’valur ta’ €3,141,524 u ġie konklu¿fl-2013. L-għan prinċipali ta’ dan il-programm kien li persuni fi grad maniġerjali u grad ta’ supervisors li diġa’ jaħdmu fl-industrija tat-turi¿mu jew dawk li jixtiequ jibdew jaħdmu f’din l-industrija, jitħarrġu u jiġu assessjati permezz ta’ numru ta’ komponenti differenti li jwasslu għall-għoti ta’ Diploma fl-Immaniġjar fil-livell ħamsa (5) tal-Qafas Malti u Ewropew tal-Kwalifiki għat-Tagħlim tul il-Ħajja. ESF 2.78 Proġett ieħor - Retaining and Attracting People within Tourism Through Diversity Management li sar bejn 2012 - 2013 b’valur ta’ €294,481.42. Dan il-programm kien jinkludi taħriġ fil-livell ħamsa (5) tal-Qafas Malti u Ewropew tal-Kwalifiki għat-Tagħlim tul il-Ħajja kif ukoll ricerka. LDV Żewg programmita’ Leonardo da Vinci Mobility Action bejn 2011 u 2013: L-ewwel wieħed kien bl-isem Vivre l’authenticite b’valur €45,570.00 u sar bejn 2011 u 2012. It-tieni wieħed bl-isem Tourism Front-liners b’valur ta’ €34,986.71 li sar bejn 2012 u 2013. Erasmus + ( Applikazzjoni).Il-programm jiffoka b’mod speċjali fuq it-titjib tal-ħiliet diġitali tal-impjegati ħalli jtejbu l-pre¿enza tagħhom fid-dinja virtwali. ESF (Applikazzjoni). F’Settembru 2015, l-Awtorita’ applikat biex torganizza programm ta’ taħriġ bl-isem ta’ Entrepreneurship in Tourism . Dan il-programm huwa mmirat lejn nies li diġa’ qegħdin f’impjieg kif ukoll dawk li huma qegħda. Permezz ta’ dan it-taħrig, il-parteċipanti ser jiksbu ħiliet f’ Entrepreneurship li jgħinuhom biex jiftħu u joperawintrapri¿a relatata mas-settur turistiku. Il-parteċipanti ser jiġu ukoll imħarrga u mgħejjuna ifasslu business plan . L-applikazzjoni qed tiġi evalwata mill-PPCD. ERDF (2014-2020) Priority Axis: PA 2 - Consolidating investment within the ICT sector. Sabiex insaħħu l-kompetittivita’ fi swieq turistiċi promettenti Malta għandha tkompli tinnova l-offerta turistika mill-aspett diġitali. Għal dan il-għan il-Ministeru tat-Turiżmu qiegħed jirriċerka kunċett li jirrelata ma’ servizzi bbażżati lokalment li għandhom il-potenzjal isaħħu u jikkonsolidaw it-turiżmu lejn xtutna. Il-Pjattaforma Diġitali għat-Turi¿mu għandha twassal sabiex tioħloq ħa¿na ta’ informazzjoni li tiggwida lit-turisti waqt iż-żjarat tagħhom f’attrazzjonijiet diversi. Din l-informazzjoni ser tkun imfassla skond il-profil u l-lokazzjoni tal-utent u għandha tkun aċċessibbli minn kjoskijiet ta’ informazzjoni u minn applikazzjoni onlajn għat- telefonija ċellulari. Din l-informazzjoni ser tinħazen ġewwa pjattaforma li se tiġi mħaddna minn numru ta’ entitajiet governattivi, f’format miftuħ li għandu jsir aċċessibbli għall-pubbliku sabiex tigi distribwita informazzjoni dwar attrazzjonijiet turistiċi Maltin. Il-proġett ingħata bidu f’Ottubru 2014. Matul is-sena 2015 seħħew numru ta’ laqgħat ma’ azzjonisti diversi fosthom mal-Awtorita` Maltija għall-Komunikazzjoni (MCA), l-Agenzija tal-Informazzjoni u t-Teknologija (MITA) u l-Ministeru tal-Gustizzja, Kultura u Gvern Lokali (MJCL). Inħatar ukoll grupp ta’ ħidma li hu kompost minn uffiċjali li jirrappre¿entaw l-entitajiet imsemmija u li hu kompost ukoll minn uffiċjali fi ħdan l-Awtorita` Maltija tat-Turi¿mu u mill-Ministeru tat-Turi¿mu. Bħala ri¿ultat ta’ dan il-grupp ta’ ħidma, seħħ qbil mal-Aġenzija tal-Informazzjoni u t-Teknologija (MITA) sabiex titħejja proposta li għandha tigi sottomessa mill-Ministeru tal-Ekonomija, Investiment u l-Intraprizi (MEIB) għall-fondi ewropej u li ghandha tinkorpora proġetti li jaqgħu taħt ministeri diversi. Lejn l-aħħar parti tas-sena 2015, il-Ministeru tal-Ekonomija, Investiment u l-Intrapri¿i (MEIB) ħareg tender għat-tħejjija ta’ Cost Benefit Analysis li għandu jinkludi ukoll anali¿i dwar dan il-proġett. L-EUPD għadda feedback dwar dan it-tender u qed i¿omm komunikazzjoni kontinwa mal-MEIB u mal- MITA sabiex fis-sena 2016 tiġi sottomessa l-applikazzjoni mill-MEIB. L-applikazzjoni għal fondi tal-EU saret mill-MEIB. L-applikazzjonijiet għalqu fit-8 ta’ April 2016. Bħala parti minn dan il-proġett hemm involuti numru ta’ Ministeri illi kollha ser jimplimentaw numru ta’ proġetti relatati mal-informazzjoni diġitali. Il-parti mitluba ghal pjattaforma diġitali għat-Turi¿mu hija ta’ madwar €3,300,000 ERDF (2007-2013) Priority Axis – 2 – Promoting sustainable Tourism Proġett li jarrikkixxi l-offerta Turistika u Kulturali tal-Belt Valletta – Restawr tas-Saqaf tas-Sacra Infermeria, Btieħi interni tal-Palazz tal-Granmastru flimkien mal-faċċata fit-triq l-Arċisqof u t-Tisbieħ ta’ Pjazza Kastilja: Fl-2015 dan il-Ministeru ħadem fuq dan il-proġett li kien maqsum fuq tliet interventi: Restawr tas-saqaf tas-Sacra Infermeria f’dar il-Mediterran għall-Konferenzi (MCC); Restawr tal-faċċata tal-Palazz tal-Gran Mastru (Triq l-Arcisqof) u l-btieħi interni; Tisbiħ ta’ Pjazza Kastilja. Restawr tas-saqaf tas-Sacra Infermeria f’dar il-Mediterran għall-Konferenzi(MCC) – Permezz ta’ dan il-proġett twettaq ir-restawr tas-saqaf tal-injam fis-sala magħrufa bħala s-Sacra Infermeria li tmur lura għas-seklu sittax. Ir-Restawr ġie mwettaq minħabba lis-saqaf ġarrab ħsarat matul i¿-¿mien li kienu ikkawżati primarjament mill-elementi u l-umdita`. Dan il-proġett għandu l-iskop li jirrinova sit storiku u kulturali fil-Belt Valletta filwaqt li jikkrea attrazzjoni turistika ġdida permezz tar-restawr ta’ ¿ewg turġien, li jwasslu għall-ispazju miftuħ ta’ taħt is-saqaf kif ukoll għall-veduta spettakolari tal-Port il-Kbir li titgawda mit-terrazzin u l-bjut ta’ dan is-sit. Dan l-intervent joffri aċċess għat-turisti u l-vi¿itaturi. Interventi kumplimentari oħrajn jinkludu r-restawr tal-faċċata ta’ wara tal-MCC u l-installazjoni ta’ dawl artistiku fis-Sacra Infermeria. Il- proġett jammonta għal madwar €916,250 (VAT eskluż). Restawr tal-faċċata tal-Palazz tal-Gran Mastru (Triq l-Arċisqof) u l-btieħi interni: Dan il-progett kien jinkludi: Restawr tal-faċċata tal-Palazz tal-Granmastru (Triq l-Arcisqof); Restawr tal-btieħi interni; Dwal artisiku fil-btieħi interni. Ix-Xogħlijiet ammontaw għal €763,063 (VAT eskluż) u twettqu mill- Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir (GHRC). Tisbiħ ta’ Pjazza Kastilja – Dan il-proġett kien jinkludi: Pavimentar, tisbiħ u installazzjoni ta’ dwal; Xogħlijiet relatati mar-rilokazzjoni ta’ monumenti, tneħħija tas-siġar fil-Berġa ta’ Kastilja kif ukoll ta’ strutturi eżistenti fil-pjazza ( roundabout central strips ); Titjib fis-servizzi eżistenti fosthom l-ilma, d-dawl, s-sistemi tat-tisqija u installazzjonijiet oħrajn (li m’humiex parti mill-proġett tal-UE); Tisbiħ tal-pjazza u installazzjonijiet diversi; Sistemi ta’ monitoraġġ. Ix-Xogħlijiet ammontaw għal €1,624,930 (VAT eskluż) u twettqu mill- Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir (GHRC). EAFRD Rural Development Programme for Malta (2007-­‐2013) Application Form LEADER – AXIS 4 Action413.A1B – Setting Up of a Tourist Hub Uffiċċju tal-Informazzjoni għat-Turisti f’Marsaxlokk – Il-Ministeru tat-Turi¿mu flimkien mal-Awtorita` Maltija tat-Turiżmu u l-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk ħadmu flimkien sabiex jinfetaħ Uffiċċju tal-Informazzjoni għat-Turisti f’Marsaxlokk. Dan l-uffiċċju infetaħ għat-turisti u l-viżitaturi f’Ottubru 2015. Il-proġett sar taħt il-fondi tal-EAFRD (Leader) Gal-Xlokk. Il-proġett ammonta għal madwar €170,000 li minnhom madwar €100,000 kienu fondi tal-Unjoni Ewropeja.
Leg 12 PQ #24991 Sitting 380 2016-04-25 Oral · Final From: ANTOINE BORG To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — lista ta' xogħlijiet/konsulenzi/rapporti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24859 u jagħti lista sħiħa tax-xogħlijiet/konsulenzi/rapporti li tqabbdu jagħmlu l-kumpaniji li d-dettalji tagħhom qed jitpoġġew separatament mill-2013 sal-lum? Għal kull każ ta’ xogħol/konsulenza/rapport imqabbad, jista’ jgħid fiex kien jikkonsisti, kemm sewa (jew huwa stmat li jiswa), meta ngħata, jekk ingħatax permezz ta’ tender jew direct order u min kien l-uffiċjal li talab ix-xogħol/konsulenza/rapport rispettiv?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.