Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għarb — Trasport Pubbliku

Question

Peress li r-residenti ta' l-Għarb, Għawdex qed ibatu minn inkonvenjent rigward is-servizz tat-trasport pubbliku peress li dan ġie ridott għal tliet trips filgħodu biss, jista' il-Ministru jindirizza din il-problema sabiex dawn it-trips jiżdiedu?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li għadhom għaddejjin diskussjonijiet bejn l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta u l-Gozo Bus Owners Association dwar id-devjazzjoni u n-numru ta' traġitti li jsiru fuq ir-rotta bejn ir-Rabat u San Lawrenz sakemm jitlestew ix-xogħlijiet li qegħdin isiru fuq din it-triq. Id-diskussjonijiet dwar b'kemm għandhom jitnaqqsu n-numru ta' traġitti fuq din ir-rotta qegħdin isiru minħabba li r-rotta ta' devjazzjoni prattikament irduppjat fit-tul u l-ħin minn dik oriġinali. Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li malli jintlaħaq ftehim finali, iċ-ċittadini ta' dawn il-lokalitajiet jiġu nfurmati, filwaqt li malli jitlesta' x-xogħol fuq din it-triq, terġa' tidħol fis-seħħ ir-rotta u l-ħinijiet oriġinali.

Żvilupp Urban u t-Toroq — Rigali

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 17514, jista' il-Ministru jgħid għaliex ħadd minn dawk intervistati fiż-żewġ każi ma ġie appuntat separatament? Jista' jgħid x'wassal is-senior appointments advisory committee jieħu t-tali deċiżjonijiet?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Kif ġie ndikat fir-risposta li saret qabel, id-deċiżjoni ttieħdet mis-‘Senior Appointments Advisory Committee’. Għaldaqstant, ir-risposta trid tiġi mwieġba minn dan il-kumitat. Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Iklin — Pelican Lights

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 17473, jista' il-Ministru jkun aktar speċifiku u jagħti data aktar konkreta għal meta hu mistenni li jibda x-xogħol fuq dawn il-pelican lights?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Triq il-Qasam

Question

Jista' il-Ministru jinformana jekk u meta se tinfetaħ Triq il-Qasam għal Wied Għomor għal two way traffic? Jista' jispjega x'inhuma l-argumenti kontra li Triq is-Sidra, Swieqi, issir one way mir-residenti? Jista' jinformana jekk jew meta se joħorġu t-tenders sabiex ikunu jistgħu jsiru t-toroq fil-Madliena u l-Ibraġġ?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta qed tistenna li tirċievi l-minuti tal-laqgħa ta' konsultazzjoni li saret mill-Kunsill Lokali Swieqi nhar it-Tnejn, 17 ta' april, 2006 sabiex tkun f'pożizzjoni li tevalwa sewwa x-xewqat tar-residenti kollha tas-Swieqi b'referenza għal talba tal-Kunsill Lokali li Triq is-Sidra issir one way. Dwar it-toroq li jridu jsiru mill-ADT, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li uffiċjali tal-Ministeru u l-ADT spezzjonaw dawn it-toroq u bħalissa qed isiru l-istimi mill-periti tan-Network Infrastructure Directorate.

Ħal-Luqa — Rotot tal-Karozzi tal-Linja

Question

Jista' il-Ministru jinvestiga u jirrapporta lura lill-Parlament dwar ilment li qed jintbagħat separatament, rigward ir-rotot tal-karozzi tal-linja 32 u 34 li m'humiex jgħaddu kif indikat f'tabella mwaħħla fi Griq San Ġużepp, Ħal-Luqa "ħlief meta jiftlilhom" bir-riżultat li r-residenti jibqgħu jistennew ta' xejn? Peress li dan ir-rapport diġa' ġie mressaq għand il-kunsill lokali, Ħal-Luqa u anke għand l-Awtorita' dwar it-Trasport, jista' il-Ministru jgħid x'passi ttieħdu diġa' u x'passi se jittieħdu issa?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-Awtorita' sabet li kien hemm xi xufiera li kienu qegħdin jiddevjaw mir-rotta. Infurmat ukoll li għal ċertu perjodu ta’ żmien, ir-rotta inkwestjoni kellha tiġi devjata u għalhekk il-karozzi tal-linja ma setgħux jgħaddu minn Triq il-Ġdida Luqa minħabba li kien hemm it-triq magħluqa biex isiru xi xogħlijiet. L-Awtorita diġa infurmat lill-Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku sabiex ir-rotta tiġi osservata mix-xufiera. Barra minhekk, għal dan il-għan, l-Awtorita' ser tissorvelja dawn ir-rotot biex tara li x-xarabanks jgħaddu minn Triq il-Ġdida Luqa huma u sejrin lejn il-Belt Valletta.

Birkirkara — Triq l-Għabex

Question

Peress li Triq il-Għabex f'Birkirkara tinsab fi stat ħażin ħafna tant li r-residenti tat-triq bagħtu e-mail lill-Membri Parlamentari u anke bagħtu indirizz ta' website fejn wieħed jista' jara d-diżastru li hemm, jista' il-Ministru jara li l-ilmenti ta' dawn ir-residenti jiġu indirizzati minnufih?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat illi x-xogħol fit-triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant ġie maqsum f'diversi fażijiet. L-ewwel fażi jinkludi l-bini ta' retaining wall u t-tieni fażi jinkludi l-bini tat-triq imsemmija. Wara konsultazjonijiet mall-Mepa , kienu inbidlu scheme alignmentminħabba problema ta' storm water discharge li hemm f'dawn l-akkwati. It-tenders għal dawn ix-xogħolijiet inħarġu w id-Direttorat qiegħed jistenna biex jiġu mmarkati r-road alignments neċessarji mill-MEPA biex ikunu jistgħu jibdew dawn ix-xogħolijiet. Huwa mistenni li l-ewwel fażi tax-xogħol jinbeda' fit-tieni ġimgħa ta' April.

Mqabba — Triq il-15 ta' Settembru 1598

Question

Jista' il-Ministru jgħid, ġaladarba nħarġet anke l-esproprjazzjoni fil-gazzetta tal-gvern kopja hawn annessa, meta se jinbeda x-xogħol fuq Triq il-15 ta' Settembru 1598 fl-Imqabba?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat illi din it-triq qiegħda fil-lista ta' toroq li jridu jsiru mill-Awtorita' dwar it-Trasport. L-ADT toħroġ numru ta' tenders sabiex isiru numru ta' toroq minn żmien għal żmien skond il-prijoritajiet li tirriżulta minn diversi fatturi bħal żvilupp fit-triq, expropjazzjoni, formazzjoni tat-triq, kobor tal-proġett u żmien ta' kemm ilha ffurmata it-triq.

Ħ'Attard — Traffiku li jgħaddi minn Triq in-Nutar Zarb

Question

Jista' il-Ministru jgħidilna jekk għadx hemm il-ħsieb li t-traffiku li jgħaddi minn Notary Zarb Str, Attard fid-direzzjoni tar-Rabat jiġix devjat għal triq oħra li kellha tinbena fil-viċinanzi ta' Wied is-Sewda?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab informat illi l-pjanijiet biex tinbena t-triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant għadhom qed jiġu kkunsidrati. Id-Direttorat qed iħejji program ta' bini ta' toroq ġodda w dawn ser isiru skond il-prijoritajiet li jirrizultaw.

Ħ'Attard — Triq in-Nutar Zarb

Question

Jista' il-Ministru jikkonsidra li jirrakkomanda li fis-sezzjoni ta' Notary Zarb Street faċċata taċ-ċimiterju ta' Ħ'Attard isiru l-modifikazzjonijiet neċessarji sabiex jitnaqqas il-periklu li hemm preżentement u biex jiġi evitat in-numru inaċċettabbli ta' inċidenti tat-traffiku?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi se jsir studju rigward is-sit hawn fuq imsemmi sabiex tiġi evalwata l-aħjar sistema għal dan il-lokal.

Telgħa tax-Xemxija

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom il-bankina fit-triq u t-telgħa tax-Xemxija saret wiesgħa ħafna u dejqet it-triq arterjali konsiderevolment? X'se jiġri meta jinġabar ħafna traffiku, kif jiġri spiss, u jkun hemm xi ambulanza , fire engine, karozza tal-pulizija li tkun trid taqbeż il-karozzi f'emerġenza u l-karozzi ma jkollhomx spazju biex iwarbulha?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u għalhekk t-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Tigne' — Mina taħt il-bini tal-proġett MIDI

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 17751 u jgħid xi studji saru mill-ADT dwar il-mina li qed issir taħt il-bini tal-proġett MIDI f'Tigne' u jekk hux se tkun ta' periklu għall-karozzi peress li hija liwja qawwija ħafna? Jista' iqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' l-istudji, jekk saru?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq kien konsultat dwar l-applikazzjoni għal permess biex isir l-iżvilupp fil-Ponta ta’ Tignè, ix-Xatt ta’ Tignè, tas-Sliema (PA 4291/01) f’Jannar ta’ l-2002. Id-Dipartiment kien wieġeb fil-proċess ta’ konsultazzjoni fis-17 ta’ Mejju 2002, fis-sens li aċċetta l-proposta kif sottomessa mill-iżviluppatur, soġġetta għall-fatt li l-fireproofing, il-ventilazzjoni u d-dwal fil-mina jibqgħu materji ta’ riserva. Jien infurmat ukoll li saru żewġ studji separati u li kienu preżentati waqt is-smigħ ta’ l-applikazzjoni. L-ewwel rapport sar f’Ġunju ta’ l-2002 mill-konsulenti WS Atkins, bl-isem ta’ Objections to the Tignè Point Proposals, u t-tieni rapport sar minn aoM Partnership f’Awissu 2002 bl-isem ta’ Observations on Objections to Tignè Point Proposals. Qabel ma' l-ADT ħadet ir-responsabilitajiet li ttiha l-liġi t-Traffic Planning Unit fi ħdan il-MEPA kien ivverifika d-diżinn tat-toroq u t-Traffic Impact Assessements. Jista' jkun li l-MEPA għamlet studji oħra, sabiex din tkun iggwidata fl-aġġudikazzjoni tal-Mina ta' Tigne', qabel ma nbeda x-xogħol fuq l-istess Mina.

Ħal Qormi — Triq in-Nassab

Question

Tista' l-ADT tinvestiga l-ilmenti ta' residenti li jgħixu fi Triq in-Nassab f'Ħal Qormi dwar il-bankina ġdida li qed issir f'din it-triq li ġiet baxxa ħafna u mhux qed isservi ta' ilqugħ biżżejjed mill-vetturi u l-inġenji industrijali li jiffrekwentaw din it-triq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi x-xogħol fi triq imsemmija kien waqaf għal xi żmien minħabba problema ta' livelli ħżina tal-bini li hemm f'din it-triq. Wara konsultazjonijiet li saru mall-MEPA u rappreżentanti tal-Kunsill Lokali, ittieħdet deċiżjoni li biex jitranġaw id-differenzi li hemm bejn il-livelli tat-triq u tal-bini, il-bankina l-ġdida kellha titwessa' u tinbena b' "drop kerb" tul din it-triq. Dan sar biex ikun hemm aċċess tajjeb bejn it-triq u residenzji u garaxxijiet li hemm f'din it-triq.

Proġett tal-Park and Ride

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 18022 u jgħid f'liema stadju wasal il-proġett tal-park and ride?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 18022.

Protokoll Taljan — Toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew jiswew flus it-toroq li saru permezz tal-fondi tal-Protokoll Taljan, kull triq separatament? Il-Gvern Taljan għaddihom dawn il-flus lill-Gvern Malti, u jekk fl-affermattiv, kemm kien l-ammont ta' flus?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Siġġiewi — Asfaltar ta' Toroq

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 18082 u jara li jiġu rranġati bit-tarmac Triq San Niklaw u Triq Blue Grotto fis-Siġġiewi peress li jinsabu fi stat ħażin?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-toroq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant mhumiex toroq arterjali jew distributorji u għalhekk ir-responsabilita' tal-manutenzjoni ta' dawn it-toroq huwa tal-Kunsill Lokali.

Ħaż-Żebbuġ — Triq l-Imdina

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 18026 u jikkonferma li l-kuntrattur li għamel ix-xogħol f'Imdina Road, Ħaż-Żebbuġ - bejn Ħaż-Żebbuġ u r-Rabat - ma wassalx il-main ġdid tad-drenaġġ sal-pumping station Ta' Srina?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Ħal Qormi — Triq Ġdida fi Triq l-Iskultur

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 11607 dwar Triq Ġdida fi Triq l-Iskultur, Qormi, jista' il-Ministru jgħid fiex waslu t-tħejjijiet biex tiġi rranġata din it-triq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Triq l-Iskultur, Qormi hija nkluża fil-lista ta' toroq li jridu jinbnew mill-Awtorita' dwar it-Trasport. L-ADT qegħda tfassal strateġija kif toroq bħal din imsemmija jsiru fis-sentejn li ġejjin.

Imġarr — Dawl

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 18126 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid jekk hemmx ħsieb li t-triq li tagħti bejn iż-Żebbiegħ, limiti ta' l-Imġarr, u Għajn Tuffieħa tiġi mdawwla adegwatament, u dan biex tikkomplimenta t-triq il-ġdida li hija mdawwla bejn il-Mosta u ż-Żebbiegħ? Dan ikun importanti biex fl-istaġun tas-sajf idawwal triq arterjali importanti għat-turiżmu.

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li peress li t-triq imsemmija ma hiex triq arterja jew distributorja, r-responsabilita tad-dawl f'din it-triq ma taqax taht ir-responsabilita ta’ l-Awtorita’ dwar it-Trasport.

Ħaż-Żebbuġ — Triq Icilio Calleja

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 14886, jista' il-Ministru jgħid jekk il-permess ta' 1.5m Keep Clear Bay f'din it-triq kienx għal żmien stipulat? Jekk iva, sa meta kien dan il-permess? Jekk għadda ż-żmien stipulat tal-permess, x'passi se jittieħdu biex din il Keep Clear Bay titneħħa?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Traffic Management Unit irriżulta li l-Awtorita’ dwar it-Trasport ta’ Malta ma rċeviet l-ebda notifikazzjoni mill-Kunsill Lokali ta’ Haż-Żebbuġ li l-Keep Clear Bay msemmi m’hemmx bżonnu aktar u ma kien hemm ebda raġuni biex tali permess jiġi irtirat.