Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-parks li jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Ministeru? Liema parks oħra, li għandna f'Malta u Għawdex, ma jaqgħux taħt it-tmexxija tal-Ministeru? F'dawn il-każijiet min hu responsabbli mit-tmexxija ta' dawn l-istess parks?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-Parks li jaqgħu taħt ir-risponsabbilta` tal-Ministeru huma l-Park Nazzjonali Ta’ Qali; Il-Park Nazzjonali s-Salina; il-Park tal-Majjistral; Il-Park tal-Familja f’Wied l-Ghajn; Il-Buskett, esklużi ż-żoni fejn hemm siġar taċ-ċitru u li huma parti amministrata mill-Environment Landscape Consortium; il-Water Park Bugibba; Xrobb l-Għaġin Nature Park u Foresta 2000 Mellieha, dan ta' l-aħħar b’ kollaborazzjoni mal-Birdlife u Din l-Art Ħelwa. Rigward faċilitajiet oħra simili kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat. Bħal kull Ministeru ieħor jiena responsabbli li nwieġeb għal dak biss li jaqa’ taħt ir-responsabbilta` tal-Ministeru tiegħi.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9247, billi editorjal bħal dak li kkwotajt, fil-fatt jagħmel ħsara kbira lis-settur agrikolu, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' reazzjoni uffiċjali għamel il-Ministeru? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kull stqarrija li ħarġet mill-Ministeru dwar dan is-suġġett?
Response (BRINCAT, LEO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħtina kopja ta’ kwalunkwe studju li huwa għamel biex jistabilixxi dak li huwa qal li huwa ta ħsara kbira fuq is-settur. Skont kif irrapurtat fil-ħarġa f’The Times tal-10 ta’ Mejju l-istħarriġ tal-gazzetta wera li ħafna mill-bdiewa li huma stess irraportaw li ma kellhomx tnaqqis fil-bejgħ, ħeġġu iktar infurzar fuq il-ftit bdiewa li mhux qed jimxu mar-regoli. Kif diġa għidt fi tweġibiet oħrajn ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li d-Dipartiment tal-Agrikoltura jieħu l-passi kollha neċessarji f’każ ta’ abbużi u anke qiegħed għaddej minn proċess biex iżid in-numru ta’ spetturi. Sadanittant qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta’ risposta li ntbagħtet lill-The Times mid-Direttur tal-Agrikoltura, li kienet ippublikata nhar l-Erbgħa 7 ta’ Mejju. Ta’ min jgħid ukoll li fl-istess ġurnata d-Direttur tal-Agrikoltura kien intervistat mill-Public Broadcasting Service liema intervista dehret fl-edizzjoni ta’ fil-għaxija tal-aħbarijiet tal-PBS. Fl-intervista d-Direttur spjega r-regoli applikabbli u d-dettalji dwar l-infurzar li jsir u l-multi sostanzjali kkontemplati fil-liġi. Id-Direttur enfasizza l-fatt li l-persuni li jixħtu is-slurry fir-raba’ huma l-ftit u mhux il-ħafna u li d-Dipartiment jieħu l-passi kollha neċessarji kif isir jaf b’xi abbuż.
Hawnhekk inħoss li għandi niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li filwaqt li hu għandu dritt jagħmel il-mistoqsijiet li jrid u li jien m’għandi l-ebda problema nirrispondi, jidher kontradittorju li filwaqt li hu jemmen li qed issir ħsara hu nnifsu qed ikompli jgħati pubbliċita’ bil-mistoqsijiet ripetuti tiegħu fuq il-materja.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 9248, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu l-komunikazzjonijiet li waslu fil-Ministeru u dipartimenti li jaqgħu taħtu mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għall-clearances min-naħa tal-istess Ministeru, u dan b'rabta ma rziezet għall-annimali, ġibjuni u serer? Minn liema lokalitajiet, lokal lokal kienu l-applikazzjonijiet?
Response (BRINCAT, LEO)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bil-informazzjoni mitluba. Importanti li wieħed isemmi, hekk kif jien infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, preżentament l-applikazzjoni l-ewwel issir talba lid-Direttorat tal-Agrikoltura u wara tidhol il-Malta Environment and Planning Authority.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'kienu l-aħħar żviluppi għal dak li jikkonċerna r-riforma fil-Pitkalija? Meta saru l-aħħar laqgħat dwar dan is-suġġett? Ma min saru?
Response (BRINCAT, LEO)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li tajt għal-diversi mistoqsijiet preċedenti fuq l-istess suġġett fuq tagħrif mogħti lill-Ministeru mill-Uffiċju tas-Segretarjat Parlamentari, infakkar li x-xogħol għadu għaddej u qed nassiguraw li dan isir bir-reqqa meħtieġa. Ma naħsibx li huwa għaqli li noqgħod niddeskrivi kull biċċa xogħol u kull laqgħa li ssir. Il-Gvern wiegħed riforma u din ser titwettaq, għax kuntrarju tal-Gvern preċedenti dan il-Gvern iwettaq dak li jwiegħed.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk jafx li l-hard standing facilities li jinsabu Marsaxlokk qegħdin jintużaw kummerċjalment għal dgħajjes li mhumiex dgħajjes tas-sajd, kif inhu suppost riservat għalihom l-użu ta’ dawn il-faċilitajiet, b’detriment għal u f’kompetizzjoni ma’ faċilitajiet privati oħra li joffru dan is-servizz kif ukoll possibbilment kontra l-kundizzjonijiet marbutin mal-finanzjament mill-Unjoni Ewropea ta’ dawn il-faċilitajiet?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li m'għandhiex informazzjoni tat-tip li qed jgħid hu. Ir-regoli applikabbli sabiex wieħed jagħmel użu mill-faċilita` ma nbiddlux minn dawk li kienu applikabbli taħt l-amministrazzjoni preċedenti. Jekk l-Onor. Interpellant qed jalludi li dawn kienu ħżiena nitolbu jgħidilna kif u fejn ħalli nikkunsidrawhom.
Is-Siġġiewi — bini ta' impjant għar-riċiklaġġ ta' demel
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjani tal-Gvern għall-bini ta' impjant għal riċiklaġġ ta' demel li kien ippjanat mill-Gvern preċedenti li jsir fl-area magħrufa bħala Ta' San Niklaw fis-Siġġiewi?
Response (BRINCAT, LEO)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat fil-Mistoqsija Parlamentari 7793 tas-17 ta’ Frar 2014, ngħarrfu li wara li l-pjani tal-Gvern preċedenti spiċċaw irriżultaw f’kobba mħabbla kollha tbażwir u taħwid tant li anki l-istess konsulenti li qabbad il-Gvern dakinhar ħaslu idejhom mill-proġett, il-Gvern tal-ġurnata qed jindirizza l-issue tal-farm waste b’mod ħolistiku permezz ta’ working group imwaqqaf apposta u koordinat mis-Segretarju Parlamentari.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu hux qed jinvestiga l-allegazzjoni ta' rimi llegali ta' demel f'diversi żoni f'Għawdex? Peress li huwa magħruf li f'Għawdex mhemmx post ċentrali fejn jista' jitpoġġa materjal bħal dan, jista' jgħid jekk hemmx pjani li jindirizza din il-problema?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li d-Direttorat tal-Agrikoltura jispezzjona u jsegwi pass pass, skont il-liġi, kull rapport ta’ infrazzjonijiet li jirċievi li jirrigwardja ksur tal-leġislazzjoni dwar in-Nitrati, kif ukoll iwettaq programm ta’ spezzjonijiet matul is-sena fuq bażi ta’ analiżi tar-riskju u dan sabiex jitnaqqas l-abbuż.
Fir-rigward tal-aħħar parti tal-mistoqsija nassigura lill-Onor. Interpellant li l-Gvern qiegħed jittratta l-materja bis-serjeta` meħtieġa u kif tħabbar ġimgħat ilu twaqqaf
working group
biex jeżamina bir-reqqa din il-materja u s-soluzzjonijiet possibli li jindirizzaw il-problema.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru hux infurmat bil-kwantità ta' majjal mhux Malti li hawn fis-suq bħalissa? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk tinżammx informazzjoni dwar il-kwantitajiet ta' dan il-prodott li jkun ġej minn barra u jitqiegħed fuq is-suq Malti?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninsab infurmat li huwa obbligatorju li l-impurtaturi jagħtu informazzjoni dwar il-majjal impurtat lid-Dipartiment tas-Servizzi Veterinarji. Ta’ min ifakkar ukoll li s-suq tal-majjal fl-Ewropa huwa wieħed miftuħ.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm każi ġodda ta' palm attakkat mill-bumunqar aħmar, matul l-ewwel 4 xhur ta' din is-sena, u fejn? Jista' jagħti wkoll tagħrif dwar jekk tneħħewx xi restrizzjonijiet fuq re-planting ta' palm li jista' jkun meħtieġ li jinqala minn fejn ikun, minħabba xi xogħol?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninsab infurmat li matul l-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena nqerdu 171 siġra tal-palm. Minn dawn, 148 kienu nfettati filwaqt li 23 siġra tal-palm f’Malta kif ukoll f’Għawdex tqaċċtu għaliex dawn ma setgħux jerġghu jiġu mħawwla f’postijiet oħra. Bħala restrizzjonijiet fuq tħawwil mill-ġdid ta' siġar tal-palm, dawn għadhom fis-seħħ, skont l-Att tal-Kwarantina tal-Pjanti (CAP 433) u liġijiet sussidjarji.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' opri tal-baħar li għadhom reġistrati bħala li jistgħu jistadu għall-ħut, kemm fuq bazi part time, kif ukoll fuq bazi full time, skond il-lokalitajiet differenti, kif reġistrati mad-dipartiment tas-sajd?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngharraf lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ bastimenti tas-Sajd registrati fil-kategoriji professjonali tas-Sajd full-time u part-time (MFA u MFB), huwa ta 400 bastiment full-time u 623 part-time. Qed npoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tabella bil-informazzjoni mitluba.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — xogħlijiet lill-individwu
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet ingħataw lill-individwu li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament mill-Ministeru u mill-entitajiet, aġenziji, awtoritajiet, korporazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu bejn l-1998 u Marzu 2013, sena b’sena (inkluż ħatriet f’bordijiet)? Jista’ jgħid fiex kien jikkonsisti x-xogħol u kemm kien il-ħlas li sar f’kull każ? Jista’ jgħid jekk kull biċċa xogħol ingħatatx wara sejħa għall-offerti jew jekk hux b’direct order?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li fil-perjodu msemmi ma ngħatax l-ebda xogħol lill-individwu indikat.
Jista' l-Ministru jgħid meta huwa ppjanat li tibda tiffunzjona l-Awtorità ghall-Ambjent u r-Riżorsi?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi tibda tiffunzjona fid-data li jiddeċidi dwarha l-Gvern bħala Gvern – aktar tard din is-sena.
Peress li f'intervista ma’ The Sunday Times of Malta tat-13 ta' April 2014 il-Ministru ammetta li l-Ministeru tiegħu ma ġiex kkonsultat dwar ir-reviżjoni tal-policy dwar l-Outside Development Zones (ODZ), jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu kkontribwixxiex formalment għall-proċess ta' din il-policy li se jkollha impatt ambjentali sostanzjali u jekk iva, kif?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi filwaqt li m’għandiex xi nżid ma’ dak li stqarrejt pubblikament, ngħarrfek li bħala Ministeru għamilna kif huwa dmirna, l-evalwazzjoni teknika tagħna.
Peress li f'intervista li ta lill-ġurnal Malta Today il-Ministru qal li operatur u regolatur ta' entità pubblika m'għandhomx ikunu taħt l-istess Ministeru, jista' l-Ministru jgħid jekk bit-twaqqif tal-Awtorità għall-Ambjent, bħala operatur tal-iskart il-Wasterserv hux se tkun taqa' taħt ministeru ieħor peress li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi jingħad li se tkun ir-regolatur ta' dan il-qasam?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fil-mument opportun jingħata t-tagħrif kollu mitlub.
Jista' l-Ministru jgħid xi pjani għandu biex jindirizza dik li huwa stess iddeskriva bħala "racket" u ċjoe’ li ċerti operaturi tal-iskart qed iħalltu skart miġbur mid-djar ma' skart miġbur minn entitajiet kummerċjali b'mod li jġib fix-xejn l-isforzi li jiġi separat l-iskart mid-djar?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li jista’ jserraħ rasu li żgur mhux ser nagħmlu bħall-Gvern ta’ qabel, jiġifieri dak li jagħlaq għajnejh għall-dawn l-abbuzi fis-sistema. L-istakeholders group ser ikun qed jiġi kkonsultat u aġġornat dwar dan kollu – l-istess kif ser ikun il-pubbliku ingenerali fil-mument opportun.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq l-infurzar tar-regolamenti tal-kaċċa minn Marzu 2013 sa Marzu 2014? Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji ta' fiex saret din n-nefqa?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li jien infurmat li n-nefqa relatata ma infurzar kienet tlaħħaq madwar €675,000 u kienet tikkonsisti f’salarji tal-uffiċċjali tal-Wild Bird Regulations Unit relatati ma infurzar; salarji u spejjeż ta’ fuel għall-armata u salarji u spejjeż ta’ fuel għall-pulizija. Ta’ min ifakkar li x-xogħol ta’ infurzar irid isir il-ħin kollu sabiex Malta tista’ tonora l-obbligi tagħha.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu x-xogħlijiet strutturali li saru fil-biċċerija matul l-aħħar tnax-il xahar? Jista’ jgħid kemm kienet l-ispiża nvoluta, u minn min sar ix-xogħol ikkonċernat?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'investigazzjonijiet wettaq il-ministeru bħala follow up tal-editorjal li kien hemm fit-Times tas-26 t' April 2014, peress li dan l-editorjal għamel ħsara sostanzjali lill-prodott agrikolu Malti? Jista’ jgħid x'irri¿ulta mill-investigazzjonijiet li għamel il-Ministeru? Jista’ jgħid min wettaq l-istess stħarriġ?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lil Onor. Interpellant li jien infurmat li d-Dipartiment tal-Agrikoltura regolarment jagħmel spezzjonijiet ta’ nfurzar fuq abbużi bħat-tip li rrefera għalih l-Onor. Interpellant. Dawn l-ispezzjonijiet isiru kemm fuq bażi ta’
risk assessment
kif ukoll kull meta d-dipartiment jirċievi jew jinduna b’xi lment. Kull fejn ikun ikkunsidrat li jista’ jkun hemm kwistjoni ta’ saħħa pubblika d-dipartiment jgħaddi l-każ lid-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali fi ħdan il-Ministeru tas-Saħħa.
Jien infurmat ukoll li fil-każ speċifiku li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant id-dipartiment kien spezzjona din ir-raba’ kemm f’nofs is-sena 2013 kif ukoll fil-bidu t’ April ta’ din is-sena u fiż-żewġ istanzi ma nstabitx evidenza t’attivitajiet illegali. Mill-kampjuni tal-ħamrija li ttiehdu f’April ta’ din is-sena l-livell ta’ nitroġenu nstab li kien taħt il-limiti permissibbli.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema proġetti marbuta mal-agrikoltura, kienet mitluba clearance għalihom lill-Ministeru, jew xi dipartiment li jaqa' taħtu, wara li saru l-applikazzjonijiet lill-MEPA? Jista’ jgħid x'tip ta' proġetti kienu, u kemm minnhom ġew 'cleared' mill-Ministeru? Jista’ jgħid f'liema lokalitajiet kienu l-applikazzjonijiet li ġew aċċettati?
Response (BRINCAT, LEO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex ikun aktar speċifiku u jgħid għal liema proġetti qed jirreferi għalihom, għal liema dipartimenti partikolari u anke għal liema perjodu.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport dwar it-tniġġiż tal-arja mħejji għall-gvern mis-Sur Martin Scicluna u li l-Ministru kkonferma li kien sar mal-ġurnal The Malta Independent fil-ħarġatal-10 ta' April, 2014? Jista' l-Ministru jpoġġi wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjan ta' azzjoni dwar it-tniġġiż tal-arja li wkoll skont l-istess rapport tħejja mis-Sur Scicluna?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li s-Sur Martin Scicluna ma ħejja l-ebda rapport iżda biss memorandum non-binding – konsultattiv – li ġie mitlub minni. F’dawn iċ-ċirkustanzi ma nħossx li huwa opportun jew xieraq li nilqa’ it-talba magħmula speċjalment meta huwa maħsub li jiġi kkunsidrat biss wara l-qasma tal-MEPA.