Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sillabu għal-lezzjonijiet ta’ Gold Embroidery

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra s-sillabu għal-lezzjonijiet ta’ Gold Embroidery VET Level 1 li qed jiġi mgħallem fl-iskola primarja tal-Furjana?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra s-sillabu segwit fil-kors Gold Embroidery MQF1 (kors akkreditat).

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — ingaġġ ta' impjegati mill-Air Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk mill-1 ta' Jannar 2015 sal-lum ġewx impjegati persuni fis-segretarjat, f'xi dipartiment jew fi kwalunkwe entità pubblika li taqa' taħt ir-responsabilità tiegħu/tagħha li kienu bbenefikaw minn xi skema għall-irtirar kmieni mix-xogħol imnedija mill-Air Malta? Jekk iva, jista' jgħid kemm kien l-ammont ta' dawn il-persuni u fejn qed jaħdmu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat mid-direttorati, dipartimenti u entitajiet pubbliċi li jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Ministeru tiegħi li, fil-perjodu indikat mill-Onor. Interpellant, ma ġewx impjegati persuni li kienu bbenefikaw minn xi skema għall-irtirar kmieni mix-xogħol imnedija mill-Air Malta.

Skema ta’ taħriġ Enhancing Employability through training

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn iż-żgħażagħ qiegħda li qed jieħdu sehem fl-iskema ta’ taħriġ tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ imsejħa Enhancing Employability Through Training għadhom ma ħadux għajnuna finanzjarja ta’ 80% tal-paga minima kull xahar, minn mindu bdew it-taħriġ fis-16 ta’ Frar 2015?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Bi tweġiba għal din il-mistoqsija, il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ tixtieq tiċċara illi l-iskema li qed issir referenza għaliha hija dik ta’ Traineeship li hija parti mill-proġett bit-titlu ta’ Enhancing Employability through Training. Infurmat li sal-aħħar tal-ġimgħa l-oħra dawk il-persuni li bdew l-iskema fi Frar irċevew il-pagamenti ta’ xahrejn ħlief għal 18-il persuna illi għad għandhom xi dokumenti neqsin, li kienet ir-raġuni għad-dewmien kif spjegat hawn taħt. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fis-16 ta’ Frar 2015 il-Korporazzjoni daħħlet l-ewwel żewġ gruppi li bdew jieħdu sehem fl-iskema tat-Traineeship. Kien hemm numru ta’ nies illi l-pagament tagħhom ħareġ tard minħabba diversi raġunijiet li jinkludu: kuntratti mhux iffirmati mill-parteċipanti, dettalji bankarji mogħtija ħżiena lill-Korporazzjoni mill-parteċipanti, attendenzi b’firem tal-parteċipanti neqsin jew b’ħinijiet inkorretti jew intużaw attendenzi ta’ skemi oħra minflok dawk maħruġa mill-Korporazzjoni. Biex tgħaġġel l-ipproċessar ta’ dawn il-pagamenti l-Korporazzjoni ħadet diversi inizjattivi fosthom laqgħat mal-kumpaniji biex dawn jiggwidaw lit-trainees kif għandhom jimlew l-attendenzi, kif ukoll laqgħat mat-trainees infushom biex kulħadd ikun infurmat kif għandu jimla d-dokumenti. Impjegat tal-Korporazzjoni qed jintbagħat ukoll idur il-kumpaniji biex jiġbor id-dokumenti ħalli l-Korporazzjoni tkun f’pożizzjoni li toħroġ il-pagamenti fl-iqsar żmien possibbli. Kif id-dokumenti jkunu korretti l-ħlas ma jdumx biex jiġi pproċessat.

Skola Sekondarja ta’ Santa Luċija — studenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm studenti f’din is-sena akkademika fl-iskola Sekondarja ta’ Santa Luċija?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ studenti li qegħdin jattendu l-Iskola Sekondarja ta’ Santa Luċija (Kulleġġ San Tumas More) f’din is-sena skolastika hu 889.

Università – Taqsima tal-Agrikoltura – Institute of Earth Systems

Question

Jista' l-Ministru jgħid fl-Institute of Earth Systems, Taqsima tal-Agrikoltura, fl-Università tal-Qroqq mit-13 ta' Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari: (a) kemm kienu l-istudenti Maltin u barranin sena b'sena; (b) minn fejn oriġinaw dawn l-istudenti qabel ma bdew xi forma ta' studju fl-istitut; (c) liema korsijiet kienu offruti; (d) jekk il-korsijiet kinux offruti on part-time basis jew addirittura full-time għall-istudenti; (e) kemm kien in-numru ta' uffiċjali tal-Gvern li attendew għal xi tip ta' kors; (f) kemm kien hemm studenti li bdew il-korsijiet; u (g) kemm minnhom spiċċaw il-korsijiet b'suċċess?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li t-tweġibiet għall-mistoqsijiet tal-Onor. Interpellant, minn (a) sa (g), huma kif jidher fl-informazzjoni li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra u jirreferu għad-Diviżjoni Rurali li qabel kienet l-Istitut tal-Agrikoltura.

Università — Taqsima tal-Agrikoltura – Institute of Earth Systems

Question

Jista' l-Ministru jgħid: (a) liema huma l-korsijiet offruti mill-Institute of Earth Systems, Taqsima tal-Agrikoltura u kemm huma l-credits ta' kull kors offrut; u (b) jekk kienx hemm xi lecturers barranin li taw lezzjonijiet f'dawn il-korsijiet?

Response (BARTOLO, EVARIST)

B'referenza għal din il-mistoqsija dwar id-Diviżjoni Rurali li qabel kienet imsejħa l-Istitut tal-Agrikoltura, ninsab infurmat li: (a) Il-korsijiet offruti mill-Institute of Earth Systems, Division of Rural Sciences & Food Systems huma dawn: · Master of Science in Rural Sciences – 90 krettu ECTS · Bachelor of Science (Honours) in Mediterranean Agro-ecosystems Management – 180 krettu ECTS · Diploma in Agriculture – 60 krettu ECTS · Preparatory Course for Diploma in Agriculture – 60 krettu ECTS (b) Fil-kors tal-Bachelor of Science (Honours) in Mediterranean Agro-ecosystems Management, li hu msemmi f’(a), kien hemm Professur barrani mill-Università ta’ Peruġja li ġie jgħallem lill-istudenti tat-tielet sena permezz tal-programm tal-ERASMUS.

Wied il-Għajn, iż-Żejtun u l-Fgura – persuni jirreġistraw

Question

Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra kemm kien hemm persuni residenti Wied Għajn, iż-Żejtun u l-Fgura jirreġistraw għax-xogħol fl-ewwel parti tar-Reġistru fl-aħħar ta’ Diċembru 2014? Jista’ jindika dan lokalità, lokalità u kemm minnhom huma nisa u kemm irġiel? Jista’ jgħid kemm minnhom ilhom jirreġistraw sena? Jista’ jindika wkoll kemm persuni minn dawn il-lokalitajiet tneħħew minn fuq ir-reġistru għax sabu xogħol, u kemm minnhom tneħħew għal raġunijiet oħra?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fiż-żewġ tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Tabella 'A' turi n-numru taʾ persuni rreġistrati fuq l-ewwel parti tar-reġistru fl-aħħar ta’ Diċembru 2014 fil-lokalitajiet indikati fil-mistoqsija maqsum f’irġiel u nisa. Din it-tabella tagħti wkoll tagħrif dwar kemm kien hemm persuni li kienu qed jirreġistraw minn 12-il xahar sa taħt is-sentejn f’dawn il-lokalitajiet. Tabella 'B' tagħti tagħrif dwar kemm persuni minn dawn l-istess lokalitajiet waqfu jirreġistraw għax sabu xogħol ieħor u kemm għal raġunijiet oħra kif muri fit-tabella.

Għalliema peripatetiċi – sapport lill-istudenti neqsin mill-vista u smigħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm għalliema peripatetiċi li jżuru l-iskejjel b’mod regolari biex jissapportjaw ’il-istudenti neqsin mis-smigħ u/jew il-vista? Jista’ jgħid kemm hemm studenti neqsin mis-smigħ u/jew vista fl-iskejjel tal-Gvern li għandhom bżonn dan is-servizz?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ għalliema fi ħdan is-servizz ta’ għalliema peripatetiċi għall-istudenti neqsin mis-smigħ huwa ta’ tnax f’Malta u tlieta f’Għawdex, filwaqt li n-numru ta’ għalliema peripatetiċi għall-istudenti neqsin mid-dawl huwa ta’ tnejn. F'din is-sena skolastika (2014-2015), hemm 68 student neqsin mis-smigħ u 47 student neqsin mill-vista li qed jingħataw dan is-servizz fl-iskejjel tal-Gvern.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – konsulenti/persons of trust

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista sħiħa tal-persuni kollha li huma bħalissa ingaġġati mad-dekasteru tiegħu bħala konsulenti jew persons of trust jew għandhom contract for service mal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol jew entitajiet li jaqgħu taħtu? Jista’ jagħti dettalji dwar ir-rwol u r-responsabilitajiet tagħhom kif ukoll is-salarji, il-kundizzjonijiet u l-perkaċċi kollha? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti ta’ dawn il-persuni?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Bi tweġiba għal din il-mistoqsija, dwar konsulenti u persons of trust nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet mogħtija għall-mistoqsijiet parlamentari 11356 u 13578 (konsulenti), u 11256, 14942, 15295, 15296 u 15681 (persons of trust). Rigward persuni li għandhom contract for service, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabelli ta’ ħames entitajiet kif ġej: Tabella ‘A’ - Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla Tabella ‘B’ - Kunsill Malta għall-Isport Tabella ‘C’ - Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ Tabella ‘D’ - Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi Tabella ‘E’ - Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada Infurmat li l-entitajiet pubbliċi l-oħra fi ħdan il-Ministeru tiegħi m’għandhomx persuni ingaġġati b’ contract for service. It-tagħrif dwar persuni li għandhom contract for service fid-Direttorati/Dipartimenti jkun jista’ jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra hekk kif tingħatali din l-informazzjoni. Informazzjoni Addizzjonali - Ara dokumenti PL 4993 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra nhar it-Tnejn 18 ta' Mejju 2015 f'Seduta 264. ,

Raħal Ġdid, Ħal Tarxien, il-Gudja, Ħal Għaxaq, Santa Luċija u l-Marsa – persuni jirreġistraw

Question

Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra kemm kien hemm persuni jirreġistraw għax-xogħol fl-ewwel parti tar-Reġistru r-residenti ta' Raħal Ġdid, Ħal Tarxien, il-Gudja, Ħal Għaxaq, Santa Luċija u l-Marsa fl-aħħar ta’ Diċembru 2014? Jista’ jindika dan lokalità, lokalità u kemm minnhom huma nisa u kemm minnhom irġiel? Jista’ jgħid kemm minnhom ilhom jirreġistraw sena? Jista’ jindika wkoll kemm persuni minn dawn il-lokalitajiet tneħħew minn fuq ir-reġistru għax sabu xogħol u kemm minnhom għal raġunijiet oħra?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fiż-żewġ tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Tabella 'A' turi n-numru taʾ persuni rreġistrati fuq l-ewwel parti tar-reġistru fl-aħħar ta’ Diċembru 2014 fil-lokalitajiet indikati fil-mistoqsija maqsum f’irġiel u nisa. Din it-tabella tagħti wkoll tagħrif dwar kemm kien hemm persuni li kienu qed jirreġistraw minn 12-il xahar sa taħt is-sentejn f’dawn il-lokalitajiet. Tabella 'B' tagħti tagħrif dwar kemm persuni minn dawn l-istess lokalitajiet waqfu jirreġistraw għax sabu xogħol ieħor u kemm għal raġunijiet oħra kif muri fit-tabella.

Bormla – Skola Primarja — studenti

Question

Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra kemm hemm studenti f’din is-sena akkademika fl-iskola primarja ta’ Bormla? Kemm hemm bniet u kemm hemm subien?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta' studenti f'din is-sena skolastika fl-iskola primarja ta' Bormla, minn Kindergarten 1 sa Year 6, hu ta' 221. Minn dan it-total, 104 huma bniet filwaqt li 117 huma subien.

Raħal Ġdid – Skola Primarja — studenti

Question

Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra kemm hemm studenti f’din is-sena akkademika fl-iskola primarja ta’ Raħal Ġdid? Kemm hemm bniet u kemm hemm subien?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta' studenti f'din is-sena skolastika fl-iskejjel primarji ta' Raħal Ġdid, hu kif se nsemmi: Subien Bniet Total St Gorg Preca College Paola Primary A 241 230 471 St Gorg Preca College Paola Primary B 137 103 240 It-total tal-Iskola Primarja 'A' jinkludi studenti minn Kindergarten 1 sa Year 3.

Il-Fgura – Skola Primarja — studenti

Question

Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra kemm hemm studenti f’din is-sena akkademika fl-iskola primarja tal-Fgura? Kemm hemm bniet u kemm hemm subien?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta' studenti f'din is-sena skolastika fl-iskejjel primarji tal-Fgura, hu kif se nsemmi: Subien Bniet Total St Thomas More College Fgura Primary A 288 254 542 St Thomas More College Fgura Primary B 163 137 300 It-total tal-Iskola Primarja 'A' jinkludi studenti minn Kindergarten 1 sa Year 3.

Iż-Żejtun – Skola Primarja u Skola Sekondarja tal-Bniet

Question

Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra kemm hemm studenti f’din is-sena akkademika fl-iskola primarja taż-Żejtun u f’dik sekondarja tal-bniet taż-Żejtun? Kemm hemm bniet u kemm hemm subien?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta' studenti f'din is-sena skolastika fl-iskejjel primarji taż-Żejtun, hu kif se nsemmi: Subien Bniet Total St Thomas More College Żejtun Primary A 213 216 429 St Thomas More College Żejtun Primary B 114 100 214 It-total tal-Iskola Primarja 'A' jinkludi studenti minn Kindergarten 1 sa Year 3. Infurmat ukoll li n-numru ta' studenti fl-iskola sekondarja taż-Żejtun hu ta' 649. Minn dan it-total, 66 huma subien filwaqt li 583 huma bniet.

MCAST – riforma fl-edukazzjoni vokazzjonali

Question

B’referenza għal artiklu li deher fl-ewwel paġna tal-ħarġa tal-gazzetta The Times of Malta ta’ nhar it-Tnejn 30 ta’ Marzu 2015 dwar ir-riforma vokazzjonali u l-MCAST, jista’ l-Ministru jgħid kemm mistenni jiżdied in-numru ta' lecturers fi ħdan l-MCAST wara li tkun saret din ir-riforma?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-għadd ta’ lecturers jiżdiedu minn sena għal sena skont l-għadd ta’ studenti li jirreġistraw fid-diversi programmi li joffri l-Kulleġġ.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – servizz ta’ interpreti għall-persuni neqsin mis-smigħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru jew id-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu jużawx is-servizzi tal-interpreti għall-persuni neqsin mis-smigħ f’attivitajiet li jsiru? Jista’ jgħid kemm-il darba ntużaw dawn is-servizzi tal-interpreti f’attivitajiet organizzati mill-Ministeru jew mid-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu fis-snin 2013 u 2014 rispettivament? Jista’ jgħid x’kienu dawn l-attivitajiet?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi fid-dekasteru tiegħi servizzi għall-persuni neqsin mis-smigħ ingħataw kull meta kien hemm bżonn. Ninsab infurmat mid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi li l-interpreti għall-persuni neqsin mis-smigħ jagħtu servizz ta’ interpretu lil numru ta’ studenti neqsin mis-smigħ waqt il-lezzjonijiet fil-ħin tal-iskola. Fis-sena 2013 ingħataw 2176 siegħa ta’ interpretu waqt lezzjonijiet filwaqt li fl-2014 ingħataw 877 siegħa ta’ interpretu waqt lezzjonijiet. Fis-sena 2013, id-Dipartiment tal-Eżamijiet flimkien mal-Matsec Support Unit tal-Università ta’ Malta għamel użu mis-servizz ta’ communicator għal ħames kandidati li kellhom nuqqas ta’ smigħ għal waqt l-eżami tal-Ingliż fil-karta tal-‘Listening Comprehension’. Fis- sena 2014, id-Dipartiment għamel użu minn żewġ communicators għal seba’ kandidati tal-Ingliż waqt il-‘Listening Comprehension’. Infurmat ukoll li matul is-sena 2014, għall-Youth Specialisation Training Scheme Programme - Youth.Inc immexxi minn Aġenzija Żgħażagħ, sar użu minn Sign Language Interpretor sabiex studenta nieqsa mis-smigħ setgħet tkun assistita. Matul il-perjodu minn Ottubru sa Diċembru 2014 dan is-servizz intuża tmien darbiet, jiġifieri darba f’Ottubru, erba’ darbiet matul Novembru u tliet darbiet f’Diċembru. Il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ toffri servizzi ta’ interpreti għal persuni neqsin mis-smigħ meta dawn jinfurmawha li ġejjin biex jirreġistraw għax-xogħol u meta jitolbu dawn is-servizzi għal waqt intervista għax-xogħol. Kull meta l-Korporazzjoni torganizza laqgħat ta’ informazzjoni jew attivitajiet oħra għal persuni b’diżabilità, tistaqsi lil dawn tal-aħħar jekk għandhomx bżonn ta’ interpreti. Madankollu, l-esperjenza tal-Korporazzjoni hi li persuni neqsin mis-smigħ jippreferu li jkunu akkumpanjati minn qraba jew ħbieb meta jiġu għas-servizzi tal-Korporazzjoni. Fil-fatt fl-2013 u fl-2014, il-Korporazzjoni ma kellha l-ebda talba għal servizzi ta’ interpreti. L-entitajiet l-oħra fi ħdan il-Ministeru tiegħi ma użawx servizzi tal-interpreti għall-persuni neqsin mis-smigħ fis-snin 2013 u 2014.

MCST — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-persuni kollha li llum jaħdmu mal-MCST, kemm dawk b’kuntratt definit kif ukoll dawk b’kuntratt indefinit bl-isem u l-kunjom tal-persuna, il-job title u d-data tal-impjieg tagħhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista bil-pożizzjoni/grad u d-data tal-impjieg tal-persuni kollha li jaħdmu mal-MCST. Rigward l-isem u l-kunjom tal-persuni impjegati, peress li l-informazzjoni mitluba tista' twassal għal nuqqas ta' ħarsien tad-dritt għall-privatezza ta' individwi, l-informazzjoni mitluba se tingħata lill-Onor. Interpellant b’mod kunfidenzjali. Ngħarraf ukoll lill-Onor. Interpellant li kważi 60% tal-persuni li jaħdmu mal-MCST kienu impjegati qabel Marzu 2013.

Klabb 3-16 — attendenza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ tfal li qed jattendu l-programm Klabb 3-16 mxerred ma’ Malta u Għawdex matul is-sena skolastika 2014-2015? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra n-numru tat-tfal li qed jattendu l-programm lokalità b’lokalità? Jista’ jgħid kemm hu n-numru ta’ edukaturi li qed jagħtu l-kontribut tagħhom f’dan il-programm lokalità b’lokalità?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli bit-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant. Tabella 'A' hija dwar in-numru ta' tfal li rreġistraw u li qed jattendu l-programm lokalità b'lokalità, filwaqt li Tabella 'B' hija lista aġġornata ta' edukaturi fiċ-ċentri ta' Klabb 3-16 lokalità b'lokalità.

Alternative Learning Programme – opportunità ta’ taħriġ fl-impjieg

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu l-entitajiet u kumpaniji privati li offrew lill-istudenti fi ħdan l-Alternative Learning Programme opportunità ta’ taħriġ fl-impjieg matul is-sena skolastika 2014-2015? Jista’ jgħid kemm kien in-numru ta’ studenti abbinat ma’ kull kumpanija/entità?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-entitajiet u kumpaniji privati li offrew lill-istudenti fi ħdan l-Alternative Learning Programme opportunità ta’ taħriġ fl-impjieg matul is-sena skolastika 2014-2015 huma: 1. Motherwell Bridge – Taħriġ fil- Welding – 5 gruppi – (16-il student f’kull grupp, b’kollox 80 student). Jonqos grupp ieħor biex jattendi dan it-taħriġ. 2. Phoenicia Hotel – Taħriġ fil- catering - 14-il student - Jonqos 8 studenti oħra biex jattendu dan it-taħriġ. 3. Phoenicia Hotel - Taħriġ fil- gardening – 8 studenti.

Wied il-Għajn — Skola Primarja - studenti

Question

Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra kemm hemm studenti f’din is-sena akkademika fl-iskola primarja ta’ Wied il-Għajn? Kemm hemm bniet u kemm hemm subien?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta' studenti f'din is-sena skolastika fl-iskola primarja ta' Wied il-Għajn, minn Kindergarten 1 sa Year 6, hu ta' 713. Minn dan it-total, 354 huma bniet filwaqt li 359 huma subien.