Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid matul l-ewwel tliet xhur tas-sena kemm kien in-numru ta' persuni li l-pulizija ressqet il-qorti kawża ta' swat u/jew moħqrija fuq l-annimali? Jista' jipprovdi l-istess tagħrif għal dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul Jannar u Marzu 2006, il-Pulizija ressqet quddiem il-Qorti 5 persuni fuq reati relatati ma' moħqrija ta' annimali, filwaqt li l-persuni mressqa l-Qorti mill-Pulizija fuq l-istess reati matul il-ħames snin ta' qabel kienu kif ġej:
2001
2002
2003
2004
2005
11
30
16
1
10
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' vetturi li fil-mument il-korp tal-pulizija jeħtieġ sabiex jopera b'mod aktar effiċjenti b'infurzar tal-liġijiet?
Response (BORG, TONIO)
Kif diġa' spjegajt fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 15296, fil-preżent il-Korp tal-Pulizija għandu 'l fuq minn 250 vettura li jintużaw fid-diversi taqsimiet. Dan in-numru huwa suffiċjenti sabiex jaqdi l-ħtiġijiet attwali tal-Korp. Iżda kif jaf l-Onorevoli Interpellant, vettura hija għodda li maż-żmien tispiċċa bl-istess użu li jsir minnha. Huwa għalhekk li l-Korp tal-Pulizija kontinwament jaħseb biex gradwalment jakkwista vetturi sabiex jinbidlu dawk il-vetturi li ma jkunux aktar ta' servizz.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid liema hu l-apparat meħtieġ fis-sezzjonijiet varji tal-korp tal-pulizija sabiex dawn joperaw u jwettqu xogħol aktar professjonali?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-Taqsimiet tal-Korp għandhom l-apparat meħtieġ sabiex ikunu jistgħu jaqdu d-dmirijiet tagħhom b'mod professjonali. Pero', kif naħseb japprezza l-Onorevoli Interpellant, it-teknoloġija moderna tinbidel kontinwament minn jum għall-ieħor. Għalhekk il-Korp tal-Pulizija kontinwament iżomm ruħu aġġornat ma' tibdil li jkun qed isir sabiex gradwalment itejjeb l-apparat użat fil-qadi tad-dmirijiet. Per eżempju, matul din is-sena huwa maħsub li jsir upgrading tas-sistema ta' l-impronti diġitali magħrufa bħala l-AFIS, filwaqt li ser jinbidel il-laboratorju tal-fotografija minn sistema analogue għal wieħed diġitali. Qed isiru l-preparamenti meħtieġa sabiex in-network tar-rapporti tal-Pulizija, magħrufa bħala PIRS, tinbidel u minfloka tidħol sistema aktar moderna - il-PIRS 2. Dan in-network se jkun mifrux ma' ħafna aktar Għases u Taqsimiet milli kienet il-PIRS. Ser isir ukoll upgrading tal-kompjuters f'diversi Għases u Taqsimiet. Hemm ukoll il-ħsieb li jinxtara apparat portable għat-testijiet tan-nifs (breathalyzer), jinxtraw ukoll aktar portable radios sabiex kull membru tal-Korp ikollu mezz ta' kommunikazzjoni il-ħin kollu waqt il-qadi tad-doveri tiegħu, kif ukoll jibda l-proċess sabiex l-armi tan-nar jinbidlu ma' armi aktar moderni.
Barra minn dan, ta' min wieħed iżid, illi l-Korp tal-Pulizija is-sena li għaddiet investa f'numru ta' bullet proof vests u ma' l-1,500 luminous jackets kemm sabiex itejjeb il-professjonalita' kif ukoll is-sigurta' tal-membri tal-Korp waqt il-qadi ta' dmirijiethom. Ġiet ukoll imsaħħa s-sistema tar-radio network tal-Korp, billi saret stallazzjoni ta' wiring ġdid u inxtraw numru ta' repeaters kompluti bid-duplexers. Ma' dawn wieħed ta' min isemmi ukoll apparat modern u sofistikat li kapaċi jiddentifika kemm flus foloz kif ukoll dokumenti, bħal ma' huma passaporti. Inxtara ukoll fume cabinet li jintuża sabiex jittellgħu impronti diġitali b'mod aktar professjonali. Inxtraw ukoll affarijiet oħra bħal ma huma vetturi u diversi muturi, żwiemel u klieb, crash helmets, anti riot gears, first aid boxes għal ġol-vetturi, kif ukoll par manetti għal kull membru tal-Korp.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' stabilimenti kummerċjali li fil-mument il-pulizija resqithom il-qorti ta' Malta u Għawdex minħabba ksur tar-regoli tal-liġi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul Jannar u Marzu 2006, il-Pulizija ressqet quddiem il-Qorti 78 persuna fuq reati relatati ma' ksur tar-regolamenti dwar stabbilimenti kummerċjali.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għar-rigward tax-xogħlijiet ta' kostruzzjoni ta' pedament li qed isir flok dar qadima li twaqqgħet ħdejn il-Menqa ta' San Pawl , ingħatax xi permess mid-dipartiment ta' l-artijiet biex is-sidien jieħdu, jibnu u jagħlqu l-passaġġ li kien hemm minn żmien immemorabbli minn quddiem l-istess sit? Jista' jgħid jekk id-dipartiment ta dan il-kunsens, qabel iddeċieda, ħax in konisderazzjoni l-fatt illi issa l-pubbliku in ġenerali jrid jgħaddi bilfors minn trejqa bilkemm tgħaddi karozza u dan bil-perikli kollha immaġinabbli?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi d-Dipartiment ta' l-Artijiet għamel spezzjoni fil-post indikat mill-Onor. Interpellant u qiegħed jinvestiga il-każ aktar fid-dettal.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hi l-ispiża rikorrenti tal-kunsilli lokali meta tieħu in konsiderazzjoni l-kera ta' l-uffiċini, l-impjegati, is-servizzi kollha u l-impjegati fil-ministeru responsabbli mill-amministrazzjoni tal-kunsilli lokali?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li billi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar, tingħata tweġiba f'xi seduta oħra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-kamra żdingata li qiegħda biswit il-ħanut bl-isem ta' Cafe' de Vilhena, fi Triq ix-Xatt, l-Imġarr, Għawdex hijiex abbandunata u mhijiex qiegħda titħallas fuqha kera lid-dipartiment ta' l-artijiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern għadha qed tagħmel l-investigazzjoni neċessarja dwar il-proprjeta' li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 18377, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-kunsill lokali, bħala korp statutorju ta' gvern lokali b'personalita' legali u distinta, għandux l-obbligu li jwieġeb mistoqsijiet ta' membru parlamentari?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Mistoqsijiet Parlamentari huma mezz kif l-operat tal-Gvern ikun kontrollat. Il-Mistoqsija Parlamentari hi intiża sabiex Ministru jispjega jew jiddefendi x-xogħol, deċiżjonijiet ta' 'policy' u azzjonijiet tad-dipartiment li jaqgħu taħtu.
Peress li Kunsill Lokali m'huwiex dipartiment governattiv, anzi hu "korp statutorju ta' gvern lokali b'personalita' legali u distinta", il-Ministeru responsabbli mill-Gvern Lokali mhux tenut responsabbli għax-xogħol, policy decisions, u azzjonijiet ta' l-istess Kunsill Lokali iżda hu responsabbli, fost l-oħrajn, li jissorvelja l-operat.
Għaldaqstant l-Onor. Interpellant jista' jagħmel il-mistoqsija tiegħu direttament lill-Kunsill Lokali kkonċernat li minn naħa tiegħu, skond l-artiklu 45(ċ) ta' l-Att dwar Kunsilli Lokali, hu obbligat jagħti kopja ta' kull dokument li jappartjeni lill-Kunsill Lokali.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 18377, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk ir-risposta tiegħu tfissirx li jekk kunsill ikun qiegħed jabbuża mill-poteri tiegħu, id-dipartiment jieħu attitudni laissez-faire? Jekk dan mhuwiex il-każ, għaliex meta hemm talba mill-ex-Segretarju Esekuttiv in kwestjoni, id-dipartiment għadu ma ħax passi? Jekk min-naħa l-oħra d-dipartiment ħa passi dwar il-każ, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhuma?
Response (BORG, TONIO)
B'riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 18377, ninsab infurmat illi d-Dipartiment għall-Gvern Lokali ta direzzjoni lis-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali Żebbuġ (M) illi t-talba ta' l-ex Segretarju Eżekuttiv għal informazzjoni dwar ħlas mogħti lilha, kienet leġittima u għaldaqstant kellha tingħatalha.
Id-Dipartiment hu nfurmat illi l-Kunsill ser jgħaddi l-informazzjoni mitluba malli jkollu d-dettalji kollha u l-ex Segretarju Eżekuttiv ġiet infurmata b'dan. Minn naħa tiegħu, id-Dipartiment se jassigura li tali informazzjoni tingħata.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inqabdu persuni u x'kien l-ammont ta' droga li nqabdet mill-pulizija s'issa matul din is-sena? Jista' jgħid ukoll kemm kien hemm żgħażagħ taħt it-18-il sena li nqabdu fil-pussess ta' droga? Kemm kienu akkużati wkoll bit-traffikar ta' droga?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul Jannar u Marzu 2006, kien hemm 106 persuna li ġew investigati mill-Iskwadra ta' kontra d-Droga tal-Pulizija, li minnhom kien hemm 13 taħt l-eta' ta' 18 il-sena, filwaqt li 23 persuna kienu dwar traffikar ta' droga.
Infurmat ukoll illi l-ammont u tip ta' droga maqbuda fl-istess perijodu huwa kif ġej:
TipAmmont
Cocaine993.7grms
Heroin1kg 688.3grms
Cannabis resin30kg 187.85grms
Ecstacy132.5 tablets
Valium2 tablets
DHC68 tablets
BZP70.5 tablets
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-art fuq is-sit fejn kien hemm il-fabbrika Kastellana hijiex tal-gvern u jekk hux se jinbena supermarket?
Jista' jgħid jekk ingħatatx għal użu kummerċjali flok industrijali?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-art in kwistjoni mhix tal-Gvern.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'offerti ġew mitfugħa għall-bejgħ tas-sit tal-Holiday Inn f'Tigne'? Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tat-tender?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-offerti li ġew mitfugħa għall-bejgħ tas-sit tal-Holiday Inn f'Tigne huma dawn:
Imperial Point Co Ltd Lm23,300,000
Fort Cambridge Ltd Lm23,000,000
Nysir Malta Ltd Lm22,100,000
Hili Property Dev. Ltd Lm13,010,100
Schembri & Sons Ltd Lm12,800,000
Cambridge Const. Ltd Lm11,530,000
Cambridge Place Ltd Lm11,100,000
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja taż-żewġ avviżi u d-dokumenti tat-tenders.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid f'liema stat wasal il-ftehim bejn ir-residenti li daħlu lura fid-djar f'Tigne' wara li kienu marru jgħixu x'imkien ieħor minħabba l-proġett ta' Tigne'? Meta se jitħallsu l-flus imwiegħda lilhom? Liema partijiet tal-bini tagħhom qed jitqiesu kondominju li jridu jieħdu ħsieb?
Response (BORG, TONIO)
Peress il-ftehim tal-kirja jikkonċerna iżjed lid-Dipartiment tal-Akkomodazzjoni Soċjali u lill-Awtorita' tad-Djar, l-Onor. Membru huwa mitlub jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru ikkonċernat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il tribunal jeżisti fi ħdan il-qrati tal-ġustizzja ta' Malta u x'inhi l-kompetenza ta' kull wieħed minnhom?
Min huma l-ġudikanti/chairmen tat-tribunali varji fi ħdan il-qrati tal-ġustizzja ta' Malta?
Kif jiġu maħtura dawn il-ġudikanti/chairmen u għal kemm perijodu ta' żmien?
X'kienet ir-remunerazzjoni għax-xogħol tagħhom, ta' kull wieħed minnhom, fis-sena 2000, 2001, 2002, 2003, 2004 u 2005?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent fi ħdan il-Qrati tal-Ġustizzja jeżistu tlett tipi ta’ tribunali. Dawn huma Tribunal għat-Talbiet Żgħar li l-kompetenza tiegħu hija li jara talbiet sa mhux aktar minn Lm1,500; Tribunal ta’ Arbitraġġ dwar Qsim ta’ Wirt li l-kompetenza tiegħu hija li jaraw id-dritt ta’ Wirt u it-Tribunal għal Kummissarju għall-Ġustizzja li l-kompetenza tiegħu hija li tiġġudika dawk ir-reati mniżżla fl-Iskeda u mressaq mill-Gwardjani Lokali.
Il-ġudikanti/chairmen tat-Tribunal għat-Talbiet Żgħar huma kif ġej:
(a) Dr Joseph Refalo
(b) Dr Joseph Bonnici
(c) Dr Philip Manduca
(d) Dr Peter Borg Costanzi
(e) Dr Ian Spiteri Bailey
(f) Dr Doreen Clarke
(g) Dr Raphael Fenech Adami
Il-ġudikanti/Chairmen għal Tribunal ta’ Arbitraġġ dwar il-Qsiim tal-Wirt huma kif ġej:
(a) Dr Victor Borg Grech
(b) Dr Dominic Cassar
(c) Dr Pierre Lofaro
Il-ġudikanti/Chairmen għal Tribunal dwar il-Kummissarji għall-Ġustizzja huma kif ġej:
(a) Dr Audrey Demicoli
(b) Dr Robert Mangion
(c) Dr Anthony Farrugia Sacco
(d) Dr Roberta Fenech Gauci
(e) Dr Louis Vella
(f) Dr Matthew Brincat
(g) Dr Deborah Farrugia
(h) Dr Noel Bartolo
(i) Dr Mario Scerri
Il-ġudikanti/chairmen għal Tribunal tat-Talbiet iż-Żgħar jiġu maħtura mill-President ta’ Malta fuq il-parir tal-Prim Ministru skond Kap 380 ta’ Liġi ta’ Malta għal perjodu ta’ ħames snin.
Il-ġudikanti/chairmen għal Tribunal dwar il-Kummissarji għall-Ġustizzja jiġu maħtura mill-President ta’ Malta fuq il-parir tal-Prim Ministru skond l-Artikolu 4 Kap 291 tal-Liġi ta’ Mala għal perjodu ta’ sentejn.
Il-ġudikanti/chairmen għal Tribunal ta’ Arbitraġġ dwar il-qsim ta’ Wirt jiġu maħtura mill-President ta’ Malta fuq il-parir tal-Prim Ministru skond l-Artikolu 5 Kap 308 tal-Liġi ta’ Malta għal perjodu ta’ tliet snin.
Ir-remunerazzjoni għax-xoghol ta’ dawn il-ġudikanti/chairmen fis-snin imemmija hija kif ġej:
Tribunal Għal Talbiet Żgħar
Name2000
Lm2001
Lm2002
Lm2003
Lm2004
Lm2005
Lm
Dr Joseph Refalo3003.22470.66901.5542525072.74380.10
Dr Joseph Bonnici-2003550247527252250
Dr Philip Manduca-1402735287528002600
Dr Peter Borg Costanzi----29253375
Dr Ian Spiteri Bailey-----750
Dr Doreen Clarke-----425
Dr Raphael Fenech
Adami-----925
Tribunal dwar il-Kummissarji għall-Ġustizzja
Name2000
Lm2001
Lm2002
Lm2003
Lm2004
Lm2005
Lm
Dr Robert Mangion-678591758000500022225
Dr Anthony Farrugia Sacco4201475305058791125010775
Dr Louis Vella64525754650265026507175
Dr Matthew Brincat-610090506750637512025
Dr Deborah Farrugia-20504100445023506300
Dr Ramon Rossignaud420452562505475495011200
Dr Noel Bartolo-----1275
Tribunal ta’ Arbitraġġ dwar il-Qsim ta’ OIRT
Rigward ir-remunerazzjoni ta’ l-Arbitru dwar il-qsim ta’wirt, din tinħadem skond it-tariffa (e) Para 44(a) ta’ Kap 291, jiġifieri bħal dik ta’ Perit Legali. Ma tingħata l-ebda remunerazzjoni mill-Gvern għaliex il-ħlas isir mill-partijiet involuti.
Qorti ta’ Għawdex
L-uniku Tribunal li għandna fil-Qorti ta’ Għawdex huwa t-Tribunal għal Talbiet Żgħar, u għandu l-ġurisdizzjoni biex jisma’ u jaqta’ biss it-talbiet kollha ta’ flus ta’ ammont ta’ mhux iżjed minn Lm1,500.
Il-Ġudikatur jinħatar mill-President li jaġixxi skond il-parir tal-Prim Ministru, u dana minn fost avukati li jkunu pprattikaw f’Malta għal perjodu jew perjodi li b’kollox jammontaw għal mhux inqas minn seba’ snin. Dan skond l-Art. 4 tal-Kap. 380 tal-Liġijiet ta’ Malta
Billi l-ġudikatur preżenti Dr Mario Scerri għadu kif inħatar, għadu ma tħallas xejn.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi l-funzjoni tal-bord ta' l-arbitraġġ?
Kemm hemm arbitri fi ħdan dan il-bord u min huma?
Kif jiġu maħtura dawn l-arbitri u għal kemm perijodu ta' żmien?
X'kienet ir-remunerazzjoni għax-xogħol tagħhom, ta' kull wieħed minnhom, fis-snin 2004 u 2005?
Response (BORG, TONIO)
Il-funzjoni tal-Bord ta' l-Arbitraġġ skond Artiklu 4(1) ta' l-Att ta' l-Arbitraġġ hija "li jkun responsabbli għall-politika u għall-amministrazzjoni ġenerali ta' l-affarijiet u x-xogħol taċ-Ċentru".
L-ebda membru tal-Bord taċ-Ċentru ta' l-Arbitraġġ ma huwa arbitru.
L-Arbitri ġeneralment jinħatru mill-partijiet u dawn huma liberi li jaħtru lil min iridu basta dawn ikunu nies indipendenti u imparzjali fil-kawża. Iżda ċ-Ċentru għandu panels ta' arbitri għal diversi materji. Biex wieħed isir membru ta' dawn il-panels jeħtieġ li jkollu mhux inqas minn 7 snin esperjenza professjonali (5 jekk ikollu kwalifika post-graduate) u taħriġ fl-arbitraġġ. Persuni li kellhom esperjenza ta' ġudikanti għal mhux anqas minn 3 snin u dawk b'esperjenza professjonali ta' 12-il sena jew aktar u li kienu servew bħala periti legali (court appointed referees) għal mhux anqas minn 3 snin jiġu inklużi fil-panels mingħajr il-ħtieġa ta' taħriġ.
L-Arbitri fuq il-panels ma jinħatrux għal xi perjodu speċifiku iżda huma mistennija u mħeġġa biex jattendu korsijiet ta' taħriġ li jsiru miċ-Ċentru u anke jistgħu jitneħħew minn fuq il-panels jekk il-Bord jidhirlu li l-"performance" tagħhom ma tkunx sodisfaċenti.
L-arbitri jitħallsu mill-partijiet u mhux miċ-Ċentru.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm mill-bdiewa u raħħala li applikaw għal titolu tar-raba' jew razzett ġew rikonoxxuti s'issa? Kemm hu n-numru ta' każi li qed jiġu pproċessati u kemm hu n-numru tal-każi li għadhom ma bdewx jiġu pproċessati?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li sa issa mill-bdiewa li applikaw taħt l-Iskema tal-Qbiela 570 ġew rikonoxxuti filwaqt li l-applikazzjonijiet ta' 230 ġew rifjutati u 200 qed jiġu pproċessati. Hemm ukoll 8,700 applikazzjoni li għad iridu jibdew jiġu ipproċessati għalkemm ħafna mix-xogħol intern tat-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern tlesta wkoll, bħal per eżempju r-reġistrazzjoni tal-art fir-Reġistru tal-Artijiet.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu, awtoritajiet u kull ente li taqa' taħtu mill-2005 sal-lum xtrawx u/jew krewx u/jew ħadu b'ċens xi proprjeta' mis-settur privat? Jekk fl-affermattiv, meta u b'liema titolu? Ħarġet sejħa għall-offerti? Mingħand min akkwistaw din il-proprjeta'? Għal liema raġuni akkwistaw din il-proprjeta'? Jista' jitpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt jew tal-ftehim?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li tul is-sena li għaddiet inkera garaxx għal raġunijiet ta' sigurta' mid-Diviżjoni tal-Qrati tal-Ġustizzja għall-perijodu ta' sena bil-kera ta' tlett mija u sittin lira (Lm360) u ma kienx hemm ebda dipartiment ieħor li xtara, kera jew ħa b'titolu ta' ċens mis-settur privat xi proprjeta'.
Jista' il-Viċi Prim Ministru - kif ġentilment għamel il-Prim Ministru - jagħti tagħrif dwar l-infiq tal-ministeru, korporazzjonijiet, azjendi, enti u dipartimenti li jaqgħu taħtu, fuq mobile phones fis-sena 2005?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 17887, it-tagħrif mitlub mhux ir-responsabbilta' tad-Dipartiment ta' l-Artijiet li jaqa' taħtu? Jista' jagħtina t-tagħrif mitlub?
Response (BORG, TONIO)
It-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern m'għandiex informazzjoni dwar min huma s-sidien ta' proprjeta' privata la f'Buġibba u lanqas bnadi oħra. It-Taqsima żżomm biss informazzjoni dwar proprjeta' li hija tal-Gvern u proprjeta' privata li tkun suġġetta għall-esprorpju.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fl-ewwel tliet xhur ta' din is-sena kemm kien hemm tfal taħt is-16-il sena li nqabdu f'bars u postijiet oħra ta' divertiment kontra l-liġi? F'liema lokalitajiet? Jista' jgħid ukoll kemm mis-sidien ta' dawn il-postijiet diġa' kienu nqabdu li ħallew tfal taħt l-eta' jidħlu fil-post tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul l-ewwel tlett xhur ta' din is-sena il-pulizija sabet 35 persuna taħt is-sittax il-sena f'postijiet ta' divertiment ġewwa Paċeville u Wied il-Għajn. B'konnessjoni ma dan inbdew proċeduri quddiem il-Qorti kontra seba' persuni responsabbli minn dawn il-postijiet, li tlieta minnhom kienu diġa' nstabu ħatja mill-Qorti dwar dan ir-reat.