Jista' il-Ministru ġentilment jgħid jekk hux qed isir xi tip ta' kontroll biex jiġi aċċertat li xarbiet li jkunu reklamati u mmarkati li huma bla zokkor tabilħaqq ikunu hekk? Min jagħmel dan it-tip ta' kontroll?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Skond il-Food Safety Act 2002 ir-responsabilita' primarja li xarbiet li jkunu reklamati li huma bla zokkor ikunu tabilħaq hekk, taqa' taħt il-manifattur ta' tali xarbiet.
Bl-istess Liġi, tali manifattur irid ikollu l-kontrolli neċessarji biex ikun jista' jiġi aċċertat li dikjarazzjonijiet magħmula reklamati huma korretti mingħajr l-ebda żball.
Uffiċjali tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika jagħmlu spezzjonijiet regolari biex jaċċertaw li tali kontrolli jeżistu.
Jista' il-Ministru jikkonferma kemm jitħallsu fis-siegħa l-ispeċjalisti ta' l-isptar meta jkunu qegħdin fuq stand by?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Skond l-Artiklu 4 Subartiklu 1 tal-Ftehim Kollettiv dwar Klassifikazzjoni, Ristrutturar u Assimilazzjoni tal-Klassi Medika bejn l-M.A.M. u l-Gvern f'Awissu 1993. Il-Konsulenti huma mħallsa bir-rati li jihdru hawn taħt meta jkunu on-call:
Frekwenza
Rata fis-sena
Darba kull jumejn jew iżjed
Lm600
Darba kull erbat ijiem
Lm400
Inqas minn darba kull erbat ijiem
Lm200
Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra x'passi se jittieħdu biex l-inkonvenjent li qiegħed ibati pazjent - id-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament - jitneħħa u dan peress li ilu għaddej għal diversi snin?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jgħidilna x'inhu l-inkonvenjent li qiegħed ibati l-pazjent imsemmi
Jista' il-Ministru jgħid meta se tiġi ppubblikata l-white paper fuq id-djar ta' l-anzjani?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sar xogħol preparatorju fuq il-linji gwida eżistenti fejn jirrigwardjaw id-djar ta' l-anzjani u dan ix-xogħol qed jiġi studjat internament.
Jista' il-Ministru jgħid s’issa matul din is-sena kemm tqassmu siringi b’xejn mic-ċentri tas-saħħa? Jista' jagħti l-figuri għal kull ċentru separatament? Tinżamm statistika ta’ kemm-il persuna talbet siringa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
It-total ta' siringi li tqassmu miċ-Ċentri tas-Saħħa lil dawk li jabbużaw, mid-droga (minn Jannar sa Settembru 2004) huwa:
Furjana
Qormi
Gżira
Raħal Ġdid
Bormla
Mosta
Rabat
34750
13931
33130
48900
11599
14549
5141
Ma tinżamm l-ebda statistika ta' kemm il-persuna talbet siringa.
Jista' il-Ministru jgħid kemm inġabru siringi wżati f’kull ċentru tas-saħħa separatament matul din is-sena?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Fiċ-Ċentri tas-Saħħa ma tinżammx statistika fuq kemm inġabru siringi. Dan il-ġbir ta siringi jsir mill-Aġenzija Sedqa. Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi d-Domanda lill-Ministru li taħtu taqa' l-Aġenzija Sedqa.
Jista' il-Ministru jgħid fil-preżent f'Malta u Għawdex kemm huwa n-numru ta' lukandi/ristoranti u stabilimenti oħra ta' l-ikel u x-xorb li għandhom il-liċenzja sospiża minħabba li nstabu jiksru xi regolamenti tas-sanita'?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika ma toħroġ l-ebda liċenzja lill-lukandi, ristoranti u stabilimenti oħra ta' l-ikel u xorb. Għaldaqstant, hemm l-obbligu ta' reġistrazzjoni ma' l-istess Dipartiment ta' kull stabiliment ta' l-ikel skond l-Att ta' 2002 dwar is-Sigurta' ta' l-ikel (Chapter 449) Part IV Art. 11, kif ukoll b'Att. Legali 180 ta' 2001.
Id-Dipartiment jista' jagħlaq postijiet ta' l-ikel skond l-Att. ta' 2002 dwar is-Sigurta' ta' l-ikel Sec. 36.
Infurmat li bħalissa ma hemm l-ebda post f'malta u Għawdex li jinsab magħluq skond dan l-Att.
Jista' il-Ministru jgħid x'passi ħa d-dipartiment tas-saħħa rigward il-problema ta' drenaġġ quddiem Block C, Dockyard Terrace, Isla?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika ħareġ ir-reminders neċessarji fl-ewwel ta' April u fis-sittax ta' Lulju 2004 lill-Kummissarju ta' l-Artijiet, bħala s-sid responsabbli, u kopji lid-Direttur Housing Construction & Maintenance, biex isiru t-testijiet u investigazzjonijiet neċessarji sabiex tiġi solvuta din il-problema.
Infurmat li x-xogħlijiet neċessarji saru billi tnaddfet internament is-sistema tad-drenaġġ ta' dawn il-Blokki t'appartamenti, u billi tkabbret l-Intercepting Chamber tas-sistema tad-drenaġġ tagħhom biex tkun tista' tlaħħaq mal-volum tad-drenaġġ.
S'issa qatt ma reġa' kien hemm ilmenti mingħand l-inkwilini jew il-Kunsill Lokali dwar dan il-każ.
Jista' il-Ministru jgħid x'passi jista' jieħu d-dipartiment tas-saħħa f'sitwazzjoni fejn is-saħħa pubblika qed tiġi perikolata minħabba ħmieġ u ġrieden fi Triq John Borg, Imsida u l-kunsill lokali ta' l-Imsida ma ħa l-ebda passi wara li din is-sitwazzjoni ġiet rapportata għal diversi drabi? Din it-triq qatt ma ġiet imnaddfa fl-aħħar sena.
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li waqt spezzjoni li saret minn uffiċjali tad-Dipartiment għas-Saħħa Pubblika, f'10 ta' Novembru 2004, fit-triq indikata ma ġie nnotat l-ebda ġmieħ ta' skart jew x'akkumulu ta' materjal maħmuġ ieħor li jista' jagħti fastidju jew ikun ta' ħsara għas-saħħa pubblika jew jagħti lok fejn ibejtu jew jinġemgħu ġrieden jew insetti.
Minkejja dan, ħaddiema mis-Sezzjoni tal-Pest Control għamlu trattament intensiv ta' tqegħid ta' velenu fi Triq John Borġ, Imsida fit-12 ta' Novembru 2004.
Il-problema ser tibqa' tiġi segwita regolament sakemm l-infestazzjoni tal-ġrieden tiġi kkontrollata.
Jista' il-Ministru jagħti lista tas-safar li sar minn impjegati tad-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu bejn Jannar 2004 sal-lum? Kemm kienet l-ispiża għal kull safra u fejn siefru? Min kienu l-persuni li siefru? Xi grad għandhom (jew taħt liema skala ta' salarju jaqgħu) il-persuni li siefru? Min awtorizza kull safra? Min mar business class jew first class?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista li tipprovdi l-informazzjoni dwar safar uffiċjali tad-Dipartiment u Entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi bejn Jannar u Ottubru 2004, id-destinazzjoni ta' dan is-safar, kif ukoll l-ispiża fuq kull safra. F'dawk il-każijiet fejn il-kont tas-safra għadu ma ngħalaqx, naturalment l-informazzjoni dwar l-ispiża ma tistax tingħata.
Ma naħsibx li huwa l-każ li noqgħod nagħti l-ismijiet individwali tal-persuni nvoluti f'dan is-safar.
Fil-każ tas-Servizz Pubbliku, ir-regolamenti dwar is-safar uffiċjali, inkluż dwar minn għandu jawtoriżża dan is-safar kif ukoll min għandu d-dritt li jsiefer Business Class jinsabu b'sezzjonijiet 8.5 - 8.11 tal-Public Service Management Code.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' pazjenti Maltin li ntbagħtu għall-kura l-Ingilterra taħt il-bilateral agreement fl-2002 u l-2003? X'tip ta' kura ngħataw dawn il-pazjenti? X'kienet tkun l-ispiża kieku l-gvern kellu jħallas għal din il-kura?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jekk jogħġbu jgħid liema kienu t-taxxi, it-tariffi jew il-miżati li ddaħħlu jew ġew riveduti (kemm jekk għolew kif ukoll jekk raħsu) minnu, mid-dipartimenti jew mill-awtoritajiet, istituzzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħtu minn April 2003 sal-lum? Jista' wkoll jindika kemm kienu qabel ma għolew u kemm saru wara li għolew?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed tinġabar u tingħata risposta f'xi seduta oħra.
Raħal Ġdid — ċentru tas-saħħa - air conditioning units
Question
Jista' il-Ministru jara li fil-berġa tal-poliklinika ta' Raħal Ġdid jiġu provduti aktar air conditioning units għax dawk li hemm mhumiex adegwati, speċjalment fix-xhur tas-sajf għad-detriment tal-mediċini stess?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Qegħdin isiru studji ta' xi bżonnijiet oħrajn ta' air conditioning f'din il-poliklinika u f'polikliniċi oħra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' siringi li ngħataw miċ-ċentri tas-saħħa, wieħed wieħed, fis-snin 2003 u 2004 (s'issa)?
Response (DEGUARA, LOUIS)
In-numru ta' siringi li tqassmu lil dawk li jbatu mill-vizzju tad-droga fis-snin 2003 u 2004 (minn Jannar sa Lulju) huwa ta'
Sena
Floriana
Qormi
Gżira
Paola
Bormla
Mosta
Rabat
2003
42295
14572
39667
73300
17860
15942
7213
2004
(minn Jannar sa Lulju)
24542
10562
24250
38200
9683
10936
3888
Sptar San Luqa — Pazjenti li żaru l-casualty department
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' pazjenti li żaru l-casualty department fl-isptar San Luqa fis-snin 2002, 2003 u 2004 (s'issa)?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li n-numru ta' pazjenti li żaru l-Casualty Dipartment fl-Isptar San Luqa huma kif ġej:
Sena
Ammont ta' Pazjenti
2002
109,189
2003
111,034
2004 (sa l-aħħar ta' Lulju)
65,667
Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita' — Enerġija Solari
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi dipartiment taħt id-dekasteru tiegħu li għamel stallazzjoni jew ħaseb għal sorsi ta' enerġija differenti, bħal solar panels, solar heaters, battery operated cars, eċċ. f'dawn l-aħħar snin? Kemm kien ilaħħaq dan l-investiment?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed tinġabar u tingħata risposta f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew irrappurtati każijiet ta' kanċer bejn is-sena 2000 u s-sena 2003 f'Malta u f'Għawdex separatament? Jista' in oltre jagħti l-informazzjoni lokalita' b'lokalita'?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.