Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #20941 Sitting 417 2000-11-06 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Serqiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti breakdown tal-każi kollha ta' serq li sar mill-1 ta' Jannar, 2000 sal-ġurnata tal-lum b'indikazzjoni ta' liema minn dawn il-każi ġew solvuti u kemm tressqu persuni in konnessjoni ma' dawn is-serqiet quddiem il-Qrati? Jista' jagħti dettalji dwar l-eta' tal-persuni mressqa quddiem il-Qrati fuq każi ta' serq? Jista' jgħid kemm minn dawn li tressqu qegħdin isegwu programm ta' riabilitazzjoni mid-droga, jekk ikun il-każ?

Response (BORG, TONIO)

Dwar in-numru ta` każijiet ta` serq u dawk minnhom solvuti għal perijodu minn Jannar sa Settembru 2000, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 19988. Ninsab infurmat li matul Ottubru 2000, ġew irrappurtati lill-Pulizija 741 każ ta` serq. Fl-istess xhur ġew solvuti 20 serqa. Ninsab infurmat ukoll illi l-etajiet tal-persuni imressqa l-Qorti fuq il-każi solvuti ivarjaw bejn it-13 u 67 sena. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat illi l-Pulizija ma żżommx statistika tat-tagħrif hekk kif mitlub.
Leg 9 PQ #20661 Sitting 416 2000-11-01 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Intern

Servizz Sigriet — Telephone Tapping

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba ġew awtorizzati każi ta' telephone tapping? Kif qed jkun assigurat li s-servizz sigriet Malti ma jagħmilx sorveljanza fuq nies li ma jikkwalifikawx taħt il-liġi tas-servizz sigriet?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 8273.
Leg 9 PQ #20443 Sitting 415 2000-11-01 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Applikazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jaġġorna mistoqsija parlamentari numru 14861 għall-perijodu ta' bejn Jannar u Settembru ta' din is-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fl-aħħar ta` Settembru 2000 l-Awtorita` kellha 215 applikazzjoni pendenti li jipproponu żvilupp fi proġetti relatati ma` agrikoltura. Bejn Jannar u Settembru l-Awtorita` rċeviet 134 applikazzjoni ġodda għal żvilupp ta` din ix-xorta. Fl-aħħar ta` Settembru 2000 l-Awtorita` kellha wkoll 72 applikazzjoni għar-rikonsiderazzjoni mill-ewwel deċiżjoni li kienet ta` rifjut mill-Bord għall-Kontroll ta` l-Iżvilupp. Bejn Jannar u Settembru in-numru ta` applikazzjonijiet ġodda għal rikonsiderazzjoni kien ta` 43. Fl-aħħar ta` Settembru 2000 kien hemm 66 applikazzjoni għal deċiżjoni mill-Bord ta` l-Appelli. Bejn Jannar u Settembru in-numru ta` appelli ġodda kien ta` 20.
Leg 9 PQ #20451 Sitting 415 2000-11-01 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Qbiela tar-Raba' — Bord ta' l-Għażla

Question

Peress li f'kull mistoqsija ngħatat it-tweġiba li min se japplika għal skema ta' qbiela se japplika sabiex ikollu titolu, jista' l-Ministru jgħid minn min se jkun kompost il-bord ta' l-għażla ta' l-iskema l-ġdida (għat-titolu) tal-qbiela tar-raba' kif tispjega l-mistoqsija parlamentari numru 20030?

Response (BORG, TONIO)

Ma nistax nifhem għal x`hiex qiegħed jirreferi l-Onorevoli Membru, bil-Bord ta` l-Għażla. L-applikazzjonijiet kollha ser jiġu proċessati mill-uffiċjali tat-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern u ta` l-Uffiċċju Konġunt, skond l-Iskema mħabbra.
Leg 9 PQ #20646 Sitting 415 2000-11-01 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Mellieħa Sports Club — Ground tal-Football

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'reazzjoni kien hemm għall-ittra mibgħuta lilek bid-data tal-20 ta' Ottubru 2000 mill-Mellieħa Sports Club dwar talba għall-art li hemm ħdejn il-ground tal-football tal-Mellieħa u li dwarha diġa' rreferejtlek għaliha f'mistoqsija parlamentari nru. 19875?

Response (BORG, TONIO)

Il-proċedura hi li kull applikazzjoni għal devoluzzjoni ta` art tal-Gvern bi skop li tintuża għall-isports trid l-ewwel tiġi approvata mill-Kunsill Malti ta` l-Isports. Hu biss wara din l-approvazzjoni li t-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern tieħu l-każ f`idejha u jekk il-Kabinett jidhirlu li hekk ikun indikat, issir risoluzzjoni parlamentari.
Leg 9 PQ #19899 Sitting 414 2000-10-31 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Ministeru ta' l-Intern — Hospitality

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intefqu flus f'hospitality mill-vot tal-Estimi Ġenerali 2000 bejn 1 ta' Jannar 2000 sal-6 ta' Ottubru 2000?

Response (BORG, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li matul il-perijodu msemmi mill-Onorevoli Interpellant, l-ispiża f`hospitality kienet ta` 47.04% tal-vot allokat għal hospitality.
Leg 9 PQ #20397 Sitting 414 2000-10-31 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Awtorita' ta' l-Ippjanar — Proġett

Question

Jista' l-Ministru jaġġorna l-mistoqsija parlamentari nru. 14862 għall-perjodu ta' bejn Jannar u Settembru ta' din is-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Awtorita` ta` l-Ippjanar għandha quddiemha 3 applikazzjonijiet pendenti għal proġetti fl-akwakultura, u oħra għal rikonsiderazzjoni tad-deċiżjoni oriġinali.
Leg 9 PQ #20650 Sitting 414 2000-10-31 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Intern

Kriminalita' Organizzata

Question

Jista’ l-Ministru jgħid ma' liema pajjiżi hemm ftehim u/jew qed jiġi negozjat ftehim fuq il-ġlieda kontra t-traffikar illegali ta' narkotiċi u l-kriminalita' organizzata?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant kif ġej : - Pajjiżi li magħhom Malta iffirmat ftehim fuq il-ġlieda kontra t-traffikar illegali ta` narkotiċi u l-kriminalita` organizzata: Eġittu Franza Italja Libja Russja* Spanja Iżrael Ċipru Turkija Ungerija Repubblika Slovakka Pajjiżi li magħhom Malta qed tinnegozja ftehim simili: Bulgarija Kanada Repubblika Ċeka Messiku Rumanija Ukrajina USA Marokk Ġordan Tuneżija Afrika t`Isfel Ċina Indja Albanija Danimarka Greċja Irlanda Latvja Portugal Renju Unit Slovenja Svezja Belgium * Filwaqt li diġa` jeżisti ftehim formali dwar il-ġlieda kontra t-traffikar illegali ta` narkotiċi, qed isiru negozjati biex dan il-ftehim jiġi aġġornat biex tissaħħaħ il-koperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi fil-ġlieda kontra l-kriminalita` organizzata, inkluż il-ħasil ta` flus.
Leg 9 PQ #20733 Sitting 414 2000-10-31 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Intern

Common Data Base

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min minn huma d-dipartimenti li jikkontribwixxu d-data għall-Common Data Base tal-Gvern? Min huwa l-kap tad-dipartiment li taħtu taqa' l-Common Data Base tal-Gvern? X'tip ta' informazzjoni tinġabar f'din il-Common Data Base tal-Gvern? Min huma l-persuni u d-dipartimenti li għandhom aċċess għal din id-database u x'tip ta' informazzjoni jistgħu jieħdu minnha? Jikkonferma li l-Ministru li għamel użu min din id-data base biex jibgħat iċ-ċirkolari lil dawk kollha li iffirmaw il-petizzjoni tal-G.W.U.?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li d-Dipartimenti li jikkontribwixxu d-data għall-Common Data Base tal-Gvern huma r-Reġistru Pubbliku (Malta u Għawdex) u d-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali kif ukoll il-Kummissjoni Elettorali u l-Awtorita` ta` l-Ippjanar. Il-Common Data Base taqa` taħt ir-responsabbilita` tad-Dipartiment tar-Reġistrazzjoni Ċivili fi ħdan id-deskasteru tiegħi. Il-Kap ta` dan id-Dipartiment huwa id-Direttur tar-Reġistrazzjoni Ċivili. S`issa, f`din il-Common Database tinġabar informazzjoni dwar persuni u indirizzi. Bħalissa hemm 52 Dipartiment tal-Gvern, bi 891 persuna li għandhom il-permessi meħtieġa biex ikollhom aċċess għal din il-Common Database. L-informazzjoni li jistgħu jaraw hija dik imsemmija hawn fuq. Il-Ministeru ta` l-Intern ma bagħat l-ebda ċirkulari lil dawk li iffirmaw il-petizzjoni tal-General Workers Union.
Leg 9 PQ #20735 Sitting 414 2000-10-31 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Intern

Eureka Services Ltd

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kuntratt li l-Gvern iffirma ma' l-Eureka Services Ltd ġiex imġedded peress li ħafna minn dak li hemm fil-kuntratt għadu ma ġiex onorat?

Response (BORG, TONIO)

L-Onorevoli Interpellant huwa mgħarraf illi skond kif stipulat fil-paragrafu 21 (m) il-perijodu transitorju ġie mtawwal fuq talba tal-Gvern bi qbil mal-kumpanija u għalhekk jirriżulta li l-mistoqsija hija prematura apparti l-fatt illi l-Onorevoli Interpellant qed jagħmel asserzjoni ġenerali bla ma jkun speċifiku.
Leg 9 PQ #20736 Sitting 414 2000-10-31 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Intern

Reġistru Pubbliku — Eureka Services Ltd

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-iskrivani li hemm fir-reġistru pubbliku f'isem l-Eureka Services Ltd humiex qegħdin jagħtu irċevuta fiskali tal-VAT minflok timbru fuq irċevuta li juri li sar il-ħlas?

Response (BORG, TONIO)

L-Onorevoli Interpellant jaf li bejn Ottubru u Frar/Marzu ta` din is-sena, ma kien hemm ebda involviment min-naħa tad-dipartiment tar-Reġistru Pubbliku. Wara Marzu il-ftehim daħal fit-tieni fażi u issa r-riċerki qegħdin jiġu ordnati u jinġabru direttament mid-Dipartiment. Fi ftit ġimgħat oħra, il-ftehim ser jgħaddi għat-tielet fażi fejn il-Gvern jibda joħroġ ir-riċerki b`mod uffiċjali. Il-kumpanija tibqa` tħallas il-VAT iżda l-ħlasijiet lid-dipartiment jibqgħu VAT neutral. Fil-fatt, dwar din it-tielet fażi, id-Direttur Ġenerali diġa` talab il-parir tad-dipartiment tal-VAT u s-servizz li l-kumpanija qed tagħti u ser tibqa` tagħti lill-Gvern huma suxxettibli għall-ħlas tal-VAT. Il-klijenti ma jħallsux VAT. Iżda d-Dipartiment irid jirkupra l-ispejjeż kollha. L-uniku eċċezzjoni ser tkun ir-riċerka tat-Testmenti Pubbliċi - hemm mhux ser ikun hemm ħlas tal-VAT għax il-Kumpanija, bħala parti mill-pakkett tal-ftehim, intrabtet li toffri dan is-servizz lill-Gvern, bla ħlas. Tajjeb li nieħu din l-okkażżjoni sabiex infakkar lill-Onorevoli Interpellant li, wara żmien twil li l-Gvern ma kien qiegħed idaħħal xejn mir-riċerki ħlief ħlas tal-VAT u CET fuq riċerki li kienu jsiru mill-kumpanija imsemmija fil-mistoqsija, din is-sena l-ħlas ta` VAT għar-riċerki żdied għal madwar Lm12,000 kull tlett xhur. Għalhekk, filwaqt li nieħu gost ninnota l-interess li qed juri l-Onor. Interpellant fil-ġbir tat-taxxi, kont napprezza iktar kieku dan l-interess esprimih fi żmien meta kienet topera sistema qabel Ottubru 1999, meta kienu jsiru riċerki minn persuni privati u ħlas ta` VAT ma kien isir xejn. Din l-evazzjoni issa ġiet kontrollata bis-sistema ġdida ta` riċerki li dan il-Gvern introduċa.
Leg 9 PQ #20590 Sitting 413 2000-10-31 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Intern

Ministeru ta' l-Intern — Spejjeż

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu stmat li se jkunu l-kontijiet pendenti u spejjeż konnessi li mhux se jilħqu jkunu mħallsa sa tmien din is-sena? Fis-supplementary estimates kemm huwa stmat li se jkun l-ammont meħtieġ biex ikopri ammonti mhux koperti fl-estimi għas-sena 2000?

Response (BORG, TONIO)

Bħal ma normalment isir, il-Ministeru qed jagħmel kull sforz biex ma jitħallewx kontijiet pendenti għas-sena d-dieħla. Jien infurmat li bħalissa qed isir l-ikkuntjar neċessarju biex wieħed jasal għal figuri totali li fuqhom jiġi eventwalment deċiż jekk jew kemm ikun hemm bżonn fondi supplementari fil-voti tal-Ministeru. Jien infurmat ukoll iżda li stimi tat-tip mitluba mill-Onorevoli Interpellant jistgħu jvarjaw sostanzjalment bejn issa u l-għeluq tas-sena finanzjarja u għalhekk ma narax l-utilita` li jingħataw.
Leg 9 PQ #20638 Sitting 412 2000-10-30 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

Luqa — Għassa

Question

Jaf il-Ministru li l-għassa ta' Ħal Luqa mhix tkun miftuħa, partikolarment matul il-lejl? Jekk iva, x'inhija r-raġuni?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Għassa tal-Pulizija ta` Ħal Luqa qed tkun miftuħa regolarment lejl u nhar.
Leg 9 PQ #20517 Sitting 411 2000-10-30 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Extra

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ilhom ma jitħallsu ta' l-extra l-pulizija? Kemm għandhom jieħdu? Meta se jitħallsu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-ħlas ta` extra duty maħdum minn membri tal-Korp tal-Pulizija fuq talba ta` terzi, isir regolarment kull xahar. Fil-fatt, sa l-aħħar ta` Ottubru ta` din is-sena, dawn il-membri tal-Korp tħallsu s-somma globali ta` Lm633,510.43 filwaqt li Lm149,004.00 għad iridu jitħallsu. Dan il-ħlas jiddependi wkoll mill-ħlas li jsir mill-privat lill-Pulizija.
Leg 9 PQ #20518 Sitting 411 2000-10-30 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm għases tal-pulizija f'Malta u f'Għawdex li huma bla karozza għall-general use peress li l-karozzi li għandhom jintużaw biss mis-supretendent jew/u spetturi? Kif jistgħu l-pulizija jaqdu d-doveri tagħhom meta jissejħu fuq xi post u ma jkollhomx karozza biex imorru?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-vetturi (karozzi) assenjati fid-Distretti tal-Pulizija huma kif ġej: Distrett Nru. 1 2 Distrett Nru. 6 3 Distrett Nru. 2 3 Distrett Nru. 6A 2 Distrett Nru. 3 3 Distrett Nru. 7 3 Distrett Nru. 4 3 Distrett Nru. 8 3 Distrett Nru. 5 3 Distrett Nru. 9 4 Distrett Nru. 10 7 Ma` dawn il-vetturi jkun hemm ukoll numru ta` vetturi mill-Iskwadra tal-Mobile sabiex jassistu lill-Pulizija tad-Distrett, f`każ ta` ħtieġa. Ta` min iżid ukoll fil-Korp tal-Pulizija dejjem għaddej proċess kontinwu ta` xiri ta` karozzi sabiex kemm jista` jkun il-bżonnijiet ta` trasport fil-korp ikunu moqdija.
Leg 9 PQ #20550 Sitting 411 2000-10-30 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Rapporti ta' suwiċidji

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew irrapportati suwiċidji mill-1/1/2000 sal-lum? Jista' jgħid kemm minn dawn kienu rġiel u nisa u ta' kemm kienet l-eta'?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant għadu l-istess kif mogħti fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 19801.
Leg 9 PQ #20623 Sitting 411 2000-10-30 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs Ċivili — Klieb kontra d-drogi

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-klieb ta' kontra d-drogi ftit qed jintużaw fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-klieb ta` kontra d-droga li qegħdin għal użu tal-Faċilita` Korrettiva ta` Kordin jintużaw regolarment. Ma hemm l-ebda klieb li twarrbu jew ma jintużawx, jew li mhux qed tintuża l-kapaċita` tagħhom kollha.
Leg 9 PQ #20667 Sitting 411 2000-10-30 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Ħsarat Strutturali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'passi ħadet il-Pulizija dwar rapport li sar mill-inkwilini fil-kerrejja bl-indirizz 243, Triq San Pawl, Valletta, dwar periklu minħabba ħsarat strutturali, ċertifikati minn perit li huma serji ħafna?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi r-rapport li għandha l-Pulizija jikkonċerna fond numru 247 Triq San Pawl, il-Belt. Fl-20 ta` Settembru 2000 il-Pulizija intimat lill-amministratur ta` dan il-fond sabiex ineħħi il-periklu immedjatament. Peress li l-periklu baqa` ma tneħħiex ser jittieħdu proċeduri quddiem il-Qorti. Il-każ huwa appuntat għas-smiegħ nhar l-14 ta` Novembru 2000.
Leg 9 PQ #20534 Sitting 410 2000-10-27 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Xogħol bla permess f'Tas-Sliema

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-PA ħarġitx xi enforcement order fuq xi bini ta' kmamar li nbnew bla permess f'xi fergħa ta' bank f'Tas-Sliema?

Response (BORG, TONIO)

Tweġiba tingħata f`xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #20553 Sitting 410 2000-10-27 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Tisrif ta' flus

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew arrestati persuni li jkunu jsarfu flus barranin mingħajr liċenzji jew permess bejn 1999 sa Ottubru 2000? Kemm minnhom ġew mtella' l-Qorti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-perijodu speċifikat mill-Onorevoli Interpellant kien hemm 23 persuna li ġew investigati mill-Pulizija dwar tisrif ta` flus barranin mingħajr permessi meħtieġa. Ninsab infurmat ukoll illi ttieħdu proċeduri kriminali quddiem il-Qorti kontra 13 minnhom.