Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq rigali li ngħataw minnu jew mill-istaff privat tiegħu, kemm f'Malta kif ukoll barra minn Malta, matul l-2003, 2004, 2005 u minn Jannar 2006 sal-lum separatament? Jista' jgħid lil min ingħataw, fiex kien jikkonsisti r-rigal li ngħataw, kemm qam flus, minfejn inxtara u min approva x-xiri tiegħu? Jista' jgħid x'rigal ingħata hu bħala Ministru b'reċiproċita'?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-nefqa hi kif ġej:-
2003 Lm 805.18
2004 Lm 800.92
2005 Lm 936.25
2006 xejn s'issa
L-oġġetti kienu jikkonsistu f'kotba, ċeramika, oġġetti tal-fidda li jirrapreżentaw id-dgħajsa Maltija jew salib tal-kavillieri, bizzilla, Mdina Glass, u Muniti Kommemorattivi tal-Bank Ċentrali.
L-okkażjonijiet jinkludu l-irtirar ta' uffiċjali għolja, Prize Days ta' skejjel, u żjajjar ta' personalitajiet barranin.
Mhux kull okkażjoni tkun ġiet reċiprokata. Fejn kien hemm reċiproċita' l-oġġetti kienu jikkonsistu f'kotba, oġġetti tal-kristall jew ċeramika u oġġetti tal-fidda.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 16715 u jgħid x'inhu n-numru ta' studenti, maqsumin bħala bniet u subien, li se joqogħdu għall-eżamijiet tal-MATSEC f'Mejju/Ġunju li ġej? Kemm minnhom huma minn skejjel ta' l-istat, tal-Knisja u dawk indipendenti?
Response (GALEA, LOUIS)
In-numru ta' studenti li ser joqogħdu għall-eżamijiet tal-MATSEC fis-sessjoni ta' Mejju 2006, maqsumin bħala bniet u subien, u mill-liema tip ta' skola huma kif jidhru fit-tlett tabelli li ser jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tabella 1 turi n-numru ta' kandidati mill-iskejjel ta' l-Istat, li jinkludu l-iskejjel post-sekondarji tal-Gvern, L-MCAST u l-Junior College.
Tabella 2 turi n-numru ta' kandidati mill-iskejjel tal-Knisja u skejjel Indipendenti.
Tabella 3 turi n-numru ta' kandidati privati.
Għalkemm jeżistu xi regolamenti dwar dak li għandu jinbiegħ u dak li m'għandux fit-tuck shops u l-canteens ta' l-iskejjel, jista' il-Ministru jgħid kif isir l-enforcement biex jiġi żgurat li r-regolamenti qed jiġu osservati u b'hekk qed jiġu protetti t-tfal?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-kuntratt li jsir għall-kiri ta' Tuck Shop fi skola statali hemm sensiela ta' kundizzjonijiet li jinkludu x'għandu u x'mgħandux jinbiegħ mit-Tuck Shop ta' l-iskejjel. L-ewwel 'enforcement' isir mill-istess skola li tissorvelja dak li qed jinbiegħ. Jekk hemm ksur ra' regolamenti jiġi avżat id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u jittieħdu l-passi skond il-ftehim tal-kuntratti.
Jista' il-Ministru jgħid jekk ir-regolamenti dwar dak li għandu jinbiegħ fit-tuck shops u l-canteens fl-iskejjel japplikax biss għal dawk fl-iskejjel ta' l-Istat jew anke għal dawk tal-Knisja u indipendneti? Kemm saru żjajjar minn uffiċjali tad-diviżjoni f'din is-sena skolastika biex jiġi żgurat li dawn ir-regolamenti qed jiġu osservati? F'liema skejjel saru? Kemm instab li kien hemm bejgħ mhux skond ir-regolamenti? X'passi ttieħdu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-kundizzjonijiet tal-Kuntratt għall-kiri ta' tuck shop japplika għall-iskejjel statali. Bejn Ottubru u Diċembru ta' din is-sena skolastika saru tliet żjarat fl-iskejjel. Ma kien hemm l-ebda rapport mill-uffiċjali sanitarji ta' xi naqqasijiet. Lanqas ma kien hemm rapporti minn uffiċjali tat-Taqsima tal-Kontroll tal-Prezzijiet tad-Dipartiment tal-Kummerċ.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhu jżomm milli jsir mini pitch tal-football fl-iskola ta' Ħal-Lija? Jista' jgħid f'liema skejjel diġa' saru minn dawn il-pitches u fejn diġa' hemm il-ftehim li jsiru oħrajn? Min qed jiffinanzja dawn il-pitches?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-dewmien fil-kostruzzjoni ta' mini pitch fl-iskola primarja ta' Ħal Lija huwa dovut għal raġunijiet ta' natura legali li għandhom x'jaqsmu mal-kuntratt relattiv.
Informat ukoll li sa issa ma ġie finalizzat ebda ftehim ieħor.
Informat li l-Kapijiet ta' l-iskejjel kienu ġew imħeġġa b'Letter Circular Ops/92/2004, datata 9 ta' Novembru 2004, taħt it-titlu 'UEFA Jubilee Mini Pitches Project' (Kopja tagħha ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra).
Jistgħu jittieħdu passi biex żewġ studenti, waħda minnhom qed jintbagħtu d-dettalji dwarha separatament, li ggradwaw mill-Institute for Tourism Studies u qed ikomplu l-Universita' fit-tielet sena jibdew jieħdu l-maintenance grant u somma fi smart card daqs l-istudenti l-oħra tat-tielet sena flok daqs ta' l-ewwel sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma hemm l-ebda differenza fl-ogħtja ta' manteniment lill-istudenti fl-ewwel, it-tieni, it-tielet, ir-raba' u l-ħames sena ta' l-Universita', ħlief li l-istudenti ta' l-ewwel sena jingħataw għotja addizzjonali ta' darba biss.
Informat ukoll li jekk dawn l-istudenti konċernati għandhom xi diffikulta' jistgħu imorru fl-uffiċċju ta' l-istipendji ta' l-Universita' jew jiktbu lill-Bord biex jikkjarifikaw is-sitwazzjoni.
Jista' il-Ministru jgħid jekk l-OPCs (Outside Promotion Contact) li qegħdin ibiegħu t-timeshare f'Buġibba għandhomx il-permessi kollha meħtieġa biex jaħdmu f'pajjiżna?
Kemm għandna OPCs (Outside Promotion Contact) f'pajjiżna li għandhom il-permessi meħtieġa biex jaħdmu hawn u x'nazzjonalita' huma?
Response (GALEA, LOUIS)
Din il-Mistoqsija għandha ssir lill-Ministeru konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid x'qed isir biex jiġi żviluppat l-isport għal kulħadd? Jista' jgħid ukoll jekk Malta hux ser tkun rappreżentata fil-laqgħa dinjija li se ssir f'Kuba aktar tard din is-sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat illi l-Kunsill Malti Għall-Sports jorganizza diversi attivitajiet direttament ma' l-iskejjel u indirettament ma' entittajiet oħra, li minn żmien għal żmien jorganizzaw attivitajiet ta' Sports For All.
Informat ukoll li l-Ministeru u l-Kunsill Malti Għall-Sports jirċievu ħafna inviti għall konferenzi fuq temi diversi, f'dan il-kas, ma nħassx il-bżonn ta' delegazzjoni Maltija .
Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn persuni li huma kkwalifikati bħala health and safety officers? Ma' liema dipartiment/ente pubblika qed jaħdmu? Kemm minnhom mhux jagħmlu xogħol ta' health and safety officers?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Awtorita'għas-Saħħa u Sigurta' fuq il-post tax-xogħol għandha għaxar uffiċjali, li huma kwalifikati biex jaħdmu ta' Health and Safety Officers.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm tilwim industrijali mill-GWU, l-UHM , l-MUT u l-gvern tal-ġurnata bejn is-snin 1980 u 2000?
X'kien il-każ tat-tilwima u kemm minn dan it-tilwim irriżulta f'azzjoni industrijali?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 16722 u jgħid kemm-il student qed joqgħod għal kull suġġett fl-eżamijiet tas-SEC ta' Mejju/Ġunju li ġej? Jista' jgħid ukoll kemm-il student se jagħmel Paper A u kemm Paper B f'kull suġġett?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jikkonferma l-Ministru li ftit ġimgħat qabel ma nsterqu l-karti ta' l-eżami mill-iskola Ġużeppi Despott saret serqa oħra ta' dokumenti personali ta' l-istudenti? Jista' jgħid x'kienu dawn id-dokumenti? Saret xi investigazzjoni? Jekk fl-affermattiv, min għamel din l-investigazzjoni u x'instab?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li mill-investigazzjoni li saret irriżulta serq ta' report books ta' l-istudenti li nstabu għand wieħed mill-istudenti involut fis-serqa tal-karti ta' l-eżamijiet.
Jista' il-Ministru jgħid jekk id-diviżjoni ta' l-edukazzjoni għandhiex pjan biex tiġġieled il-ħxuna fl-iskejjel, kemm fl-iskejjel ta' l-Istat, tal-Knisja u anke dawk indipendenti? Jekk iva, jista' jgħid x'inhu u x'qed isir f'din is-sena skolastika?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni twettaq diversi ħidmiet li jiffokaw fuq il-ħarsien u ż-żamma tas-saħħa ta' l-individwu. Il-Kurrikulu Nazzjonali jagħraf ukoll din l-importanza.
Informat ukoll li l-Kunsill Nazzjonali tal-Kurrikulu fassal Policy Document li tolqot bl-iżjed mod ħolistiku rakkomandazzjonijiet fuq is-saħħa, l-ikel u n-nutriment fl-iskejjel tagħna. Hu mistenni li l-Policytkun ippreżentat fil-futur qarib bil-ħsieb li jinħadem pjan ta' azzjoni sabiex jikkumplimenta d-direzzjoni u l-ħidma li diġa' qed issir fl-iskejjel.
It-Tuck Shops fl-iskejjel għandhom struzzjonijiet dettaljati dwar il-kwalita' ta' ikel u xorb li hu permess jinbiegħ. Hi r-responsabbilta' tal-mexxejja ta' kull skola fejn hemm Tuck Shops li jesiġu li kollox jimxi skond il-parametri ta' din il-policy. Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni tissorvelja l-attivita' tat-Tuck Shops fl-iskejjel, minbarra spezzjonijiet li jsiru mill-Ispetturi tas-Saħħa u tad-Dipartiment tas-Saħħa.
It-tagħlim ta' suġġetti bħal P.E., Home Economics u P.S.D. hu mmirat li jolqtu b'modi dirett l-ħarsien u ż-żamma tas-saħħa ta' l-individwu. It-tagħlim tal-Home Economics fl-iskejjel jinkludi firxa ta' esperjenzi, inkluż hands-on, fuq it-tema ta' Saħħa, Ikel u Nutriment - kollox marbut mal-Linji ta' Gwida tad-Dieta Nazzjonali.
Id-Dipartiment tal-Kurrikulu qed jaħdem biex jikkrea aktar kuxjenza dwar il-problema tal-ħxuna. Inħarġu ċirkularitajiet għall-iskejjel kollha, kemm is-sena li għaddiet kif ukoll din is-sena. Uffiċjali Edukattivi jagħtu importanza lil din il-problema u fl-aħħar ta' Jannar saret attivita' għall-iskejjel mill-Uffiċjali Edukattivi tal-Franċiż, li kellha bħala tema l-ikel bnin u l-eżerċizzju. F'Għawdex inbeda proġett simili għal dak ta' Malta fejn l-istudenti jiġu mogħtija kolazzjon sustanzjuż.
Għal dawn l-aħħar erbatax-il sena ilu mwaqqaf ukoll, fi ħdan id-Dipartiment tal-Kurrikulu, il-Home Economics Seminar Centre. Dan iċ-ċentru jorganizza seminars fuq is-Saħħa, l-Ikel u n-Nutriment lit-tfal ta' l-iskejjel Primarji u Sekondarji, kemm ta' l-Istat, tal-Knisja u Indipendenti. Għal xi seminars jiġu mistiedna wkoll ġenituri tat-tfal sabiex jitkabbar l-għarfien u l-prattika fuq dan il-qasam. Riżultati ekwivalenti ta' din il-ħidma jikkumplimentaw kemm hu siewi li l-ġernituri jipparteċipaw. Fl-istess waqt, isiru wkoll taħditiet ta' tagħlim fuq l-istess suġġett fl-iskejjel.
L-istess Ċentru qed joffri kull għajnuna sabiex jikber in-numru ta' skejjel, bil-għan li f'firxa ta' żmien qasir, naslu wkoll sabiex KULL skola jkollha inkluż fl-iSchool Development Plan tagħha, l-Food School Policy. B'kull responsabbilta' li kull skola tagħraf is-sehem siewi li tista' tagħti biex tħares is-saħħa ta' l-istudenti - is-saħħa tan-nazzjoni Malti.
Huwa minnu li se jiftħu post graduate studies ġodda fl-Universita' ta' Malta? Jekk iva, fosthom se jkun hemm numru ta' Ph.Ds u anke DBs fil-fakulta' tal-FEMA? Jekk dan huwa minnu, meta se jiftħu u x'fees se jintalbu? X'entry requirements se jkun hemm bżonn?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Universita' regolarment toffri korsijiet ġodda kemm f'livell undergraduate kif ukoll f'livell postgraduate. Għal Ottubru li ġej hemm il-ħsieb li f'livell postgraduate ser ikunu offruti żewġ korsijiet ġodda, wieħed li jwassal għal Masterin Cultural Heritage Management u ieħor li jwassal għal Masterin Pharmacy.
Informat ukoll li l-Fakulta' ta' l-Ekonomija, Management u Accountancy diġa' toffri opportunitajiet għal min irid isegwi programm ta' PhD. Fil-każ ta' DBA, il-Fakulta' qegħda tħejji pjanijiet biex toffri d-degree Doctor of Business Administration. Id-data meta se jinfetah dan il-kors u l-fees tiegħu għadhom mhux determinati.
Jista' il-Ministru jgħid kemm saru job placements mill-ETC matul Jannar u Frar 2006? Kemm minnhom kienu mas-settur privat u mnejn saru (Ħal Far/Job centre)?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat hekk:
Job Placements Ħal Far Job Centre Total
Jannar 2006 321 21 342
Frar 2006 97 71 168
Job Placements Privat Parastatali Total
Jannar 2006 307 35 342
Frar 2006 149 19 168
Jista' il-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' studenti fl-iskejjel primarji u sekondarji li jassentixxu ruħhom f'ġurnata waħda?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat hekk:
Skejjel In-numru ta' studenti li ma marrux skola għal ġurnata waħda biss fix-xhur indikati hi :-
Jannar 2006 Frar 2006
Primarji 3,254 3,203
Sekondarji 3,369 3,630
TOTAL 6,623 6,833
Jista' il-Ministru jew id-diviżjoni ta' l-edukazzjoni jikkonsidraw li fl-għażliet tas-suġġetti għat-tielet sena jibda jkun possibbli li t-technical design u l-business studies ikunu fl-istess kaxxa u għalhekk jistgħu jiġi magħżula t-tnejn? Jekk fl-affermattiv, tista' din l-option tidħol fis-seħħ b'mod immedjat, jiġifieri sa mis-sena skolastika li ġejja?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat l-għażliet tas-suġġetti għall-Form III huma fil-kaxxi kif inhuma skond kriterji mogħtija mid-Dipartiment tal-Kurrikulu. L-aħħar tibdiliet saru madwar 4 snin ilu meta ddaħlu l-P.E. u l-Computer Studies f'kull kaxxa.
Informat li jekk it-Technical Design jew Graphical Communication jiġu mdaħħla fl-istess kaxxa, mall-Business Studies, l-għażla tkun waħda stramba. Il-Business Studies huwa dirett lejn karrieri, fis-Settur Finanzjarju u Kummerċjali bħal xogħol fil-Bank, fl-Insurance u Retail Industry, waqt li t-Technical Design jew Graphical Communication huwa dirett lejn karrieri li għandhom x'jaqsmu ma' l-Inġinerija Ċivili u xogħol ta' Disinn Industrijali. Dawn ta' l-aħħar ikollhom bżonn il-Physics u l-Mathematics, li huma suġġetti obbligatorji waqt li l-Arti jkun ta' għajnuna.