Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk l-iskejjel primarji u /jew sekondarji f'Malta u Għawdex li għandhom xi forma ta' arranġament u/jew ftehim ma' kunsilli lokali dwar l-użu ta' l-istess skejjel jew ta' partijiet minnhom fil-ġranet u l-ħinijiet ta' wara l-iskola?
Jekk fl-affermattiv, ma' liema kunsilli lokali għamluhom u fhiex tali arranġament u/jew ftehim jikkonsistu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ebda skola f'Għawdex m'għandha arranġament jew ftehim mal-Kunsill Lokali biex l-iskola tintuża fi ġranet jew wara l-ħinijiet ta' l-iskola, ħlief l-iskola Primarja tan-Nadur li għandha ftehim li l-Kunsill Lokali jista' juża s-sala kif ukoll xi klassijiet wara l-ħinijiet ta' l-iskola skond il-ħtiġijiet.
L-informazzjoni mitluba dwar il-Kunsilli Lokali f'Malta qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'riferenza għar-rapport fl-istampa lokali li qed jiġu investigati sabutaġġi fil-PBS, jista' l-Ministru jgħid fiex jikkonsistu dawn is-sabutaġġi?
X'irriżulta s'issa mill-investigazzjonijiet?
Minn min qed jitmexxew l-investigazzjonijiet?
Liema programmi ġew milquta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Programm Xarabank dwar Paceville li kellu jixxandar fuq TVM nhar il-Ġimgħa 10 ta' Mejju 2002 instab li ma setax jiġi mxandar minħabba li parti sostanzjali minnu kienet imħassra.
Wara li għamlet l-istħarriġ tagħha l-PBS irreferiet il-każ għand il-pulizija biex tinvestiga.
L-investigazzjonijiet tal-pulizija għadhom għaddejjin.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar x'xogħol sar riċentement ġewwa l-iskola primarja ta' Bormla u jekk dan tlestiex? Jista' jiġi indikat jekk sarux ameljoramenti u jekk il-kmamar tal-banju tlestewx u kemm intefaq speċifikament fuqhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-każ ta' l-iskola msemmija inħarġu offerti u ngħataw xogħlijiet kif se nsemmi:
Sena Deskrizzjoni Valur
2000 Refurbishment tal-Kmamar tal-Banju Lm 6,177
2001 Refurbishment tal-Kmamar tal-Banju Lm15,397
Mill-appalt maħruġ fl-2001, din is-sezzjoni ħallset Lm3,217 fl-istess sena.
Informat li l-ewwel tender li saret fir-rigward tax-xogħlijiet fuq it-toilets ta' l-Iskola Primarja ta' Bormla kienet Educ 765/99. Dan ix-xogħol ġie esegwit għas-sodisfazzjoni tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u l-kuntrattur tħallas is-somma ta' Lm2906.96 għax-xogħol kollu.
Fis-27 ta' Lulju 2001 ġiet awarded tender Educ 45/2001 lill-kuntrattur Anjo Group għas-somma ta' Lm15,397.13. liema kuntrattur esegwixxa parti mill-istess offerta u dan minħabba li x-xogħlijiet l-oħra ma' jistgħux isiru għal issa peress li jtellfu l-operat ta' l-istess skola. Il-kumplament tax-xogħlijet ser isiru fis-Sajf 2002 flimkien ma' xogħlijiet tal-madum, aperturi ta' l-injam u l-aluminium, refurbishment tas-sala, wall lining fil-livell tal-kindergarten u tneħħija ta' kolonni perikolużi fil-faċċata. It-tenders għal dawn ix-xogħlijiet huma ppreparati u ser jiġu ppublikati mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni fi żmien qasir.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslet ir-restrutturazzjoni tal-PBS?
Hemm xi data prevista għal meta dan għandu jsir?
Response (GALEA, LOUIS)
Filwaqt li l-punti prinċipali li fuqhom għandha tinbena r-ristrutturazzjoni tal-PBS issa huma definiti fil-livell tal-Ministeru, għadu mhux mitmum il-proċess ta' diskussjonijiet mal-GWU dwar aspetti li jolqtu lill-impjegati. Meta dan il-proċess inqisu eżawriet beħsiebni nagħmel proposti definiti lill-Gvern.
Jista' l-Ministru jindaga u jara min hu responsabbli għal diversi żbalji serji li qed isiru fl-eżamijiet tas-SEC li fuq kollox jitqiesu bħala eżamijiet nazzjonali? Għaliex fl-ewwel parti tal-karti tas-SEC tal-computer studies li saret nhar il-Ħamis 9 ta' Mejju ma kienx hemm miktub "calculators cannot be used"?
Jaf il-Ministru li meta beda l-eżami numru ta' studenti bdew jużaw il-calculators u kien biss xi 20 minuta wara li dawk inkarigati informaw lill-istudenti li ma setgħux jużaw il-calculators? X'se jsir biex jiġi rranġat dan l-iżball peress li xi studenti li ma laħqux jużaw il-calculators ġew żvantaġġati?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-sillabu tas-SEC fil-computer studies jesiġi li ma jistgħux jintużaw il-calculators, għalhekk strettament ma kienx hemm bżonn li tidħol l-ordni "calculators cannot be used" fil-bidu tal-Karta I ta' l-eżami li sar nhar il-Ħamis 9 ta' Mejju.
Il-kandidati li użaw il-calculators għamlu ħażin u setgħu jitwaqqfu milli jagħmlu l-eżami. Il-karta kien fiha tlettax-il mistoqsija iżda l-calculator seta' jagħti vantaġġ biss fil-mistoqsija numru 7 (b'sitt marki) li setgħet tinħadem faċilment mingħar il-calculator.
Il-kandidati li urew li jafu l-metodu tas-soluzzjoni ser jingħataw kredtu anke jekk il-kalkolu tagħhom ma kienx eżatt. Din hija l-proċedura li tintuża fl-eżamijet li fihom mistoqsijiet li jirrikjedu kalkoli.
Jista' l-Ministru jgħid x'sar mill-applikazzjoni mill-boy scouts biex tiġi mgħoddija lilhom il-lotterija fi Triq F M Ferretti, l-Qajjenza fil-limiti ta' Birżebbuġia?
Response (GALEA, LOUIS)
Nissuġġerixxi lill-Onor. Membru jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru ta' l-Intern u Ambjent.
Jista' l-Ministru jitlob li jiġi investigat żball ieħor fl-eżami tas-SEC fil-paper 2A tal-computer studies li saret nhar il-Ġimgħa 10 ta' Mejju peress li f'din il-karta li kien fiha tmien mistoqsijiet, għal snin sħaħ l-istudenti ntalbu jwieġbu ħamsa minnhom, għaliex fil-karta ta' din is-sena xejn simili ma kien imniżżel? Għaliex wara li numru ta' studenti, speċjalment fl-iskola Maria Reġina, ilmentaw dwar dan, l-uffiċjal inkarigat mill-eżami fil-post imsemmi - li l-ewwel qal lill-istudenti li riedu jwieġbu l-mistoqsijiet kollha - ikkonvinċa ruħu u ċempel lill-universita` fejn ingħata struzzjonijiet biex jgħid lill-istudenti jwieġbu ħames mistoqsijiet u dan wara li kienet għaddiet diġa` nofs siegħa mill-eżami? Jaqbel il-Ministru li dan hu nuqqas ta' serjeta` li konsegwenza tiegħu jbatu l-istudenti li jkunu wkoll taħt it-tensjoni ta' l-eżami?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-eżami tas-SEC tal-computer studies li sar nhar il-Ġimgħa, 10 ta' Mejju, il-karti IIA u IIB bi żball ma kienx fihom struzzjonijiet biex il-kandidati jwieġbu ħames domandi minn tmienja. Din l-istruzzjoni tinstab fis-sillabu u fl-ispecimen papers u l-kandidati jafu biha.
Inqas min-nofs siegħa wara li beda l-eżami nhar il-Ġimgħa, ntbagħat messaġġ liċ-ċentri kollha fejn kien qed isir l-eżami biex javżaw lill-kandidati li kellhom iwieġbu ħames domandi biss. L-eżami kien ta' sagħtejn u għakhekk sa' l-ewwel nofs siegħa x'aktarx li ma kien hemm ebda kandidat li wieġeb iktar minn ħames domandi.
B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għal mistoqsija parlamentari nru. 32723, jista' l-Ministru jgħid jekk instabx sponsor għal-league tal-footbal tal-MESA? Peress li l-league wasal biex jispiċċa, jista' jgħid jekk is-segretarjat ta' l-isport hux se jagħmel tajjeb għall-ispejjeż kollha?
Jista' l-Ministru jipprovdi lista tal-kunsilli skolastiċi kollha u d-dati ta' kull laqgħa li saret matul din is-sena skolastika skond kif reġistrat fil-minuti tal-laqgħat ta' kull kunsill?
Jekk xi kunsilli mhux qed jiltaqgħu, min se jieħu r-responsabbilta` ta' l-infiq ta' flus li s-soltu jkunu fdati f'idejn il-kunsill?
Jista' jagħti lista ta' xi flus għandu l-bank, jew imfaddlin, kull kunsill skolastiku ta' kull skola?
Response (GALEA, LOUIS)
Lista tal-Kunsilli Skolastiċi bid-dati ta' kull laqgħa u min jieħu responsabbilta` ta' flus u xi flus hemm fil-banek ta' kull skola qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hija l-ħeffa (bandwidth) li l-iskejjel primarji u sekondarji għandhom bħalissa biex jaċċessaw l-internet? Jista' jgħid kemm hija l-ħeffa dedikata lil kull skola fuq linja ADSL u kemm hemm ħeffa dedikata għan-network kollu?
Kemm kien hemm skejjel fil-livell primarju u sekondarju b'aċċess għall-internet fl-aħħar ta' April 2002?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ħeffa (bandwidth) internazzjonali dedikata ta' l-internet għall-infrastruttura ta' l-iskejjel hi hekk:
2Mbps mis-0600am sa 1800pm
384Kbps mis-1800pm sa 0600am
L-iskejjel huma mqabbdin mal-magnet permezz ta' l-ADSL jew tal- Cable Modem.
Fiż-żewġ servizzi l-bandwidth ta' kull skola hija 128Kbps.
Il-ħeffa tan-Networking fl-iskejjel hija bbażata fuq 10Mbts jew 100Mbps.
Il-ħeffa ta' kull network jiddependi minn meta saret l-installazzjoni. Dawk li saru qabel l-1999 huma bbażati fuq 10Mbts, filwaqt li dawk li saru wara huma bbażati fuq 100Mbts.
In-numru ta' skejjel li għandhom aċċess għall-internet sa' l-aħħar ta' April 2002 huwa:
41 Skejjel Primarji
33 Skejjel Sekondarji
4 Skejjel Post Sekondarji
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-NIC Malta, organizzazzjoni fl-Universita` ta' Malta li tirreġistra domain names (web addresses) ta' l-internet għal Malta, għandha reġistrati għandha domain names ta' xi skejjel Maltin biex dawn jintużaw ħalli fuqhom ikollhom il-websites ta' l-iskejjel? Jekk iva, meta ġew reġistrati? Xi spejjeż hemm involuti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-1999 id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni irreġistrat 25 domain names bħala preparazzjoni għall-introduzzjoni ta' l-internet fl-iskejjel.
L-ispejjeż inizjali kienu ta' Lm562.50, filwaqt li l-ħlas annwali kien ta' Lm375 għad-domains kollha.
Fis-sena 2001 is-CIMU ta parir lid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni biex jibda' juża s-second level domain (gov.mt). Dan beda jseħħ minn din is-sena fil-portal ta' l-e-mail u tal-Webhosting għall-iskejjel kollha u għall-istudenti. Dan ma jinvolvi ebda ħlas min-naħa tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni.
Għaldaqstant din ir-reġistrazzjoni tad-domain names mhix aktar meħtieġa u n-NIC (Malta) ġiet infurmata fuq dan.
Jista' l-Ministru jinvestiga l-ilmenti li saru anke fil-pubbliku dwar nuqqasijiet serji fl-eżami intermediate ta' l-Ingliż tal-MATSEC fil-jiem li għaddew? Xi proċedura ntużat biex il-karta in kwestjoni tiġi ċċekkjata qabel tqassmet il-karta lill-istudenti? Kif xorta ħarġet b'nuqqasijiet serji? X'passi se jittieħdu?
Response (GALEA, LOUIS)
L-ilment ġie investigat mill-ewwel u l-MATSEC Board kiteb lill-kandidati konċernati. Kopja ta' l-ittra qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jagħti indikazzjoni ta' meta s-substation ta' Pjazza Santu Rokku li d-dipartiment ta' l-edukazzjoni applika għaliha, se ssir peress li din l-urġenza qegħda tinħass l-aktar minħabba l-vultaġġ baxx li hemm fl-inħawi l-aktar fl-iskola primarja, jista' jindika jekk il-kamra li hemm f'din il-pjazza u li tintuża ħafna mill-anzjani Għaxqin hux se terġa ssir?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni għadha qiegħdha tistenna li l-applikazzjoni minnha sottomessa tiġi approvata mill-Awtorita` ta' l-Ippjanar.
La darba din tiġi approvata, titħejja s-sejħa għall-offerti relattiva u jkun jista' jinbeda x-xogħol.
Fil-pjanta kif proposta l-kamra imsemmija mill-Onor. Membru hija nkorporata u għaldaqstant tkun tista' tintuża mill-anzjani Għaxqin.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex it-teatru ta' Dar il-Mediterran qed jintuża għal rock concerts li qed jikkawżaw inkonvenjent kbir għar-residenti ta' l-inħawi, bħalma huma żewġ rock concerts kbar li saru fit-30 ta' April u l-1 ta' Mejju bir-riżultat li kien hemm chaos kbir barra Dar il-Mediterran bi trakkijiet ipparkjati ma' kullimkien sa tard bil-lejl? It-teatru hu armat bl-apparat meħtieġ f'każ ta' inċident, inkluż inċident ta' ħruq? Peress li kull meta jkun hemm dawn it-tip ta' kunċerti jkun hemm ħoss kbir li jdejjaq ir-residenti peress li jidher li t-teatru mhuwiex sound proof, jista' l-Ministru jara li jittieħdu l-passi neċessarji? Għaliex il-bord tat-tmexxija qed jagħti permess biex it-teatru kulturali jintuża għal dan it-tip ta' attivitajiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-teatru ta' Dar il-Mediterran ilu miż-żmien tmenin jilqa' fih 'rock concerts' u 'rock operas'.
Il-'chaos' li seta' kien hemm fid-dati msemmija mill-Onor. Membru hija kwistjoni separata mill-attivitajiet li jkunu qed isiru ġewwa ċ-Ċentru.
Hemm diskussjonijiet, li jinsabu fi stadju avvanzat mal-Kunsill Lokali tal-Belt sabiex jiġu riservati 'Parking Bays' għat-trakkijiet li jintużaw mill-organizzaturi ġewwa Dar il-Mediterran.
Dwar apparat meħtieġ f'każ ta' inċident, informat li ċ-Ċentru huwa mgħammar b'apparat apposta għal inċidenti simili, kif ukoll l-istaff kollu u l-'usherettes' huma imħarrġa regolarment mill-'International Safety Training Centre' f'Fire Awareness u Fire Fighting. Numru mill-istaff jifforma 'Emergency Response Team' li jintervjeni f'każi li jkun hemm bżonn.
Waqt il-kunċerti msemmija ttieħdu prekawzjonijiet oħra. Biżżejjed jingħad li kien hemm 'on stand by' tlett membri tal-Fire Fighting Section tas-'Civil Protection Unit' bil-Fire Engine magħhom u anke tmien uffiċjali tas-sigurta` professjonali jikkumpliementaw l-'Emergency Response Team' ta' Dar il-Mediterran.
Qegħdin isiru xi tibdiliet li għandhom jgħinu sabiex il-ħoss li jista' jdejjaq ir-residenti jiġi minimizzat.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol biex il-bini ta' l-iskola primarja ta' Pembroke jikber skond il-bżonn tal-komunita`?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada qiegħda f'taħditiet ma' l-awtoritajiet konċsernati biex jiġi identifikat sit alternattiv għall-bini ta' skola moderna.
Jista' l-Ministru jgħid x'xogħol sar matul is-sena 2001 u s-sena 2002 s'issa fil-blokk ta' bini qadim tal-junior lyceum Adrian Dingli f'Pembroke? Meta se jsir ix-xogħol meħtieġ? Kemm se jdum isir u kemm huwa stmat li se jiswa?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li x-xogħol li qiegħed isir fil-Junior Lyceum Sir Adrian Dingli f'Pembroke qiegħed ikkonċentrat fuq (Wing 1) ta' l-iskola, u miexi b'ritmu tajjeb. Huwa maħsub li dan ix-xogħol ikun lest sa Ottubru ta' din is-sena.
Bħalissa, ix-xogħol strutturali huwa kważi lest. Jonqos xogħol strutturali konness mal-"Main Staircase" ta' dik in-naħa ta' l-iskola. Issa bdiet il-fażi ta' stallazzjoni ta' servizzi, u dalwaqt ukoll jibda xogħol ta' finitura.
Minn Ottubru u matul 2003, huwa maħsub li jibda jsir xogħol konness man-naħa l-oħra (Wing 2) ta' l-iskola, kif ukoll t-tkomplija tal-parti ċentrali tal-bini.
Huwa stmat li x-xogħol konness ma' l-ewwel parti tal-proġett (Wing 1) ser jiġi jiswa viċin is-sitt mitt elf lira (Lm600,000).
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm għalliema li bħalissa qed jgħallmu l-PSE fuq bażi full-time:
a fl-iskejjel tal-istat
b f'dawk indipendenti
c f'dawk tal-knisja
Jista' jgħid jekk dawk kollha li jgħallmu l-PSE huma ikkwalifikati biex jgħallmu dan?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-għalliema kwalifikati li bħalissa qegħdin jgħallmu l-P.S.E. fuq bażi full-time fl-iskejjel ta' l-Istat huma 90.
Informat ukoll li l-għalliema li jgħallmu l-P.S.E. fl-iskejjel tal-Knisja u dawk Indipendenti huwa kif ġej:
Skejjel tal-Knisja 35
Skejjel Indipendenti 9
Xi ftit minn dawn l-għalliema jgħallmu suġġett ieħor meta ma jkollhomx lezzjonijiet biżżejjed tal-PSE.
Fil-maġġoranza kbira tal-każi l-għalliema huma kkwalifikati.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm skejjel tal-knisja u indipendenti li fihom isiru eżamijiet tas-SEC u MATSEC? Jekk il-gvern m'għandux biżżejjed swali/klassijiet komdi u diċenti għaliex ma jitlobx aktar skejjel indipendenti u tal-knisja biex jaċċettaw li fihom isiru dawn l-eżamijiet hekk importanti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Dipartiment ta' l-Eżamijiet juża' żewġ skejjel tal-Knisja bħala ċentri ta' l-eżamijiet. Dawn huma l-Iskola Sekondarja ta' San Alwiġi u dik tas-Sixth Form ta' San Alwiġi.
Id-Dipartiment kien avviċina skejjel oħra tal-Knisja li jinsabu fiċ-ċentru ta' Malta sabiex jiġu offruti lid-Dipartiment biex jintużaw bħala ċentri ta' l-eżamijiet. Ir-risposta minn dawn l-iskejjel kienet fin-negattiv.
Jista' l-Ministru jgħid id-dipartiment tal-edukazzjoni jgħarraf uffiċċjlament lill-kapijiet tal-iskejjel li jgħallmu l-ingliż lill-barranin li f'Malta jeżistu liġijiet li ma jippermettux tfal li m'għandhomx sittax (16) il-sena u jidħlu f'postijiet ta' divertiment u jikkonsmaw xorb alkoħoliku?
Ta' min hi r-responsabbilta' li dawn l-istudenti barranin jiġu mgħarfa dwar dawn il-liġijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Ir-responsabilita` hija ta' l-organizazzjoni li tospitahom f'Malta li għandha tassigura li l-istudenti li jiġu għall-korsijiet ta' l-Ingliż ikunu jafu x'inhuma l-liġijiet li jirregolaw l-imġieba tagħhom f'Malta.