Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħal Qormi – Triq l-Erba’ Qaddisin – zebra crossing

Question

Jista’ l-Ministru jara li tittieħed azzjoni biex issir zebra crossing fi Triq l-Erba’ Qaddisin f’Ħal Qormi peress li hija triq ferm traffikuża u qed jinħoloq inkonvenjent u periklu kbir għar-residenti li jkunu jridu jaqsmu din it-triq?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta ma rċeviet l-ebda talba għal zebra crossing mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi. L-Awtorita’ ser tiddiskuti din it-talba mal-kunsill lokali, sabiex din tkun tista’ ssir.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — użu tat-tieni karozza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk it-tieni karozza li kien juża l-Ministru jew xi ħadd awtorizzat minnu bejn l-1 ta’ Jannar 2008 u t-8 ta’ Marzu 2013 kenitx tinkera jew kenitx mixtrija mill-Gvern? Jista’ jgħid liema mudell kienet din il-karozza? F’każ li l-karozza kienet mikrija, x’kienet l-ispiża xahar b’xahar matul l-istess perjodu? Kemm kienet l-ispiża f’każ li l-karozza kienet inxtrat mill-Gvern u meta nxtrat? Jista’ jgħid x’kienu l-ispejjeż fuq xogħlijiet ta’ tiswijiet li saru fuq din l-istess karozza matul l-istess perjodu? Jista’ jgħid kemm kienet l-ispiża fuq kiri ta’ karozzi li ntużaw minflok it-tieni karozza matul l-istess perjodu? Jista’ jgħid x’kienet l-ispiża u kemm intuża petrol jew diesel bejn l-1 ta’ Jannar 2008 u t-8 ta’ Marzu 2013, xahar b’xahar b’mod separat, għat-tieni karozza li għamel użu minnha l-Ministru jew xi ħadd awtorizzat minnu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont ir-records tad-Direttorat tal-Manifattura u Servizzi fi ħdan id-Dipartiment tax-Xogħlijiet u l-Infrastruttura, it-tieni karozza li kien juża l-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali jew xi ħadd awtorizzat minnu bejn l-1 ta’ Jannar 2008 u t-8 ta’ Marzu 2013 kienet mikrija. Il-mudell kien Toyota Prius Hybrid. Din il-vettura kienet tinkera bir-rata ta’ €15.00 kuljum, b’kuntratt għal ħames (5) snin. Peress li l-karozza kienet mikrija, l-ispejjeż ta’ tiswijiet u ta’ karozza oħra (jekk ikun hemm bżonn) kienu koperti mill-kuntratt. Ta min isemmi li din il-karozza ntużat bħala t-tieni karozza tal-Ministru sat-18 ta’ Frar, 2011. Wara din id-data, il-karozza bdiet tintuża għal xogħol ieħor fil-Ministeru. Il-Ministru ta’ dak iż-żmien kien għażel li mit-8 ta’ Novembru 2010 jibda jibbenifika minn allowance ta’ €7000 ewro fis-sena minflok l-użu tat-tieni karozza. Dan ifisser li bejn it-8 ta’ Novembru 2010 u t-8 ta’ Marzu 2013, inħarġu kemm is- €7000 ewro fis-sena bħala allowance kif ukoll ir-renta ta’ €15 kuljum tal-kiri tal-karozza, peres li l-kirja kienet marbuta b’ kuntratt għal 5 snin. Matul il-perjodu ta’ l-1 ta’ Jannar 2008 u t-8 ta’ Marzu 2013, intuża 3181.39 litru ta’ fuel bi spiża ta’ €4,361.13.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura – għoti ta’ kuntratti lil kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji tal-kuntratti kollha (servizzi jew xogħol) li ngħatat il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mill- entitajiet u d-dipartimenti kollha tal-istess Ministeru, bejn Marzu 2013 u Novembru 2015? X’inhuma l-valuri ta’ dawn il-kuntratti u meta ngħataw? F’kull każ, dan kien riżultat ta’ direct order jew le?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma ngħata l-ebda xogħol lill-kumpanija li d-dettalji tagħha ngħataw separatament, mill-Ministeru, dipartimenti, entitajiet u korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi, fil-perjodu msemmi.

Il-Mellieħa – Triq Il-Kortin — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma meta hu mistenni matul l-2016 li jibda u jitlesta x-xogħol fuq il-bini mill-ġdid ta' Triq il-Kortin fil-Mellieħa, liema proċess kien diġà nbeda fl-2012 mill-Amministrazzjoni preċedenti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din it-triq hija nkluża mal-lista ta’ toroq li għandhom isiru mill-Gvern Ċentrali. Ix-xogħol ser isir skont il-prijoritajiet li jirriżultaw.

Is-Salini – aċċess għar-residenti

Question

Jista' l-Ministru jindika meta mistenni li jibda u jispiċċa x-xogħol fuq triq li trid tipprovdi aċċess adegwat u mingħajr periklu għar-residenti tas-Salini fl-istess żona fejn huma joqogħdu u dan wara li tneħħew rampi li kienu jipprovdu aċċess lill-istess residenti minn Triq il-Kosta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat tat-Toroq u Infrastruttura fi ħdan Transport Malta diġa ilu jippjana dan ix-xogħol u qed isiru l-preparamenti neċessarji biex ix-xogħol jibda fil-ġimgħat li ġejjin, kemm jista’ jkun malajr. Ix-xogħol ser isir taħt permess PA 01238/15.

Is-Salini – Aċċess minn Triq il-Kosta

Question

Jista' l-Ministru jara li l-aċċess pedonali miż-żona residenzjali għal Triq il-Kosta li suppost ingħata lir-residenti tas-Salini minn meta tlestiet Triq il-Kosta jkun wieħed mingħajr periklu u inkonvenjent għall-istess residenti u dan peress li biex wieħed jasal għall-bus stop fid-direzzjoni ta’ San Pawl il-Baħar, irid jimxi aktar minn 50 metru fit-triq bla bankina b’barrier tal-ħadid jostakola l-istess passaġġ?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li aċċess mill-imsemmija żona għall-bus stop fid-direzzjoni ta’ San Pawl il-Bahar jeżisti permezz ta’ rampa ġdida li nbniet max-xogħlijiet ta’ Triq il-Kosta fit-tarf ta’ Triq Francesco Ximenes, u fuq bankini adegwati matul il-main road, li jiggwidaw lin-nies ghall-bus stops. Fl-ebda ħin ma hemm bżonn li persuna timxi tul triq il-Kosta mingħajr bankina.

Triq il-Kosta – żamma ta’ ilma fit-triq

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li f'parti minn Triq il-Kosta qed iżomm kwantità ta' ilma tax-xita, liema ilma qed joħloq inkonvenjent lis-sewwieqa li jkunu għaddejjin minn din it-triq li tlestiet inqas minn tliet xhur ilu? X'tiswijiet jew rimedji jeħtieġ li jsiru u kemm se jiġi jiswa flus ix-xogħol li jrid isir biex din it-triq ma tibqax iżżomm l-ilma?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-indikazzjonijiet li għandha s’issa Transport Malta huma li hemm diversi ħsarat fil-culverts tax-xita fit-triq li ġejja minn T’Alla u Ommu, bir-riżultat li kwantitajiet kbar ta’ ilma qegħdin jiġu devjati għal fuq wiċċ Triq il-Kosta, minflok fil-culverts tagħha. Dan l-ilma imbagħad jispiċċa jieħu iżjed ħin biex jinqabad mill-culverts li hemm fi Triq il-Kosta.

Is-Salini – tneħħija taz-zuntier tal-kappella

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk iz-zuntier tal-kappella li hemm fiż-żona tas-Salini hux se jitneħħa minn Transport Malta? Jekk iva, jista’ jindika jekk hemmx permessi tal-Awtorità tal-Ippjanar biex dan iseħħ?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mhux minnu li ser jitneħħa iz-zuntier tal-kappella li hemm fiż-żona tas-Salini. Se jsiru biss xi xogħlijiet li se jaffetwaw parti miz-zuntier tal-ġenb tal-kappella, liema xogħlijiet huma koperti minn permess PA01238/15. Infurmat ukoll li fil-proċess tal-ippjanar saru diskussjonijiet mal-Kurja u mas-Suprintendenza tal-Patrimonju Kulturali.

Double Yellow Line – każ ta’ individwu

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 18132, jista’ l-Ministru jara li jsir kuntatt mal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u jiġi nfurmat meta se jibdew ix-xogħlijiet, għaliex minkejja li t-talba ġiet approvata min-naħa ta’ Transport Malta, għaddew tliet xhur u għadhom ma sarux ix-xogħlijiet ta’ żebgħa ta’ yellow line u għalhekk qed jiġu kkawżati ħafna problemi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li l-approvazzjoni maħruġa minn Transport Malta għal dawn ix-xogħlijiet hija suġġetta għal kundizzjonijiet speċifiċi u tali xogħol irid isir mill-Kunsill Lokali rispettiv.

Energy Efficiency tal-Bini — ċertifikati

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’inhi l-proċedura biex individwu japplika biex ikun jista’ jiġi ċċertifikat li jista’ joħroġ ċertifikati tal-energy efficiency għall-bini li jkunu se jinbiegħu jew jinkrew? Meta hu mistenni li jsir il-kors li jmiss?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li individwu jeħtieġ li jsegwi kors bħala Assessur rispettivament organizzat mill-Uffiċċju għar-Regolament tal-Bini li bħalissa qed jorganizza kors għan-non-dwellings. Is-sena d-dieħla jiġi organizzat kors għad-dwellings.

L-inħawi ta’ erba mwieżeb — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru, permezz ta’ Transport Malta jassigura li fl-inħawi tal-Erba’ Imwieżeb (qrib Piscopo Cash and Carry) isir wiċċ ġdid lit-triq wara x-xogħlijiet li saru bħala parti mit-Triq il-Kosta, iktar u iktar wara li l-ilma tax-xita qalgħet parti sew mill-wiċċ temporanju li kien hemm, u qed tikkawża ħafna ħsarat?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jekk qed jirreferi għas-central island li Transport Malta kienet fetħet biex tagħti aċċess mit-traffic light junction, din il-medda ġiet reinstated.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — nefqa fuq reklamar u informazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 21333 u jgħid x'kienet in-nefqa fuq kampanji ta' reklamar u informazzjoni mill-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu? Jista' jagħti din l-informazzjoni sena b'sena mill-2013 'l hawn, entità b'entità u dipartiment b'dipartiment?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma għandi xejn aktar x’ inżid mat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari 21333.

Tallinja Card – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li bagħtula tallinja card mingħajr ritratt u għandha problema fuqha?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sar kuntatt mal-persuna li d-dettalji dwarha ngħataw separatament u infurmat li l-problema ta’ din il-persuna ġiet solvuta.

Il-Gudja – Triq il-Lewż — asfaltar

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18096, jista' l-Ministru jagħti data meta se jibda x-xogħol peress li kull ma hemm bżonn hu ta' asfaltar ta' xi 50 metru?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 18096

Il-Mellieħa u San Pawl il-Baħar – Skeda tax-Xitwa – servizz ta’ karozzi tal-linja

Question

Billi jidher li minn meta bdiet l-iskeda tax-Xitwa għas-servizz tal-karozzi tal-linja, fl-inħawi tal-Mellieħa u San Pawl il-Baħar, qed jinħolqu problemi kbar ta’ stennija fuq l-istages ta’ dawn il-lokalitajiet, jista’ l-Ministru jara li jittieħdu l-passi neċessarji biex dawn l-inkonvenjenti jitneħħew?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fit-tieni fażi tal-introduzzjoni tan-network il-ġdid li hu mistenni li jiddahhħħal sal-aħħar ta’ din is-sena, ser ikun hemm żieda fil-frekwenza fuq ċertu rotot kif ukoll introduzzjoni ta’ rotot ġodda. Infurmat ukoll li b’dan it-tibdil ser ikun hemm żieda fil-vjaġġi fl-inħawi tal-Mellieħa u San Pawl il-Baħar.

12-il Distrett Elettorali – tenders maħruġa għal toroq — xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 19658, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jitlestew it-toroq li hemm indikati fit-tweġiba, kemm f’San Pawl il-Baħar, kif ukoll fin-Naxxar? Jista’ jagħti wkoll informazzjoni dwar meta hu mistenni li jitlesta x-xogħol fuq Triq il-Papa Ġwanni Pawlu II, Burmarrad?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont il-prijoritajiet kurrenti, x-xogħlijiet kollha msemmija fil-Mistoqsija Parlamentari 19658 mistennija jitlestew sa nofs is-sena d-dieħla. Dan pero jibqa’ wkoll suġġett li ma jinstabux problemi tekniċi fit-toroq u li l-kuntratturi jonoraw l-obbligi tagħhom.

Transport Malta – San Pawl il-Baħar – Triq il-Wileġ u Triq Erba’ Mwieżeb — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru, permezz ta’ Transport Malta jieħu l-passi neċessarji biex Triq il-Wileġ u Triq Erba’ Mwieżeb f’San Pawl il-Baħar, liema toroq intużaw bħala rotot alternattivi biex minnhom jgħaddi t-traffiku kollu waqt li kien għaddej ix-xogħol fuq Triq il-Kosta, jiġu rranġati minħabba l-ħsarat kbar li dawn l-istess toroq ġarrbu, waqt dan ix-xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qabel ma bdew ix-xogħlijiet marbuta mal-proġett ta’ Triq il-Kosta, Transport Malta kienet għamlet spezzjoni fuq dawn iż-żewġ toroq. Hekk kif intemm il-proġett, Transport Malta reġgħet għamlet spezzjoni fejn irriżulta li ma kien hemm l-ebda differenza kbira bejn l-istat ta’ qabel u dak ta’ wara ħlief għal parti żgħira fejn Triq l-Erba’ Mwieżeb tgħaqqad ma’ Triq il-Lampuki li fil-fatt se tiġi reinstated.

San Pawl il-Baħar – Triq il-Wileġ

Question

Jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex fi Triq il-Wileġ, San Pawl il-Baħar, jitqiegħdu sinjali tat-traffiku li jindikaw l-ispeed limit billi f’din it-triq hemm football ground fejn ikun hemm ħafna tfal u hemm abbuż ta’ sewqan eċċessiv fl-istess inħawi?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li ma kien hemm l-ebda talba mill-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar f'dawn l-aħħar erbgħa snin għal tabelli tal-limitu tas-sewqan f'din it-triq. Id-Dipartiment għall- Immanniġġjar tat-Traffiku ser jikkonsulta mal-Kunsill Lokali f'dan ir-rigward.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrasturttura – reklamar fuq media

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallas s’issa f’reklamar (li jinkludu reklami fuq television, radio, gazzetti u l-online portals, kif ukoll google adverts jew permezz ta’ kwalunkwe medium ieħor) mill-Ministeru kif ukoll minn kwalunkwe dipartiment, awtorità u entità oħra li taqa’ taħtu mill-1 ta’ April 2013 sad-data li fiha tiġi mwieġba l-mistoqsija parlamentari, kif ukoll il-valur tar-reklami li għadhom ma tħallsux imma huma bbukjati? Jista’ jgħid jekk dawn ir-reklami tħallsux jew hux se jitħallsu minn Fondi Ewropej, jew jekk tħallsux jew se jitħallsu minn xi fond ieħor? Jista’ jgħid kemm hu l-ammont li tħallas jew se jitħallas minn kull fond imsemmi?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex tirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 21333

Ħal Qormi — Triq l-Imdina - rampa ħdejn it-traffic lights

Question

Jista' l-Ministru jara li ssir spezzjoni fuq ir-rampa li tinsab ħdejn it-traffic lights fi Triq l-Imdina, Ħal Qormi, in-naħa li tagħti għal Triq il-Vitorja, peress li din ir-rampa mhix skont l-istandards tas-sigurtà u qegħda wieqfa ħafna u perikoluża speċjalment fix-xita?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qegħdin nistudjaw il-possibilita’ ta’ xi forma ta’ intervent/i.