Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li t-triq li tagħti bejn Tal-Virtu' ir-Rabat, Malta u l-Buskett, tiġi rranġata peress li din it-triq tintuża ħafna minn Maltin u turisti?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li parti mit-triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant li tmur minn misraħ San Duminku sal-Buskett taqa’ taħt ir-responsabilita’ tal-Kunsill Lokali.
Xorta waħda daqs xahar ilu d-Direttorat għamel xogħol ta’ resurfacing tul Triq Borg Olivier kif ukoll patching ġo Triq il-Buskett.
Jista' il-Ministru jinformana bl-evalwazzjoni tal-Ministeru dwar il-proposti li ġew ippubblikati fuq il-ġurnal "The Times" ta' nhar l-Erbgħa 29 ta' Marzu (jew ta' qabel) sabiex jiġu evitati l-ħsarat ta' sfrondar ta' toroq rurali, bħal fil-każ tal-Ħemsija Bypass u l-Imtarfa?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fir-rigward tal-każ tal-Ħemsija Bypass u l-Imtarfa, l-Awtorita' dwar it-Trasport qegħda tistenna riżultat ta' testijiet li ntbagħtu barra sabiex wara jkun jista' jiġi finalizzat ir-rapport.
Sadanittant dwar it-toroq rurali dawn ġeneralment huma responsabbilta' tal-Kunsilli lokali.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu, awtoritajiet u kull ente li taqa' taħtu mill-2005 sal-lum xtrawx u/jew krewx u/jew ħadu b'ċens xi proprjeta' mis-settur privat? Jekk fl-affermattiv, meta u b'liema titolu? Ħarġet sejħa għall-offerti? Mingħand min akkwistaw din il-proprjeta'? Għal liema raġuni akkwistaw din il-proprjeta'? Jista' jitpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt jew tal-ftehim?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat illi l-Awtorita’ dwar it-Trasport ħarġet sejħa għall-offerti u għamlet lease agreement fuq propjeta’ għall-użu ta’ uffiċini minn għand UCIM Holding Co Ltd fis-16 ta’ Mejju, 2005.
Il-Ministeru/Dipartiment ukoll kera post għall-użu ta’ uffiċini għall-impjegati tiegħu li kienu qed jokkupaw dipartiment ieħor u għalhekk kien hemm problema ta’ spazju. Il-post li ntagħżel kien parti mit-Transcontinental Properties. Ma nħarġet l-ebda sejħa għall-offerti imma kien hemm tlett rakkomandazzjonijiet min-naħa ta’ l-uffiċju tal-Prim Ministru u ntagħżel wieħed minnhom.
Ma narax raġuni għalfejn kopja tal-kuntratti għandhom jitpoġġew fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 18231 u jikkonferma li l-kuntrattur li għamel ix-xogħol f'Imdina Road, Ħaż-Żebbuġ - bejn Ħaż-Żebbuġ u r-Rabat - ma wassalx il-main ġdid tad-drenaġġ sal-pumping station Ta' Srina?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fi Triq Mdina, bejn il-junction ta' St Dorothy's u junction Ta' Srina, ma sarux xogħlijiet estensivi in konnessjoni ma' mains tad-drenaġġ ġodda. Ix-xogħlijiet ta' drenaġġ li saru kienu:
- gravity main ġdid - tul ta' madwar 250m minn kull tarf tat-triq bejn ir-roundabout ħdejn l-iskola tad-Dorotej u De Rohan Gate murija bl-aħdar fil-pjanta.
- il-gravity main l-antik muri bl-aħmar u li qiegħed fuq in-naħa tal-bini sarulu t-tiswijiet meħtieġa.
- bejn ir-roundabout ħdejn l-iskola tad-Dorotej u dik ta' Srina, ir-rising main ġie mtawwal sabiex jgħaqqad ir-roundabout tad-Dorotej mall-pumping station ta' Srina.
Din il-parti tax-xogħlijiet hi murija bil-maġenta fuq il-pjanta li qegħda titqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 18113 u jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom il-bankina fit-triq u t-telgħa tax-Xemxija saret wiesgħa ħafna u dejqet it-triq arterjali konsiderevolment? X'se jiġri meta jinġabar ħafna traffiku, kif jiġri spiss, u jkun hemm xi ambulanza , fire engine, karozza tal-pulizija li tkun trid taqbeż il-karozzi f'emerġenza u l-karozzi ma jkollhomx spazju biex iwarbulha?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 18178 u jgħid kemm ġew jiswew flus it-toroq li saru permezz tal-fondi tal-Protokoll Taljan, kull triq separatament?
Il-Gvern Taljan għaddihom dawn il-flus lill-Gvern Malti, u jekk fl-affermattiv, kemm kien l-ammont ta' flus?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Il-kontijiet għax-xogħlijiet fuq dawn it-toroq għadhom ma ġewx finalizzati.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex iż-żebgħa tal-linji tat-triq ġdida li tagħti mill-Mosta għaż-Żebbiegħ bilkemm għadhom jidhru, minkejja li ilhom li saru ftit ġimgħat ilu biss?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid hux il-każ li jiġi kkonsidrat sew li persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, terġa' tinħarġilha lura t-tag biex taħdem bħala taxi driver, li diġa' kien fil-pussess tagħha, u dan stante li llum huwa persuna responsabbli u li dejjem kien korrett f'xogħlu?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Jien infurmat li fid-dawl tas-sentenza mogħtija fil-Qorti fit-30 ta’ April, 2003, it-tag biex din il-persuna tkun tista’ ssuq vettura għall-ġarr ta’ passiġġieri – f’dan il-każ taxi – għadha ma tistax tinħareġ u dan skond ir-rekwiżiti stipulati fir-regolament 131 tar-Regolamenti ta’ l-1994 dwar il-Vetturi bil-Mutur.
Jista' il-Ministru jaċċerta li tiġi kkonsidrata zebra crossing fi Triq il-Kungress Ewkaristiku, Mosta eżattament fejn ir-Roll-in Pastizzerija, peress li f'dak il-post qed ikun hemm diversi inċidenti tat-traffiku?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Traffic Management Unit irrżulta li m'hemm ebda talba mill-Kunsill Lokali tal-Mosta għal tali zebra crossing. It-Traffic Management Unit ikkuntatja l-Kunsill u ġejna nfurmati li l-Kunsill ser jissottometti din il-proposta lill-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta.
Jista' il-Ministru jinformana bl-investigazzjonijiet li saru fuq il-karakjaturi tat-tarmac fil-bypass ta' l-Imtarfa, inti u niżel, inkluż fil-parti li diġa' saret manutenzjoni fuqha u reġgħet sfrondat?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.
Peress li qed ninnota li regolarment il-Ministru qed jipposponi li jwieġeb id-domandi parlamentari billi jgħid li jwieġeb f'seduta oħra, jista' jgħidli meta beħsiebu jibda jwieġeb dawn il-mistoqsijiet tiegħi?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Jirriżulta li minn Ottubru 2005 sal-lum saruli 29 interpellanza mill-Onorevoli Bartolo li kellhom jiġu mwieġba sas-seduta tal-lum. Minn dawn għad hemm interpellanza waħda pendenti.
Il-mistoqsijiet li ma nweġibx mill-ewwel, ħafna drabi jkunu jinvolvu ġbir ta' statistika. Dan it-tip ta' mistoqsijiet jieħdu ħafna ħin sabiex tinġabar l-informazzjoni u tiġi ċċekkjata. Għalhekk, kemm mistoqsija parlamentari titwieġeb minnufih mhux dejjem fil-kontroll tiegħi bħala Ministeru.
Jista' il-Ministru jgħid meta nħarġet is-sejħa għall-offerti għal landscaping tal-moll ta' Sant'Anġlu tal-Cottonera Waterfront? Minn min intefgħu l-offerti u x'kienu l-valuri rispettivi tagħhom? Min rebaħ dan il-kuntratt u meta mistenni li jitlestew ix-xogħlijiet?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Charles Buhagiar li s'issa ma nħarġet l-ebda tender fuq xogħol ta' landscaping.
Ix-xogħol li hemm bħalissa qiegħed isir permezz ta' żewġ kuntratti li nħarġu 'l fuq minn sena ilu u ma ntużawx. Għalhekk ġie deċiż li ssir change of site biex permezz ta' dawn il-kuntratti jkun jista' jsir dan ix-xogħol. Ix-xogħol hu mistenni jitlesta s-sajf li ġej.
Jista' il-Ministru jgħid jekk għandux il-ħsieb li l-awtoritajiet tat-toroq isolvu l-problema ta' ilma li jżomm meta tagħmel ix-xita fi Triq is-Santwarju, Żabbar, ħdejn il-Crazy Horse Bar?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita’ dwar it-Trasport għada kemm lestiet storm water culvert fi Triq il-Qalb Imqaddsa minn Triq l-Iskola sa Triq is-Santwarju. Dawn ix-xogħlijiet saru biex taffew ħafna l-problema ta’ l-għargħar f’din iż-żona.
Ta’ min jgħid li dawn it-toroq huma kollha responsabbilita’ tal-Kunsill Lokali ta’ Żabbar u meta dawn ġew resurfaced mill-istess Kunsill ma sar l-ebda xogħol biex din il-problema ta’ l-ilma tittaffa.
Jista' il-Ministru jinvestiga x-xogħlijiet li qed isiru fi Triq in-Nassab, Ħal Qormi peress li jidher li x-xogħol li sar fuq il-bankina qiegħed joħloq inkonvenjent kbir lir-residenti?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għal mistoqsija parlamentari numru 18122.
Kien hemm ilmenti għal mod kif oriġinarjament kienu qegħdin isiru l-bankini minħabba problemi ta' livelli. Ix-xogħol kien għalhekk sospiż sakemm instabet soluzzjoni li taħdem. Dawn il-bankini issa tlestew.
Riċentament l-Awtorita' dwar it-Trasport irċeviet ilment wieħed permezz tat-telephone rigward id-dewmien sabiex titlesta t-triq. Il-feedback li għandna huwa li l-mod kif issa saru l-bankini huwa għas-sodisfazzjon ta' kulħadd.
B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 17709 u 17711, jista' il-Ministru jgħid f'dawn l-aħħar ħames snin l-Awtorita' dwar it-Trasport kemm-il programm ta' xogħlijiet għamlet, minħabba li din it-tweġiba kemm-il darba ġiet mogħtija u qisu li mhemmx programm wieħed li jsegwi minn sena għal oħra?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Triq iċ-Ċimiterju Żabbar hija nkluża fil-lista ta' toroq li jridu jinbnew mill-Awtorita' dwar it-Trasport. L-ADT qegħda tfassal strateġija kif toroq bħal din imsemmija jsiru fis-sentejn li ġejjin.
Jista' il-Ministru jgħid x'mistenni jsir minflok ix-Schreiber f'Raħal Ġdid?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant illi l-proġett propost ser jinkorpora użu residenzjali, kummerċjali, faċilitajiet sportivi, bus interchange station u ċentru tas-saħħa ġdid. Il-grawnd tal-futbol, il-ġnien pubbliku u l-klabb tal-boċċi ser jerġgħu jinbnew.
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-area msemmija saru spezzjoniijet mill-Awtorita' dwar it-Trasport biex jiġi stabbilit l-kundizzjoni li jinsabu fiha dawn it-toroq. Id-Direttorat qed ihejji program għall-bini ta' toroq ġodda u t-toroq li jinħtiġielhom xogħol ser jiġu nklużi f'dan il-program skond il-prijoritajiet li jirriżultaw.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 17948 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Familja u Solidarjeta' Soċjali u li issa ġiet riferuta lilu u jara li jittieħdu passi dwar il-fatt li fil-garages il-ġodda li hemm fil-housing estate il-ġdid ta' l-Imsida - b'mod partikolari numru 70, Conception Street, Imsida - il-mod kif sar ix-xogħol fuq il-bankini l-ġodda qed iwassal biex l-ilma jaqleb għall-ġol garages infushom b'konsegwenza li fil-maltemp ir-residenti lanqas ikunu jistgħu jagħmlu użu mill-garages?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 18135 u jgħid meta nħarġet is-sejħa għall-offerti għal landscaping tal-moll ta' Sant'Anġlu tal-Cottonera Waterfront? Minn min intefgħu l-offerti u x'kienu l-valuri rispettivi tagħhom? Min rebaħ dan il-kuntratt u meta mistenni li jitlestew ix-xogħlijiet?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt għal mistoqsija parlamentari numru 18135.