Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża totali tal-Ministeru tiegħu fuq proġetti relatati ma’ bidla fil-klima minn Marzu 2013 ‘l hawn? Jista’ jagħti d-dettalji tan-nefqa fuq kull inizjattiva meħuda f’dan ir-rigward?
Response (BRINCAT, LEO)
Ta’ min ifakkar lill-Onor. Interpellant li l-bidla fil-klima hija sfida universali u għaldaqstant l-impenn sabiex issir ħidma f’dan il-qasam mhux xi ħaġa li tagħmel parti minn xi Ministeru partikolari, imma huwa impenn kollettiv b’riżultat tal-ħidma tal-Gvern kollu flimkien mal-privat. Ċertament ma nistgħux nibqgħu nħarsu lejn dan il-fenomenu bħala xi ħaga f’iżolament minn dak kollu li jiġri anki fis-setturi l-oħra tal-pajjiz speċjalment dak ekonomiku.
Għalhekk li wieħed isaqsi dwar in-nefqa relatata ma’ proġetti marbutin mal-bidla fil-klima ta’ Ministeru wieħed, u dan fuq perjodu ta’ żmien daqshekk qasir, meta kulħadd jaf li l-ħidma f’dan il-qasam hija mifruxa fuq medda ta’ snin, huwa sintomu ta’ viżjoni limitata u nuqqas ta’ apprezzament kemm tal-isfida nniffisha li qegħdin niffaċċjaw, kif ukoll tal-mod li bih jaħdem il-Gvern.
Jekk wieħed irid issemmi l-ispejjeż li qed jagħmel il-Ministeru f’dawk li huma proġetti relatati mal-bidla fil-klima huwa difficli li tħalli xi ħaga barra għaliex ħafna mill-ħidma diretta tal-Ministeru tiegħi għandha l-miri li nsaħħu dejjem aktar il-kapaċita` ta’ Malta li taddatta ruħa għat-tibdil tal-ambjent Malti, kemm rurali, marittimu kif ukoll urban, għal dawk li huma l-impatti tal-bidla fil-klima, filwaqt li nagħmlu l-parti tagħna biex innaqqsu l-emissjonijiet fl-arja. Primarjament billi nagħtu direzzjoni strateġika u nkomplu nimbuttaw dawk is-setturi fejn jista’ jsir titjieb fl-operat u għalhekk jitnaqqas l-impatt. Ta’ min wieħed isemmi l-enerġija u t-transport, l-iskart, kif ukoll l-agrikoltura fejn l-investiment qed ikun dejjem iktar immirat sabiex is-sistemi jsiru iktar effiċjenti u jevitaw it-telf ta’ gass fl-atmosfera.
Għalhekk l-isfida hija li wieħed jikkwantifika l-ispiża relatata mal-bidla fil-klima, u dan anke` fl-isfond ta’ l-għarfien tal-fatt li n-nefqa marbuta mal-bidla fil-klima mill-baġit totali tal-Unjoni Ewropea qiegħda lejn it-tletin fil-mija, u l-għan li jiġu indirizzati l-impatti tal-bidla fil-klima u li jiżdiedu l-isforzi biex jiġu mitigati l-istess impatti qiegħed imfassal f’kull programm ta’ fondi – kemm tar-riċerka, tal-fondi għall-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, għall-programm ta’ fondi għall-ambjent LIFE, u oħrajn.
Allura l-għażla tibqa’ dik bejn li l-Gvern u l-Ministeru tiegħi b’mod partikolari jkompli jsaħħaħ l-istrutturi sabiex ikompli jkun attiv u relevanti fuq livell nazzjonali, Ewropew, u anke` internazzjonali f’dan il-qasam, jew joqgħod jgħodd kull Ewro li seta’ ġie minfuq fuq xogħol li b’xi mod jew ieħor jista’ jikkontribwixxi sabiex il-bidla fil-klima ma tkunx sfida li ngħaddu lil uliedna bir-rata mgħaġġla t’issa. Aħna nagħzlu li nwettqu.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta nbeda l-proġett iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea biex il-bdiewa jkunu mħarrġa dwar l-użu u l-management tan-nitrati fl-agrikultrura? Fiex wasal dan l-istess proġett, kemm sewa, meta hu mistenni li jiġi fi tmiemu? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk fil-fatt hux maħsub li jkun hemm estensjoni ta' dan il-proġett,permezz ta' fondi oħra tal-Unjoni Ewropea jew ta' fondi li huma lokali? Kemm kien hemm persuni li ġew mħarrġa permezz ta' dan il-proġett? Jekk mhux se jkun hemm fondi oħra għal dan il-proġett kif se jiġi assigurat li l-bdiewa ikopru l-ispejjeż marbuta mal-fertiliser plans fl-għelieqi tagħhom?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari jien infurmat illi l-progett in kwistjoni inbeda fl-2011 u ser jintemm fi ftit gimgħat oħra, sal-aħħar ta’ Gunju 2014. Permezz tal-progett, ‘l fuq minn 900 bidwi u raħħal kienu mħarrġa fuq il-pjan ta’ azzjoni dwar in-nitrati. Saru wkoll sezzjonijiet ta’ taħriġ individwali ma 519 ir-raħħal fuq l-irziezet tagħhom, kif ukoll kienu analizzati mal-2,900 kampjun tal-ħamrija sabiex setgħu jinħarġu fertiliser plans lill-bdiewa full-time u anke oħrajn part-time li jaħdmu ‘il fuq minn tlettax il-tomna raba’. Jien infurmat li l-bdiewa jistgħu jibbenefikaw minn sussidju ta’ 80% minn fondi Ewropej fit-tfassil tal-fertiliser plans jekk huma jirrikorru għand l-uffiċċju li hemm apposta fl-Għammieri sabiex jagħti servizz ta’ pariri fil-qasam tal-biedja u li hu rikonoxxut uffiċjalment għal dan il-għan.
Billi skont l-avviż legali 321/2011, kif emnendat bl-avviż legali 77/2013, fil-klawsola 18 tiegħu, d-Dipartment tal-Agrikultura kien mistenni li jipprepara u li jżomm 'National Nitrates Database', jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif qed jintuża dan l-istess database?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, id-database inkwistjoni tintuża preċiżament sabiex tgħin lid-Dipartiment tal-Agrikoltura jkun fil-proċess ta’ kontroll u moniteraġġ li jkun hemm bżonn propju sabiex ma jkunx hemm abbużi fl-użu tan-nitrati u dan dejjem biex ukoll nimxu skond id-direttivi tal-EU. Fost affarijiet oħra, per eżempju, mill-informazzjoni li hemm ġod-database id-Dipartiment ikun jista jiddeċiedi fejn l-aħjar li jsiru l-ispezzjonijiet ta’ kontroll li d-Dipartiment jagħmel lil hemm min dawk l-ispezzjonijiet li jsiru bħala riżultat ta’ xi lment.
Jista' l-Ministru jikkonferma li se tiġi ntrodotta liċenzja, bi ħlas ta' €100, għal dawk li jipproduċu, jibbottiljaw, u jbiegħu ż-żejt taż-żebbuġa lokali? Jista' jikkonferma wkoll li l-licenzja trid tiġi mġedda kull sena, bi ħlas ugwali ta' €100, jew jekk le kemm se tkun l-miżata għal tali liċenzja? Billi skont fuljett maħruġ mid-Direttorat tal-Agrikultura, il-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa trid tkun marbuta ma' post specifiku, jista' jagħti tagħrif dwar jekk hiex meħtieġa liċenzja għal kull għalqa li bidwi jkollu, u li fiha jkabbar iż-żebbuġ?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, l-Avviż Legali 66 tal-2014, jgħid “Ebda persuna ma tista' tagħmel, tipproduċi jew timbottilja żejt taż-żebbuġa prodott lokalment jew impurtat, u lanqas ma tista' tbiegħ prodotti relatati maż-żejt taż-żebbuga, mingħajr liċenzja valida maħruga mid-Direttur tal-Agrikoltura.” Ngħarraf ukoll li l-ħlas ta’ mitt ewro huwa stipulat fi Skeda Numru 2. Skond l-istess Avviż il-liċenzja trid tiġi mġedda kull sena bi ħlas hekk kif stipulat. Ninsab infurmat ukoll li l-liċenzja hi meħtiega biss għall-binja fejn isir l-għasir, u mhux mal-għelieqi u dan sabiex tiġi aċċertata l-korrettezza u l-kwalita` tal-proċess tal-għasir, u li l-prodott li qed jiġi mpoġġi fis-suq jirrifletti dan l-istandard, kif ukoll l-oriġini tal-prodott.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema uffiċjali b’karigi ġodda ġew ingaġġati fit-tmexxija tal-pikalija, matul l-aħħar sena? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk dawn l-uffiċjali, tqabbdux biex jimlew karigi ġodda, jew inkella biex jibdlu uffiċjali oħra li diġà kienu qed jagħmlu dan ix-xogħolli iżda ntbagħtu jagħmlu xogħol ieħor? Fil-każijiet fejn l-uffiċjali ġodda ssostitwew dawk li kienu hemm qabel, jista' jagħti tagħrif dwar fejn kienu jaħdmu dawk li ġew ġodda, u fejn intbagħtu jaħdmu dawk li kienu qed jagħmlu x-xogħol qabel? Fil-każ ta' pożizzjonijiet ġodda, jista' jagħti tagħrif dwar meta ħarġu s-sejħiet speċifiċi biex jimtlew il-karigi partikulari? Kemm applikaw nies, u kemm intgħażlu?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li fil-Pitkalija, b’seħħ mis-17 ta’ Frar 2014, ġie ngaġġat Senior Manager (Administration) fuq bażi ta’ “persuna ta’ fiduċja”. Sadanittant il-kuntratt ta’ persuna li ilha ngaġġata fuq bażi “ta’ fiduċja”, bħala Maniger, sa mill-2010, ġie estiż sal-4 ta’ Ġunju 2014. Iż-żewġ persuni kkonċernati huma ġejjin minn barra s-Servizz Pubbliku. Id-dmirijiet ta’ Senior Manager (Administration) jesiġu responsabbiltà ogħla minn dik li kellha l-persuna fil-pożizzjoni ta’ Maniger.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm inħarġu ċertifikati fitosanitarji, skont il-kategoriji differenti għal dak li jikkonċerna pjanti/siġar li ġew Malta, minn swieq barranin matul l-aħħar 12-il xahar?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li għal dak li jikkonċerna pjanti u siġar li jiddaħħlu Malta minn swieq barranin ma jinħarġilhom l-ebda ċertifikat fitosanitarju mid-Dipartiment ikkonċernat, iżda dawn il-prodotti kollha jiġu spezzjonati mad-dħul tagħhom ġewwa pajjiżna.
Prodotti agrikoli mibgħuta barra mis-swieq ta’ Malta
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li nfurmaw lill-Ministeru li kienu se jibagħtu prodotti agrikoli fi swieq barra minn Malta, matul l-aħħar sena? X'kienu l-prodotti li ntbagħtu barra minn Malta? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru jkunx involut b'xi mod, biex jiċċertifika l-kwalità ta' prodotti li jkunu se jintbagħtu barra minn Malta?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li ma hemm l-ebda obbligu legali jew amminstrattiv li min irid jibgħat prodotti agrikoli barra minn Malta jrid qabel xejn jinforma lill-Ministeru tiegħi.
Marsascala Family Park – organizzazzjonijiet volontarji
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm u liema huma l-organizzazzjonijiet volontarji li qed jużaw il-faċilitajiet tal-“Marsascala Family Park” u jistax jelenkahom?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li preżentement il- Malta Girl Guides Association hija l-organizzazzjoni volontarja li qed tagħmel użu formali u reġolari mill-faċilitajiet tal-“Marsascala Family Park”.
Wasteserve — spejjeż fuq refurbishment tal-uffiċċji tal-Wasteserv
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża totali tal-Wasteserv fuq refurbishment tal-uffiċċji tal-kumpanija minn Marzu 2013 sal-lum? Jista’ jagħti d-dettalji tan-nefqa ta’ kull wieħed mill-items li ġejjin:
a. Xogħol ta’ kostruzzjoni u/jew manutenzjoni;
b. Xiri ta’ għamara; u
c. Xiri jew kiri ta’ kompjuters u apparat ieħor elettroniku?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli l-ispiża totali tal-Wasteserv fuq refurbishment tal-uffiċċji tal-kumpanija minn Marzu 2013 sal-lum huwa kif gej:
a. Xogħol ta’ kostruzzjoni u/jew manutenzjoni - €86,456
b. Xiri ta’ għamara - €6,716
c. Xiri jew kiri ta’ kompjuters u apparat ieħor elettroniku - €60,321
Tabella A bid-dettalji tan-nefqa ta’ kull wieħed mill-items qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra
Sabiex din il-Kamra jkollha l-istampa sħiħa qed npoġġi ukoll tabella oħra – Tabella B - dwar kemm il-WasteServ nefqet fuq items simili mill-1 ta’ Jannar 2012 sad-data tal-bidla fil-Gvern li skont ir-rekords tal-kumpanija kienu jlaħħqu kif gej:
a. Xogħol ta’ kostruzzjoni u/jew manutenzjoni - €299,395
b. Xiri ta’ għamara - €16,899
c. Xiri jew kiri ta’ kompjuters u apparat ieħor elettroniku - €171,465
Wasteserv – spejjeż fuq karozzi, laptops, tablets u mobiles
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża totali tal-Wasteserv f’xiri jew kiri ta’ karozzi, laptops, tablets u mobiles minn Marzu 2013 sal-lum? Jista’ jgħid għal min inxtraw jew inkrew u kemm kienet in-nefqa fuq kull oġġett? Jista’ jindika liema minnhom inxtraw b’kuntratt ma’ service provider u liema minnhom inxtraw wara li nħarġu tenders jew kwotazzjonijiet?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra Tabella A, bl-informazzjoni mitluba, fejn is-somma telgħet għall- €40,700. Din il-figura hija wkoll inkorporata fit tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 9389.
Sabiex din il-Kamra jkollha l-istampa sħiħa qed nehmeż ukoll tabella oħra – Tabella B - dwar kemm il-WasteServ, skont kif gejt mgħarraf, nefqet fuq items simili mill-1 ta’ Jannar 2012 sad-data tal-bidla fil-Gvern, fejn is-somma laħqet €70,335.
Wasteserv – Laqgħat mal-unions dwar il-ftehim kollettiv
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li l-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ mhux qed ikun preżenti għal-laqgħat mal-unions dwar il-ftehim kollettiv tal-ħaddiema? Jista’ jgħid min qed ikun preżenti għal dawn il-laqgħat mal-unions?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lil Onor. Interpellant li ninsab infurmat li fil-laqgħat ta’ negozjati għall-ftehim kollettiv tal-ħaddiema tal-WasteServ, il-kumpanija hija rrappreżentata minn uffiċċjali tal-maniġment responsabbli mir-riżorsi umani u r-relazzjonijiet industrijali. Il-Kap Eżekuttiv jattendi għal dawn il-laqgħat kull meta tinħass il-ħtieġa.
Jista’ l-Ministru jgħid min qed jokkupa l-kariga ta’ Chief Projects Manager (CPM) fil-Wasteserv u x’kien il-pakkett finanzjarju u benefiċċji oħra offruti lilu?
Impjant ta’ Sant’ Antnin – trasferiment ta’ individwu
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet ir-raġuni għala l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ingħata transfer mill-impjant ta’ Sant’ Antnin għal Magħtab meta huwa magħruf li fil-Magħtab mhux qed isir l-aħjar użu mill-esperjeza u l-kwalifiċi ta’ dan l-individwu?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-użu u deployment tal-ħaddiema tal-WasteServ hija prerogattiva tal-Management, xi ħaġa li la jiena jew il-Ministeru ma nindaħlux fiha. Ninsab infurmat li l-persuna msemmija ġiet mogħtija l-inkarigu li tieħu ħsieb il-Magħtab proprju minħabba l-esperjenza u l-kwalifiċi tagħha. Dan bħala parti minn ristrutturar li qed isir fil-kumpanija.
Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri ħa jew beħsiebu jieħu fil-futur qarib, biex jgħin ħalli jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra apparti dawk imniżżla fil-komunikazzjoni nazzjonali ta’ Malta sottomessa lill-UNFCCC, li fiha miżuri li fl-akbar parti tagħhom kienu maħsuba u mibdija minn amministrazzjoni preċedenti?
Response (BRINCAT, LEO)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-parti essenzjali tal-Istrateġija tal-Gvern, biex ikun hemm tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra hija rapreżentata fl-impenn tagħha sabiex Malta tkun tista’ tgħaġġel il-proċess għall-bidla lejn l-użu tal-gass fil-produzzjoni tal-enerġija. Il-fatt li din il-bidla ser tiġi introdotta fi stadju aktar kmieni minn kif kienet oriġinarjament prevista fl-Istrateġija ta’ Mitigazzjoni tal-2009, turi l-ħidma u d-dedikazzjoni sħieħa li l-Gvern qed jieħu biex inaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Il-komunikazzjoni nazzjonali li ġiet sottomessa taħt il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) ma daħlitx fid-dettal fuq il-proċess li qed jieħu l-Gvern biex jippromwovi l-bidla għall-gass, minħabba l-fatt li l-komunikazzjoni kienet ibbażata fuq ir-Rapporti tal-Politika u Miżuri (PAM Reports) tal-2013, li fih il-miżuri msemmija kienu dawk li ttieħdu sa l-aħħar tal-2012.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi diffikultajiet għal dak li jikkonċerna l-allokazzjoni ta' permessi/liċenzji għas-sajd tal-pixxispad għall-istaġun ta' din is-sena?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li t-talbiet kollha għall-permessi u jew liċenzji għas-sajd tal-pixxispad jiġu pproċessati skont il-liġi. Ninsab infurmat li m’hemmx diffikultajiet speċifiċi għall-ħruġ ta' dawn il-permessi u jew liċenzji għall-istaġun ta' din is-sena.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm ħarġu ċertifikazzjonijiet (f'termini ta' piż) għal ħut li jiġi impurtat minn pajjizi mhux tal-Unjoni Ewropea, matul l-ewwel erba' xhur ta' din is-sena? Minn liema pajjiżi kien ġej dan il-ħut?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, il-piż tal-ħut impurtat minn pajjiżi mhux tal-Unjoni Ewropea matul l-ewwel erba' xhur ta' din is-sena kien dak ta’ 737,755Kg kif jidher fit-Tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-binjiet fil-konfini tal-Park tal-Majjistral li fuqhom il-Gvern ħareġ espressjoni ta' interess għall-privat jew entitajiet oħra, fl-aħħar jiem? Jista' jgħid eżatt x'inhuma l-intenzjonijiet tal-Gvern dwar dawn il-binjiet u fl-istess waqt jekk jogħġbu jpoġġi site plan ta' dawn l-istess binjiet fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BRINCAT, LEO)
Kif fissirt tajjeb fid-diskors tiegħi fil-ftuħ tal-visitors centre tal-Park tal-Majjistral ftit tal-jiem ilu fejn l'Onor. Interpellant onorana bil-presenza tiegħu jien fl-ebda stadju ma ħabbart xi ħruġ ta’ expression of interest fil-Park tal-Majjistral jew fil-madwar.
Għall-kuntrarju għidt biss li din tkun ikkunsidrata dejjem jekk ikun hemm qbil fil-prinċipju bejn l-
istakeholders
kollha nklużi l-membri tal-Federazzjoni li tmexxi l-Park flimkien mal-Bord tat-Tmexxija maħtur mill-Gvern, kif ukoll wara li tinkiseb l-awtorizzazzjoni tad- Dipartiment tal-Artijiet.
Id-diskors tiegħi kien inħareġ ukoll dak inhar stess mid-dipartiment tal-informazzjoni bħala
media release
uffiċjali.
Kemm il-darba jiġi deċiż li tinħareġ
expression of interest
il-pjanti rilevanti jkunu kollha pubbliċi.
Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali — PR u media events – nefqa totali
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 8718, jista' l-Ministru jikkonferma li n-nefqa totali ta' 42 media event organizzati mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet għall-Annimali kienet ta' €250 (+VAT)? Jekk iva, jista' jgħid kif kienet imqassma l-ispiża ta' €5.95 għal kull event u liema kienu l-kuntratturi li pprovdew dawn is-servizzi? Jekk le, jista' jgħid mill-10 ta' Marzu 2013 sal-lum xahar b'xahar, kemm ġew organizzati PR u media events mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali? Kemm kienet l-ispiża ta' kull attività? Kemm kienet in-nefqa fuq disinn u stampar ta' materjal u kemm kienet in-nefqa totali ta' dawn l-attivitajiet? Jista' jgħid jekk ingħażlux wara sejħa pubblika?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet għall-Annimali jikkonferma l-informazzjoni mogħtija fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 8718 u inżid li infurmat li mill-events inkwistjoni waħda minnhom biss kienet li swiet is-somma ta’ €250 + VAT. Mgħarraf ukoll mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li din kienet attivita` li saret dwar prodotti ta’ kwalita. L-attivitajiet l-oħra saru bla spiża.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — PR u media events – nefqa totali
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8717:
a. jekk l-informazzjoni hi korretta, jista' l-Ministru jikkonferma li saru 114
media events
u l-ispiża medja kienet ta' €47,111.41 + VAT u għalhekk l-ispiża totali ta' €5,370,700.70; u
b. jekk l-informazzjoni hi żbaljata, jista' jgħid mill-10 ta' Marzu 2013 sal-lum xahar b’xahar, kemm ġew organizzati PR u media events mill-Uffiċċju tiegħu? Kemm kienet l-ispiża ta’ kull attività? Kemm kienet in-nefqa fuq backdrops, dawl, sound u faċilitajiet oħra awdjoviżivi? Kemm kienet in-nefqa fuq disinn u stampar ta' materjal u kemm kienet in-nefqa totali ta’ dawn l-attivitajiet? Min kienu l-kuntratturi li ħadmu fuq dawn l-attivitajiet? Dawn intgħażlu wara sejħa pubblika?
Response (BRINCAT, LEO)
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 8717 ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-għadd ta’ media events ikkwotat huwa korrett filwaqt li l-ispiża totali kienet ta’ €47,111.41. Il-Ministeru tiegħi la talab, la ippjana jew għandu għad-dispożizzjoni tiegħu miljuni ta’ fondi għall-attivitajiet simili. Kuntrarju għal dak li kien isir fl-imgħoddi l-infiq kollu sar skont ir-regoli finanzjarji u ġie approvat bil-quddiem u mhux wara li kien ikun diġa sar, kif spiss kienet il-prassi taħt Ministri tal-Gvern Nazzjonalista.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm sajjieda li huma ntitolati li jieħdu diesel bi prezz apposta, minħabba s-sajd li jagħmlu? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi bidla fil-policy applikata fil-konfront ta' dawn is-sajjieda? X'bidliet twettqu f'din il-policy, u kemm ġew effettwati sajjieda?
Response (BRINCAT, LEO)
Il-mistoqsija tal-Onor. Interpellant mhux ċara għal xhiex qed tirreferi, iżda jekk l-intenzjoni tiegħu hi li jirreferi għall-bejgħ tad-diesel bla dazju lis-sajjieda, allura jien infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li fil-fatt id-dgħajjes tas-sajd kollha li huma rreġistrati bħala tali mid-Dipartiment tas-Sajd għandhom dritt jixtru dan it-tip ta’ diesel sakemm dan ikun qed jintuża għas-sajd skont ir-regoli stabbiliti.
Jien infurmat ukoll mis-Segretarjat li ma kien hemm l-ebda bidla fil-
policy
,
per se,
iżda kuntrarjament għal dak li kien isir qabel, sabiex ikun assigurat li ma jkunx hemm abbużi d-Dipartiment tas-Sajd qiegħed jivverifika l-informazzjoni sottomessa dwar qabdiet irreġistrati ta’ ħut u li abbażi tagħhom ikun ikkalkulat l-ammont ta’ diesel bla dazju li kull bastiment ikun intitolat għalih. Dan l-ammont imbagħad ikun mgħoddi lid-Dipartiment tad-Dwana bħala l-awtorita` kompetenti fir-rigward.