Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istrateġija dwar il-qasam tad-Djar li tlestiet fit-23 ta’ Diċembru, 2013 u jindika dawk ir-rakkomandazzjonijiet li hemm f’dan ir-rapport biex jiġu megħjuna persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, ir-Rapport imsemmi jirrakkomanda li l-Awtorita’ taddotta mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni li, jikkonsidra mhux biss is-sitwazzjoni finanzjarja tal-applikanti, iżda wkoll ċirkostanzi oħra bħall-istat mentali tal-individwu.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni għall-akkomodazzjoni soċjali li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Jista’ jgħid għaliex dawn l-applikanti mhumiex qegħdin jingħataw prijorità meta l-każ tagħhom jimmerita konsiderazzjoni qawwija?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-applikazzjoni tal-persuna kkonċernata qed tiġi kkunsidrata flimkien ma’ oħrajn bħalha li huma dwar sharing overcrowding.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-fond u ċjoè l-appartament li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament huwiex vakanti? Jekk iva, jista’ jgħid għaliex dan l-appartament għadu vojt meta hemm tant persuni u familji qed jistennew akkomodazzjoni soċjali?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Awtorita’ tad-Djar qed tagħmel l-investigazzjonijiet neċessarji, peress li sal-preżent l-Awtorita’ ma għandiex il-pussess tal-fond vakanti in kwistjoni.
Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali — lista ta’ direct orders
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 19309, 17995, 17639 u 17363 u jagħti lista tad- direct orders kollha li ngħataw mill-Ministeru tiegħu, inkluż id-dipartiment u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-1 ta’ Jannar li għadda sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Jista’ jagħti l-ammont totali ta’ kull direct order u lil min ingħataw?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Nitlob lill-Onor. Interpellant tgħid għal liema direct order qed jirreferi għax din l-informazzjoni tinvolvi ġranet sħaħ ta’ xogħol biex tkun tista' tinġabar
Servizz tal-Meals on Wheels – stennija tas-servizz
Question
B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 19306 u 19307, jista’ l-Ministru jispjega kif hemm kważi l-istess ammont ta’ anzjani li qed jieħdu s-servizz tal-Meals on Wheels daqskemm hemm jistennew li jieħdu dan is-servizz? Jista’ jgħid għaliex hemm dan id-dewmien meta huwa imperattiv li dan il-Gvern jara li l-anzjan jibqa’ jgħix fil-komunità?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, din is-sitwazzjoni ilha tippersisti mill-2012 u kien ghalhekk li l-Gvern ħareġ tender biex tiġi ndirizzata l-waiting list li akkumulat. Il-proċess tat-tender relattiv qed jiġi ffinalizzat mid-Dipartiment tal-Kuntratti.
Unjoni Ċivili – persuni li jingħataw pensjoni, children allowances u benefiċċji oħra
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma l-persuni f’Unjoni Ċivili li sal-lum qegħdin jirċievu xi forma ta’ pensjoni, children’s allowance jew xi benefiċċju ieħor? Jista’ jgħid kemm hu l-ammont ta’ persuni f’kull kategorija?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali ma jżommx din it-tip ta’ statistika marbuta ma’ persuni li daħlu f’Unjoni Ċivili.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk f’Malta u Għawdex hawnx persuni li huma homeless u li m’għandhomx post fejn joqogħdu jew mhumiex qegħdin jgħixu f’post ta’ abitazzjoni? Jekk iva, jista’ jgħid kemm huma dawn il-persuni, fejn qegħdin jingħataw kenn u meta l-Gvern se jkun qed isibilhom post alternattiv fejn joqogħdu?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, mill-informazzjoni miġbura (dejjem b’referenza għal dawk l-applikanti u l-persuni li javviċinaw id-dipartimenti tagħna għall-għajuna), fit-tabelli t’hawn taħt, qiegħed jingħata rendikont tan-numru ta’ nies li jinsabu mingħajr saqaf fuq rashom u qegħdin allokati f’waħda mid-Djar imsemmija hawn taħt:
Fondazzjoni għall-Servizz għall-Ħarsien Soċjali (FSWS)
Dar Tereża Spinelli
10 Service Users (Nisa) + 1 minuri
Dar Qalb ta’ Ġesu`
9 familji li qed joqgħodu f’9 appartamenti mat-12 uliedhom
Dar Osanna Pia
12 Service Users (Irġiel)
YMCA
9 Service Users ( 6 Irġiel + 3 Nisa)
Gћabex
3 Service Users (Nisa) + 6 Minuri
Uħud minn dawn jista' għandhom applikazzjoni mal-Awtorita' tad-Djar.
Billi qed jingħad li se ssir tiswija ta' blokki ta appartamenti tal-Gvern, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema blokki se jsir xogħol fihom? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk fejn l-appartamenti diġà nxtraw mill-privat hux ser jsir xogħol ta' manutenzjoni fihom ukoll? Fejn inbeda x-xogħol s'issa, u jista' jagħti tagħrif dwar jekk hemmx każijiet fejn ix-xogħol inbeda issa, iżda l-istess xogħol kien diġà mibdi f'Marzu li għadda?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Awtorita’ tad-Djar kontinwament qed tagħmel xogħlijiet ta’ tiswija f’diversi blokki t’appartamenti tal-Gvern u tal-Awtorita’ tad-Djar madwar Malta u Għawdex. Ikun hemm każijiet fejn, allavolja l-appartamenti jkunu nxtraw, l-Awtorita’ tad-Djar xorta tagħmel tiswijiet, b’mod partikolari fejn dawn ikunu jirrigwardjaw areas komuni.
Fejn kien inbeda kwalunkwe xogħol qed jitkompla u mistenni jitlesta fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward każ mal-Awtorità tad-Djar?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, il-garaxx li huwa nteressat fih l-individwu li d-dettalji tiegħu ngħataw separatament huwa diġa’ meħud, filwaqt li l-garaxx imsemmi li qiegħed fi Triq Anġlu Psaila huwa abbinat mal-postijiet tal-blokka.
Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward każ mal-Awtorità tad-Djar?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, li minn verifika li għamlet l-Awtorita' tad-Djar jidher, li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw b’mod separat, qatt ma daħlet ilmenti jew bgħatet applikazzjonijiet dwar xogħlijiet ta' irranġar għall-attenzjoni tal-Awtorita’ tad-Djar. L-Awtorita’ tad-Djar għamlet diversi tentattivi biex tagħmel kuntatt mal-persuna, permezz tan-numru telefoniku li ingħatalna mill-Onor. Interpellant, bħala parti mid-dettalji. Madanakollu, il-persuna qatt ma wieġbet it-telefonati tagħna.
Il-persuna għandha tirċievi bil-miktub sabiex tasal wasla sal-uffiċini tal-Customer Care tal-Awtorita, u tapplika kif meħtieġ.
Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward każ ta' stairlift mal-Awtorità tad-Djar?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, is-Sinjura li d-dettalji tagħha ngħataw separatament, applikat taħt l-Iskema tad-Diżabilita’ nhar it-23 ta’ Diċembru 2014, għall-installar ta’ kamra tal-banju u stairlift għall-bżonnijiet tagħha.
L-applikazzjoni ġiet ipproċessata u s-Sinjura ser tingħata s-somma ta’ €7325 għal bdil tal-kamra tal-banju u stairlift ġdid. Is-Sinjura ġiet infurmata ukoll bl-appuntament tagħha li kien għas-17 ta’ Settembru. Ix-xogħol seta’ jibda minnufih waqt li ġiet infurmata biex tibgħat l-irċevuti fiskali lill-Awtorita’ tad-Djar sabiex titħallas tax-xogħol approvat.
Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward każ tal-Awtorità tad-Djar? Jista l-Ministru jara li jiġi vverifikat dan il-każ minn naħa tal-Awtorita tad-Djar li dettalji tiegħu qed jintbgħatu separatament?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-Awtorita’ tad-Djar ħadet nota ta’ dan u sar kuntatt mal-persuna li d-dettalji tagħha ngħataw separatament, fejn din ikkonfermat li l-kerrej tal-flat ikkonċernat, ma sabx oġġezzjoni li din tagħmel ix-xogħlijiet li hemm bżonn li jsiru.
Jista' l-Ministru jgħid jekk u għaliex id-Dar Residenzjali, Villa Robinich fil-Fgura hux qed tagħlaq il-bibien tagħha? Jekk iva, jista' jgħid meta ser tkun qed tagħlaq il-bibien tagħha? Jista' l-Ministru jgħid x'ser ikun qed jagħmel bl-anzjani li qed jirresjedu f'din id-Dar u ma għandhomx fejn imorru joqogħdu? Jista' l-Ministru jgħid ukoll x'ser jiġri mill-ħaddiema li jaħdmu f'din id-Dar?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, ir-residenza li qed issir referenza għaliha, hija residenza tal-privat u li l-Gvern ma għandu l-ebda kuntratt magħha.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol fuq ir-reviżjoni tal-Politika Nazzjonali dwar it-Tfal ġiex komplut? Jekk iva, jista' l-Ministru jgħid jekk kienx ippreżentat lill-Kabinett? Jekk le, jista' jagħti timeline sħiħ kif ukoll jagħti indikazzjoni ċara meta ser jitressaq quddiem il-Kabinett u meta se tiġi ppubblikata din il-politika?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi x-xogħol fuq ir-reviżjoni tal-Politika Nazzjonali dwar it-Tfal qegħda fi stadju avvanzat u se titressaq fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu r-romol li mill-1 ta' Jannar li għadda sal-lum baqgħu jibbenefikaw mill-pensjoni sħiħa tar-romol u dan skont kif ġie mwiegħed fil-Baġit 2014? Jista' jgħid kemm kienet l-ispiża tal-Gvern sa issa?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk mill-1 ta' Jannar li għadda sal-lum, l-Awtorità tad-Djar daħlitx f'Public Private Partnership sabiex tibni aktar appartamenti għall-persuni li għandhom mezzi limitati? Jekk iva, jista' jagħti d-dettalji kollha inkluż ma min daħlet f'Public Private Partnership, fejn ser tkun qed tibni dawn l-appartamenti u meta ser ikunu lesti? Jista' jgħid kemm ġiet tiswa l-ispiża sa issa u min ser ikun intitolat sabiex jakkwista dawn l-appartamenti?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-Awtorita’ tad-Djar ma daħlitx f’Public Private Partnership sabiex tibni aktar appartamenti għall-persuni li għandhom mezzi limitati mill-1 ta' Jannar li għadda sallum.
Awtorità tad-Djar – appartamenti shell u semi-finished għall-bejgħ
Question
Jista' l-Ministru jagħti rendikont sħiħ tan-numru ta' appartamenti shell, jew inkella semi-finished li l-Awtorità tad-Djar ħarġet għall-bejgħ din is-sena u dan skont kif ġie mwiegħed fil-Baġit 2014? Jista' jgħid f'liema lokalitajiet kienu u kemm-il persuna ser ikunu qed jibbenefikaw?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, filwaqt li matul din is-sena l-Awtorita’ tad-Djar ma kellha l-ebda sejħa għal bejgħ ta’ appartamenti, kompliet toffri l-iskemi tagħha għal irranġar u titjib, u sussidju fuq il-kera privata, waqt li ġew iffinalizzati l-kuntratti fuq l-appartamenti li ħarġu għall-bejgħ taħt l-Avviż numru 77.
Taħt dan l-Avviż, li ġie ppubblikat fi Frar 2014, l-Awtorita’ tad- Djar ħarġet għall-bejgħ 43 appartament u 3
maisonettes
, bi prezz issussidjat b’35% fil-lokalitajiet ta’ B’Kara, Burmarrad, Kalkara, Kirkop, Mellieħa, Mġarr, Mtarfa, Paola, Pembroke, Qawra, Qrendi, Tarxien, Żebbuġ, Żejtun u Żurrieq.
L-ipproċessar ta’ dan l-avviż huwa kif jidher hawn taħt:-
Kuntratti ffinalizzati 29
Kuntratti fil-proċess li jiġu ffirmati 3
Konvenji fi proċess li jiġu ffirmati 3
Postijiet rifjutati 10
Konvenju Pendenti minn-naħa tal-klijent 1
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-full capacity ta' kull Day Centre għall-Anzjani f'Malta u Għawdex, lokalità b'lokalità? Jista' jgħid kemm hu n-numru ta’ anzjani li jattendu kull Day Centre u kemm hemm anzjani li qed jistennew sabiex ikunu jistgħu jattendu f'kull Day Centre?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali — impjegati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-Ministeru jew fi kwalunkwè entità li taqa’ taħt ir-responsabiltà tiegħu (segretarjat, dipartimenti, kumitati, kunsilli, aġenziji, kummissjonijiet, awtoritajiet eċċ.) għandux impjegati fi kwalunkwè kapaċità u jaħdmu jew fuq bażi full-time jew part-time jew li qed jirċievu xi forma ta’ ħlas minn fondi pubbliċi, persuni li sa Marzu 2013 kienu impjegati mal-Partit Laburista u b’mod speċifiku mar-radju u t-televiżjoni tiegħu? Jekk fl-affermattiv, jista’ jipprovdi lista ta’ dawn il-persuni kif ukoll il-pakkett finanzjarju inkluż il-benefiċċji li qed jirċievu?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din it-tip ta’ informazzjoni m’hijiex disponibbli fid-Dipartiment tar-Riżorsi Umani tal-Ministeru u l-entitajiet u jew dipartimenti li jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Ministeru tiegħi. Fejn kienu jaħdmu l-impjegati kollha tal-Ministeru jew tad-Dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħtu jew x’kulur politiku għandhom mhux ta’ interess għal dan il-Gvern. Li jinteressah lil dan il-Gvern huwa il-kapaċitajiet li għandhom.
Residenza San Vinċenz de Paul — struzzjonijiet lill-ħaddiema
Question
Jista' l-Ministru jikkonferma li t-tmexxija tar-Residenza San Vinċenz de Paul qed tagħti struzzjonijiet lill-ħaddiema biex jorbtu lill-pazjenti għaliex il-Gvern qed iħoss li qed tiġi spiża kbira biex ikompli jħalli lill-ħaddiema biex jagħmlu constant watches? Jista' jgħid jekk iħossx li l-irbit ta' pazjenti b'dan il-mod imurx kontra d-dinjità tal-bniedem? Jista' jgħid jekk din tmurx kontra direttivi jew prassi li kienu jintużaw fil-passat?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, qiegħed jintuża harness fuq struzzjonijiet mogħtija mit-tim multidixxiplinarju, kompost minn tobba, paramediċi u infermiera li jagħmlu evalwazzjoni tal-pazjenti ġewwa r-Residenza. Mill-evalwazzjonijiet ta’ dan it-tim, ikun deċiż, skont il-kas, li f’tali ċirkustanzi, jkun aħjar li l-pazjenti jintużalhom harness għal protezzjoni tal-istess residenti. Bl-ebda mod l-użu tal-harness qiegħed jiġi utilizzat biex wieħed jifranka l-ispejjeż tal-ħaddiema li jservu bħala constant watch għal anzjani ġewwa r-Residenza.
Pazjenti li għandhom problema bil-bilanċ u huma f’riskju li jaqgħu mis-sodda jew minn armchairs ikolhom bżonn ta’ harness.