Università ta’ Malta — Kors ta’ Masters of Arts in Mediation
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm studenti fl-Università ta’ Malta li qed jattendu preżentement għall-Kors ta’ Masters of Arts in Mediation (medjazzjoni) u kemm minnhom fil-grad ta’ Masters?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li preżentement hemm sitt studenti li qegħdin jattendu għall-Kors ta’ Master of Arts in Mediation fl-Università ta’ Malta.
Dipartiment tal-Edukazzjoni – servizzi għat-tfal bl-ADHD
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’servizzi jiġu offruti min-naħa tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni sabiex jiġu megħjuna tfal bl-attention deficit and hyperactivity disorder?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li studenti li għandhom Attention Deficit and Hyperactivity Disorder jingħataw is-servizz ta’ psikologu (permezz tal-iSchool Psychological Services), kif ukoll is-servizz ta’ counselling u guidance, fejn ikun hemm il-bżonn. Dawn l-istudenti għandhom ukoll is-support tal-Learning Support Assistant (LSA) skont il-gravità tal-każ.
Dipartiment tal-Edukazzjoni – servizzi għat-tfal bid-dyslexia
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’servizzi jiġu offruti min-naħa tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni sabiex jiġu megħjuna tfal bid-dyslexia?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizzi li jingħataw lil tfal bid-dyslexia fid-Dipartiment tal-Edukazzjoni huma dawn li ġejjin:
· Assessjar ta’ dawk l-istudenti li ġew riferuti mill-ġenituri jew mill-għalliema tagħhom.
· Korsijiet għall-ġenituri biex jifhmu d-
dyslexia
u l-bżonnijiet varji tat-tfal.
· Korsijiet għall-għalliema biex ikunu aktar imħarrġa dwar il-bżonnijiet ta’ min hu
dyslexic
u kif jistgħu jgħinu t-tfal b’din il-kundizzjoni.
· Korsijiet għall-ġenituri biex ukoll jgħinu biex jissapportjaw aħjar l-iżvilupp tal-qari u kitba d-dar.
· Żvilupp professjonali fl-iskejjel biex tinħoloq aktar kuxjenza u għarfien fuq il-kundizzjoni tad-
dyslexia
u fuq dak li jista’ jitwettaq fil-prattika fil-klassijiet.
· Tagħrif u sapport lill-kapijiet tal-iskejjel biex l-iskejjel isiru aktar
dyslexia-friendly.
· Laqgħat għall-ġenituri.
· Librerija fejn jinsabu kotba li huma magħżula speċifikament għat-tfal li jbatu minn din il-kundizzjoni.
· Korsijiet għall-istudenti tas-sekondarja fuq kif jistgħu jistudjaw aħjar.
Dipartiment tal-Edukazzjoni – servizzi għat-tfal b’autistic spectrum disorder
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’servizzi jiġu offruti min-naħa tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni sabiex jiġu megħjuna tfal bl-autistic spectrum disorder?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li studenti bil-kundizzjoni tal-awtiżmu (Autistic Spectrum Disorder) minn età bikrija jingħataw is-support ta’ Resource Worker jew ta’ Early Intervention. Dawn jagħtu s-support tagħhom fid-djar jew fiċ-Child Care Centres. Wara s-snin bikrin jibda s-servizz mal-Autism Spectrum Disorder Support Team, li jibqa’ jaħdem ma’ dawn l-istudenti sal-edukazzjoni sekondarja. Dan it-tim jiżviluppa strateġiji ta’ tagħlim mal-għalliema tal-klassi, mal-LSAs u mas-Senior Management Team tal-iskejjel. Dawn l-istudenti jkollhom ukoll is-support tal-Learning Support Assistant, kif ukoll jiġu rreferuti għall-iSTEP Programme tal-Inspire.
MCST – Chairman u Kap Eżekuttiv – remunerazzjoni u perkaċċi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’remunerazzjoni, inklużi l-perkaċċi kollha, għandha l-persuna li tokkupa l-kariga ta’ Chairman u Kap Eżekuttiv tal-MCST? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt għar-rigward tal-istess persuna? Jista’ jinforma lill-Kamra jekk kienx hemm sejħa għall-kariga li tokkupa din il-persuna?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-remunerazzjoni u l-perkaċċi tal-persuna li tokkupa l-kariga ta’ Chairman u Kap Eżekuttiv tal-MCST huma kif ġej:
· Salarju annwali - €33,853
·
Performance Bonus
sa 10% tas-Salarju annwali
·
Expense Allowance
annwali - €2,096
·
Market Correctivity Allowance
ta’ €11,647
·
Allowance
tal-karozza ta’ €4,193
·
Fuel
għall-karozza sa 150 litru kull xahar.
· Użu ta’
Internet
u
mobile phone.
Ma kienx hemm sejħa pubblika għal din il-kariga imma sar kuntratt b’direct appointment fuq bażi ta' position of trust.
Jekk l-Onor. Interpellant jixtieq jara b'mod kunfidenzjali kopja tal-kuntratt tal-persuna li tokkupa din il-kariga, nistiednu jikkuntattjani sabiex isiru l-arranġamenti meħtieġa.
MCAST – Prinċipal/Kap Eżekuttiv – remunerazzjoni u perkaċċi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’remunerazzjoni, inklużi l-perkaċċi kollha, għandha l-persuna li tokkupa l-kariga ta’ Prinċipal/Kap Eżekuttiv tal-MCAST? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt għar-rigward tal-istess persuna? Jista’ jinforma lill-Kamra jekk kienx hemm sejħa għall-kariga li tokkupa din il-persuna?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-remunerazzjoni u l-perkaċċi tal-persuna li tokkupa l-kariga ta’ Prinċipal/Kap Eżekuttiv tal-MCAST huma kif ġej:
· Salarju annwali - €55,000
· Użu ta’ karozza ġdida u
fuel
sa 150 litru kull xahar.
· Expense Allowance ta’ €2096.44
· Telefon (landline) tad-dar imħallas
· Użu ta’ internet sa €14.00 kull xahar
· Użu ta’ mobajl sa €815 fis-sena
Ma kienx hemm sejħa pubblika għal din il-kariga imma l-persuna ġiet avviċinata sabiex tokkupa din il-kariga, u peress li diġa` kienet impjegat fis-servizzz Pubbliku, ġiet detailed bl-approvazzjoni tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Jekk l-Onor. Interpellant jixtieq jara b'mod kunfidenzjali kopja tal-kuntratt tal-persuna li tokkupa din il-kariga, nistiednu jikkuntattjani sabiex isiru l-arranġamenti meħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li ġew impjegati, minn Marzu 2013, f'Għawdex taħt xi Skema tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ? Jista' jgħid kemm minnhom għadhom jaħdmu mal-istess employer li kienu tqabbdu jaħdmu miegħu? Jista' jgħid:
(a) kemm minn dawn qed jaħdmu ma'
employer
ieħor;
(b) kemm minnhom spiċċaw bla xogħol; u
(c) kemm minnhom qed jirreġistraw għax-xogħol?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi kemm ġew impjegati persuni f'Għawdex taħt xi Skema tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ minn Marzu 2013 sal-lum flimkien mat-tagħrif l-ieħor mitlub mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid, xahar b'xahar, kemm kien hemm persuni jaħdmu f'Għawdex bejn l-aħħar ta' Mejju 2014 sa Mejju 2015 fuq bażi full-time; part-time bħala x-xogħol ewlieni tagħhom u part-time bħala x-xogħol sekondarju tagħhom:
(a) fil-lukandi; u
(b) fir-ristoranti?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli bit-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant għall-perjodu bejn l-aħħar ta' Mejju 2014 sal-aħħar ta' Diċembru 2014 li hija l-aħħar figura ppubblikata.
Jista’ l-Ministru jgħid x’remunerazzjoni, inklużi l-perkaċċi kollha, għandha l-persuna li tokkupa l-kariga ta' Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt għar-rigward tal-istess persuna? Jista’ jinforma lill-Kamra jekk kienx hemm sejħa għall-kariga li tokkupa din il-persuna?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-remunerazzjoni u l-perkaċċi tal-persuna li tokkupa l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ huma kif ġej:
· Salarju annwali - €46,000
·
Performance Bonus
sa 15% tas-Salarju annwali
·
Expense Allowance
annwali - €3,000
· Allowance għat-telefon tad-dar ta’ €1,440 fis-sena.
· Servizz u użu ta’
Internet
u ‘Smartphone’.
·
Disturbance Allowance
sa 5% tas-Salarju annwali.
·
Personal Foreign Health Insurance Cover 24/7.
·
Fully-expensed car 24/7
.
Ma kienx hemm sejħa pubblika għal din il-kariga imma sar kuntratt b’direct appointment fuq bazi ta' position of trust.
Jekk l-Onor. Interpellant jixtieq jara b'mod kunfidenzjali kopja tal-kuntratt tal-persuna li tokkupa din il-kariga, nistiednu jikkuntattjani sabiex isiru l-arranġamenti meħtieġa.
Direttorat għat-Tagħlim tul il-Ħajja – ċertifikati retroattivi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni għalfejn mhux qed jinħarġu ċertifikati retroattivi fejn meħtieġ mid-Direttorat għat-Tagħlim tul il-Ħajja wara assessjar formali li sar suġġett għar-regolamenti tal-Malta MQF? Jista’ jindika jekk hemmx ilmenti jew każijiet f’dan is-sens in kwantu ta’ stennija għal ċertifikati formali wara tkomplija ta’ korsijiet? Jekk dan huwa l-każ, jista’ l-Ministru jgħid għalfejn mhux qed jinħarġu dawn iċ-ċertifikati?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li rigward din il-kwistjoni hemm ilment wieħed biss dwar suġġett li kien ġie provdut mid-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja u Studenti li jħallu l-iskola kmieni.
Fis-sena tat-tagħlim 2011-2012 id-Direttorat kien fi ħsiebu joffri kors imsejjaħ Bavarian Monastery Work fil-livell MQF1. Madankollu wara li beda l-kors u bdiet ukoll timtela l-applikazzjoni għall-akkreditazzjoni ta’ dan il-kors biex tingħadda lill-NCFHE, id-Direttorat ingħata parir espert li s-suġġett Bavarian Monastery mhuwiex sostanzjalment differenti mis-suġġett imsejjaħ Monastery Works u li għalih ukoll kien inbeda l-proċess tal-akkreditazzjoni. Għaldaqstant il-proċess għall-akkreditazzjoni tas-suġġett Bavarian Monastery Work twaqqaf filwaqt li l-proċess għall-akkreditazzjoni tas-suġġett Monastery Works tkompla u sal-aħħar tas-sena tat-tagħlim imsemmija, l-NCFHE approvat is-suġġett Monastery Works bħala suġġett akkreditat fil-livell MQF1. Dawk l-istudenti li kienu għamlu l-assessment tal-kors Monastery Works kif ukoll dawk l-istudenti li oriġinarjament kienu applikaw għas-suġġett Bavarian Monastery Work u li għamlu x-xogħol kif meħtieġ fl-assessment ingħataw ċertifikat akkreditat li jiddikjara li dawn l-istudenti attendew b’suċċess kors fil-Monastery Works fil-livell MQF1. Mis-sena ta’ wara ’l quddiem is-suġġett Bavarian Monastery Work ma baqax jitniżżel fil-prospett tal-korsijiet offruti mid-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja u Studenti li jħallu l-iskola kmieni imma baqa’ jiġi offrut biss il-kors Monastery Works.
Id-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja u Studenti li jħallu l-iskola kmieni ma jistax joħroġ ċertifikati retroattivi fil-livell MQF1 għall-Bavarian Monstery Works għax dan is-suġġett qatt ma ġie akkreditat u lanqas ma kienet teżisti l-bażi għall-akkreditazzjoni tiegħu.
Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ – persuni li waqfu jirreġistraw għax-xogħol
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni waqfu jirreġistraw mill-ewwel parti tar-reġistru għax-xogħol mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ tul is-sena li għaddiet? Kemm persuni ġew maqtugħa fl-istess perjodu u kemm irtiraw?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat mill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ li fl-2014, 518-il persuna ġew maqtugħa (strike offs) u 40 persuna waqfu jirreġistraw mill-ewwel parti tar-reġistru għax irtiraw. Infurmat ukoll li dawn jagħmlu parti minn flow ta' 19,100 persuna li ma baqgħux jirreġistraw għal raġunijiet varji. Fil-fatt, fl-2014 kien hemm 18,033 persuna li bdew jirreġistraw fuq l-ewwel parti tar-reġistru.
Billi qed jirriżulta li f'dawn il-jiem kien hemm siringi qrib l-iskola primarja ta' San Pawl il-Baħar, liema sitwazzjoni, naturalment tista' tikkawża problemi għat-tfal li jattendu l-iskola primajra, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex jitwaħħlu xi floodlights u possibilment cameras tas-sigurtà biex wieħed jipprova jnaqqas l-abbuż li jkun qed isir?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li ma wasal ebda lment f'dan ir-rigward lid-dipartimenti fid-dekasteru tiegħi. Peress li t-talba li qed issir hija ta’ natura li tirrigwardja l-ħarsien pubbliku, din il-mistoqsija għandha tiġi indirizzata lid-dipartiment responsabbli mill-Kunsilli Lokali. Għaldaqstant, nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm, preżentament, hemm ħaddiema jaħdmu full-time fis-settur tas-servizzi diretti ta' intermedjazzjoni finanzjarja f'Għawdex? Kemm minnhom huma fis-settur pubbliku u kemm minnhom huma self-employed?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat mill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ li fl-aħħar ta’ Diċembru 2014, kien hemm 309 ħaddiema jaħdmu full-time fis-settur tal-Finanzi f'Għawdex li jinkludi s-servizzi diretti ta' intermedjazzjoni finanzjarja. Erbgħa (4) minnhom huma self employed. Fis-settur pubbliku m’hemmx ħaddiema jaħdmu full-time fis-settur tas-servizzi diretti ta' intermedjazzjoni finanzjarja f'Għawdex.
Jista’ l-Ministru jgħid kif l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, qed ikun f’banka tal-lottu meta dan suppost ikun xogħol fl-Università ta’ Malta?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-individwu indikat mill-Onor. Interpellant huwa laboratory assistant fid-Dipartiment tal-Farmaċija fi ħdan il-Fakultà tal-Mediċina u Kirurġija ġewwa l-Università ta’ Malta.
Infurmat li l-allegazzjoni li dan l-individwu jkun ġo banka tal-lottu waqt il-ħin li suppost ikun xogħol ġewwa l-Università ta’ Malta ser tiġi investigata u jekk ikun hemm il-bżonn jittieħdu passi dixxiplinarji skont dak li jirriżulta mill-istħarriġ.
Jista’ l-Ministru jipprovdi informazzjoni preċiża dwar l-appointment tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament fl-Università? Jista’ jgħid x’inhu l-appointment tagħha? Jista’ jgħid kemm hu mistenni li taħdem f’sigħat ta’ kuntatt dirett mal-istudenti f’tagħlim? Kemm hu mistenni li tiddedika ħin għal riċerka? F’liema ġranet u ħinijiet qed tipprovdi t-tagħlim lill-istudenti u tagħmel ir-riċerka tagħha?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li l-persuna indikata mill-Onor. Interpellant hija għalliema fi grad ta’ lettriċi fid-Dipartiment tad-Dritt Pubbliku fi ħdan il-Fakultà tal-Liġi. Bħala lettriċi TR4, huwa meħtieġ illi tagħti erba’ sessjonijiet ta’ erba’ sigħat fil-ġimgħa. Dan in-numru ta’ sigħat jinkludi tagħlim, riċerka, u xogħol akkademiku ieħor li jinkludi dak amministrattiv u xogħol professjonali.
Fis-sena akkademika 2014/2015, minbarra x-xogħol ta’ riċerka u amministrazzjoni, il-persuna indikata għandha lecturing load ta’ 98 siegħa u hija s-supervisor ta’ żewġ studenti fil-livell ta’ Masters.
Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ – Work Programmes
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-work programmes li qed jiġu offruti lill-persuni li jirreġistraw mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ humiex kollha ffinalizzati? Jista’ jippreżenta kopja tal-kontenut tal-work programmes iffinalizzati?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fid-diskors tal-baġit għas-sena 2015, il-Gvern ħabbar li se jniedi Work Programme biex jgħin lil persuni li ilhom bla xogħol fit-tul jew inattivi biex jidħlu lura fid-dinja tax-xogħol. Infurmat li saru l-preparamenti meħtieġa biex din l-inizjattiva titnieda fil-ġimgħat li ġejjin. Il-programm ta’ kull individwu ser jiġi deċiż mill-operatur privat wara li jsir il-profil meħtieġ flimkien mal-klijent.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk kull min jiffirma sabiex jibqa’ fuq ir-reġistru għall-impjieg, huwiex qed jingħata kopja tal-programm li jkun qed jiffirma għalih?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li hija prassi tal-Korporazjoni għax-Xogħol u Taħriġ li kull darba li tirrikjedi li klijent jiffirma xi karta, dan jingħata kopja ta’ dak li jkun iffirma għalih.
Xogħlijiet ta’ Edukazzjoni u Impjieg — outsourcing
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xogħol ta’ edukazzjoni u impjiegi li qed jiġi outsourced mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ, l-MCAST u l-Università ta’ Malta għall-privat fl-isforzi tal-Gvern sabiex jonqsu n-nies jirreġistraw? Jekk iva, liema xogħol ġie outsourced, għal liema raġuni ġie outsourced? Għal liema kundizzjonijiet kuntrattwali ġie outsourced?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat mit-tliet entitajiet indikati mill-Onor. Interpellant li ma hemmx xogħol ta’ edukazzjoni u impjiegi li ġie outsourced għall-privat għalkemm infurmat li l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ ippubblikat tender permezz tad-Dipartiment tal-Kuntratti bl-isem “Framework Agreement for the Provision of Profiling, Placement and Training for the Implementation of the Work Programme Initiative”. Dan it-tender għadu qed jiġi evalwat.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra s-sillabu għal-lezzjonijiet ta’ monastery li jingħataw f’livelli VET 1 u 2 jekk qed jiġi mgħallem?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra s-sillabu segwit fil-korsijiet Monastery Works MQF1 (kors akkreditat) u Monastery Works Level 2 (kors mhux akkreditat).
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra s-sillabu għal-lezzjonijiet ta’ Bavarian Monastery VET Level 1 jew qed jiġi mgħallem?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li s-suġġett Bavarian Monastery mhuwiex wieħed mill-korsijiet provduti mid-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja u Studenti li jħallu l-iskola kmieni.