Peress li minkejja l-240,000 bidwi ilhom is-snin jgawdu minn benefiċċji għall-iżvilupp u modernizzazzjoni u sussidji tal-CAP xorta fallew matul l-1997 u l-1998, jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern Malti nvestigax dan il-falliment u kif il-Gvern qed jagħti garanziji li dan l-impatt mhux se jesperjenzawha l-bdiewa Maltin u Għawdxin bl-isħubija ta' Malta fl-UE?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma l-Onor. Interpellant li mhux fl-UE biss jonqsu l-bdiewa - per eżempju fl-Awstralja bejn l-1986 u l-1991 il-bdiewa naqqsu b'12.2% u fin-Norveġja (li ma daħlitx fl-Unjoni Ewropeja) bejn l-1986 u l-1990 il-bdiewa naqqsu bi 15% u bejn l-1990 u l-1993 reġgħu naqqsu b'7.2% oħra.
Minkejja dan il-fatt fit-tnaqqis tan-numru tal-bdiewa, il-produzzjoni agrikola kibret gradwalment fl-istess perjodu. L-Onor. Interpellant għandu jiftakar li l-għan tal-CAP huwa l-provvista ta' prodotti bnini bi prezzijiet adekwati f'BILANĊ ma qliegħ xieraq u ġust għall-bdiewa u r-raħħala, u dan b'mod li jħalli mpatt pożittiv fuq l-ambjent.
Fl-aħħarnett, ta' min jenfasizza li l-CAP ma tfisser xejn ħlief politika ta' solidarjeta bejn il-bdiewa u r-raħħala li jgħixu fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropeja.
Jista' l-Ministru jgħid kemm se jmisshom ir-raħħala Maltin u Għawdxin mit-Lm3 miljun li l-UE se tipprovdi lil Malta bħala għajnuna għall-allinejament li pajjiżna jrid jagħmel sabiex ikun konformi mar-regoli ta' l-Unjoni Ewropea?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-Għajnuna pprovduta mill-Unjoni Ewropeja sejra tintuża sabiex jiġu mwaqqfa l-istrutturi neċessarji biex iktar il-quddiem il-bdiewa u r-raħħala Maltin u Għawdxin ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-iskemi ta' għajnuna pprovduta mill-Unjoni Ewropeja bħal ma huma id-"direct payment schemes" u l-"less favoured areas".
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' eżenzjonijiet li saru fuq l-importazzjoni tal-patata ta' l-ikel matul l-1999 u fl-ewwel xhur ta' Jannar, Frar u Marzu tas-sena 2000?
Response (ZAMMIT, NINU)
Minkejja li l-eżenzjonijiet mill-ħlas tal-levy jiġu ppublikati regolarment fil-Gazzetta tal-Gvern, xorta ser nagħti l-informazzjoni lill-Onor. Interpellant.
Fl-1999 ħarġu 5 eżenzjonijiet mill-ħlas tal-levy fuq patata mportata. Dawn kienu jikkonsistu minn :
42 tunnellata għall-produzzjoni tal-crisps.
112 tunnellata għall-produzzjoni tac-chips.
25 tunnellata għall-isptarijiet u stituzzjonijiet tal-Gvern.
F'Jannar u Frar ta' din is-sena ħarġu 4 eżenzjonijiet mill-ħlas tal-levy. Dawn kienu jikkonsistu minn :
104 tunnellata għall-isptarijiet u stituzzjonijiet tal-Gvern.
26 tunnellata għall-produzzjoni tal-crisps.
F'Marzu, 2000 ma ħarġet ebda eżenzjoni mill-ħlas tal-levy fuq importazzjoni tal-patata.
L-eżenzjonijiet ħarġu minħabba n-nuqqas ta' patata w l-prezzijiet għoljien fis-suq lokali.
Ingħatat kunsiderazzjoni wkoll fil-każ ta' l-isptarijiet, li jekk ma jkunx hemm patata friska provduta lilhom, il-pazjenti jingħataw patata tat-trab miżjuda bl-ilma. Għaldaqstant jien ħadt il-parir ta' l-uffiċjali kompetenti fid-Dipartiment ta' l-Agrikoltura, u fl-aħjar interessi ta' dawn il-pazjenti u b'assigurazzjoni li ma hu ser isir l-ebda mpatt negattiv fuq il-bdiewa, rrakomandajt it-tneħħija tal-levy.
Peress li l-Ministru fil-Parlament nhar it-Tnejn 27 ta' Marzu qal li l-amministrazzjoni preċedenti tat lil min deherilha eżenzjoni fuq il-patata ta' l-ikel importata, jikkonferma l-Ministru li l-kumpannija li ġiet eżentata mhix protetta bil-levy ta' protezzjoni fuq l-istess prodott impurtat?
Jikkonferma li l-prodotti l-oħra bħal crisps, eċċ, huma protetti bil-levy?
Jikkonferma li l-eżenzjoni li ngħatat il-kumpannija taħt l-amministrazzjoni preċedenti kienet għall-VAT li l-ħxejjex kienu għoljin minħabba l-maltemp tant li fil-fatt kienu ġew eżentati prodotti oħra bħal kaboċċi u pastard fl-istess sena?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ma nistgħax nikkonferma l-ewwel parti tal-mistoqsija GħAX il-patata chips għall-"catering" hija suġġetta għal levy ta' 25c per kg.
Rigwardl-aħħar parti tal-mistoqsija, l-Onor. interpellant jaf li l-patata u l-ħxejjex mhux suġġetti għall-VAT. Barra minnhekk din is-sena wkoll il-prezz tal-patata kien għoli minnħabba l-maltemp.
Fisheries monitoring centre — Koperattivi/sajjieda
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru laqgħat mal-koperattivi u mas-sajjieda dwar it-twaqqif tal-fisheries monitoring centre matul l-1999? Meta saru, fejn u x'osservazzjonijiet tressqu mill-koperattivi tas-sajjieda Maltin u Għawdxin?
Response (ZAMMIT, NINU)
Kif diġa nfurmajt lill-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt fil-Mistoqsija Parlamentari numru 15055, il-'Fisheries Monitoring Centre' ma hu xejn għajr upgrading tad-ipartiment tas-Sajd u Akwakultura f'dan il-qasam.
Laqgħat isiru regolari mal-'Fisheries Advisory Board' fejn kif naħseb taf inti, l-koperattivi kif ukoll is-sajjieda huma rappreżentati.
Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellant li matul l-1999 il-bord iltaqa' sitt darbiet.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-varjetajiet ta' ħxejjex li bdew jiġu esperimentati fuq bażi ta' produzzjoni agrikola organika f'Jannar u Frar u fl-ewwel 20 jum ta' Marzu ta' din is-sena? X'inhu l-pjan dwar dawn il-provi u meta huwa maħsub li jkunu lesti dawn il-provi?
Response (ZAMMIT, NINU)
M'għandi xejn xi nżid mar-risposta li tajt fil-mistoqsija parlamentari numru 14941.
Jista' l-Ministru jgħid fuq liema setturi tal-biedja mistennija jintalbu derogi sabiex ma jkunux żvantaġġjati l-bdiewa/raħħala/produtturi Maltin u Għawdxin?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-rispost għall-Mistoqsija Parlamentari numru 14221.
Jista' l-Ministru jaġġornana dwar mistoqsija parlamentari numru 11652? Jista' jinfurmana kemm kienu l-integrated tariffs of the EC (TARIC) għall-pajjiżi membri matul l-1999 fuq il-laħam aħmar, zokkor, butir, ġobon u ġwież, impurtat mill-pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea?
Response (ZAMMIT, NINU)
M'għandi xejn xi nżid mar-risposta li tajt fil-Mistoqsija Parlamentari numru 11652.
Jista' l-Ministru jgħid meta saru l-aħħar testijiet tad-demm fuq il-bhejjem li jipproduċu l-ħalib bħal nagħaġ, baqar u mogħoż fil-Mosta?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-irziezet kollha li jrabbu l-bhejjem tal-ħalib isirilhom testijiet tad-demm kull sitt xhur. L-aħħar li sar dan l-eżerċizju fuq razzett fil-Mosta kien fid-29 ta' Frar 2000.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tħarrġu ħaddiema, tekniċi u uffiċjali fuq produzzjoni agrikola organika fil-farm esperimentali ta' l-Għammieri matul l-1999? Fuq liema varjetajiet tħarrġu u x'metodi applikaw?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat li, matul l-1999 ma tħarrġu ebda ħaddiema, tekniċi u uffiċjali fuq produzzjoni agrikola organika fil-farm esperimentali ta' l-Għammieri, u lanqas sar tkabbir ta' uċuħ organiċi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru provi fuq produzzjoni agrikola organika fil-farm esperimentali tal-gvern matul l-1999? X'kienu r-riżultati u f'liema laboratorji ġew analizzati dawn il-varjetajiet sabiex ikun stabilit il-livel organiku?
Response (ZAMMIT, NINU)
M'għandi xejn xi nżid mar-risposta li tajt fil-mistoqsija parlamentari numru 14941.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru testijiet fuq il-varjetajiet konvenzjonali li ġew experimentati fil-farm ta' l-Għammieri sabiex ikun stabilit il-livell ta' l-MRLs fuq il-prodott matul l-1999? X'kienu r-riżultati u x'rakmandazzjonijiet saru lill-bdiewa Maltin u Għawdxin?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat li ma saru l-ebda testijiet fuq il-varjetajiet konvenzjonali li ġew esperimentati fil-qasam ta' l-Għammieri sabiex ikun stabbilit il-livell ta' MRLs fuq il-prodott matul l-1999. Nirreferi wkoll lill-Onor. Interpellant għar-risposta li ngħatat bħala tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 14940.
Jista' l-Ministru jgħid kemm se jiswa lill-poplu l-fisheries monitoring centre ġdid li se jwaqqaf il-Gvern Malti sabiex jirranġa u jikkontrolla s-sajd f'Malta? X'tip ta' struttura se jkollu u kemm se jimpjega nies? Kemm se tagħti għajnuna finanzjarja l-Unjoni Ewropea sabiex il-gvern jaġġorna ma' din is-sistema li trid l-Unjoni Ewropea f'pajjiżna?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-'Fish Monitoring Centre' ma huwa xejn għajr id-Dipartiment tas-Sajd u Akwakultura, li fil-futur qed jiġi ppjanat li jerġa jkun bil-kompliment sħiħ tiegħu.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 15104?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat illi l-Ministeru tiegħi joħroġ liċenzji biss għall-irziezet li jrabbu l-majjali. Minn dawn hemm kif gej -
Malta 165
Għawdex 18
Pero nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-Dipartiment tas-Servizzi Veterinarji għandu irreġistrati miegħu irziezet li huma lliċenzjati minn entitajiet oħra. Dawn huma mqassma hekk:
Irziezet tal-baqar li jipproduċu l-ħalib għall-MDP:
Malta 119
Għawdex 56
Irziezet tat-tjur:
Malta 344
Għawdex 97
Irzieze t ta' bhejjem oħra:
Malta u Għawdex 1341 (Ma dawn wieħed irid iżid 554 razzett li huma rreġistrati pero li bħalissa m'għandhomx bhejjem.
Dawn l-irziezet huma mifruxa ma Malta u Għawdex kollha.
Jista' l-Ministru jkompli jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 14617 għall-perijodu tas-snin 1996, 1997, 1998 u 1999?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat li l-qatla tal-majjal (f'karkassi) għall-Malta u Għawdex f'Jannar u Frar tas-snin imsemmija hija kif indikat hawn taħt :
1996 1997 1998 1999
Jannar 9,1 37 11,340 10,345 10,034
Frar 9,099 10,079 9,586 9,823
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' bdiewa f'Malta li japplikaw is-sistema ta' l-integrated pest management f'Għawdex?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat li fis-sezzjoni ta' l-Agrikoltura, Għawdex ma tinżammx statistika tan-numru ta' bdiewa Għawdxin li japplikaw is-sistema ta' l-Integrated Pest Management.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' bdiewa f'Malta li japplikaw is-sistema ta' l-integrated pest management f'Malta?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat li bħalissa hawn seba' bdiewa magħrufa mid-Dipartiment li qegħdin jużaw insetti għall-kontroll bioloġiku ta' mard u li l-Ministeru qiegħed joffri li jissussidja din l-ispiża.