Jista' il-Ministru jgħid meta huwa maħsub li l-prezz taċ-ċanga jerġa' jitla' għal medja ta' Lm80.00-il qantar għall-baqra u Lm125 għal-laħam ta' l-għoġol?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Kif diġa' infurmajt lill-Onor. Interpellant, il-Gvern Malti qed iżid ammont ta' għajnuna mill-iStat mas-Slaughter u l-Beef Special Premium.
Il-Gvern Malti qed jagħti għajnuna mill-iStat skond il-ftehim ta' Copenhagen ma' dak li jingħata direttament mill-Unjoni Ewropea abbażi tal-Beef Special Premium u Slaughtering Premium. B'hekk ir-raħħala baqgħu jirċievu dak li l-istess Gvern Malti kien intoduċa permezz tad-Dairy Compensation Scheme fejn l-għajnuna tmur direttament għand ir-raħħal u mhux għand il-biċċier (distributur).
Il-perċentwali ta’ l-għajnuna għas-sena 2004 kienu 25% mill-Unjoni Ewropea, 75% mill-Gvern Malti.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 11280, jista' il-Ministru jinformana liema kienu l-linja tal-qatla li swew Lm171,069 (2002) u Lm126,178 (2003)? Fil-fatt dawn il-linji tal-qatla llum huma ċertifikati bħala konformi totalment mar-regoli ta' l-Unjoni Ewropea?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-ammonti ta' Lm171,069 u Lm126,178 huma ħlasijiet għall-istess linja tal-qatla skond tender Nru CT2262/2001, u li tħallsu f'żewġ installments, wieħed fit-2002 u l-ieħor fil-2003. Dan il-ħlas sar biex jintlaħaq l-upgrading meħtieġ.
Jista' il-Ministru jikkonferma kemm ilhom li tħallsu l-kontribuzzjonijiet neċessarji sabiex jiġu mogħtija l-permess tal-bini u l-permess ta' dawl u l-ilma ħalli familja tkun tista' tistabilixxi ruħha fl-area ta' Triq Giovanni Scicluna, Triq is-Settembrina, Triq l-Isparvier u Triq Patri Girgor Grima, Ħal Għaxaq?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jara li jinqata' l-ammont esaġerat ta' ħaxix ħażin li kiber fid-dawra ta' barra s-swar fi Triq San Nikola, Bormla sa Verdala?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-qlugħ ta' ħaxix ħażin li kiber fid-dawra ta' barra s-swar fi Triq San Nikola, Bormla sa Verdala jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali ta' Bormla.
Affarijiet Rurali u Ambjent — Communications co-ordinator
Question
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 12251, għaldaqstant jistgħu jitqiegħdu fuq il-mejda tal-Kamra l-kuntratti tagħhom bl-iskali li qegħdin fihom bħala konferma ta' dan?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Il-Communications Co-ordinator tiegħi jinsab fi skala 6 u l-Communications Co-ordinator tas-Segretarju Parlamentari jinsab fi skala 7.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex qed ikun hemm ħafna xogħol b'lura ta' applikazzjonijiet tat-tip "reconsiderations" fid-direttorat ta' l-ippjanar fil-MEPA? Jista' jgħid kemm hu preżentement in-numru ta' applikazzjonijiet reconsiderations li għadhom ma ġewx proċessati?
Jista' jgħid jekk dan l-ammont hux qed jiġi magħdud ma' l-ammont ta' l-applikazzjonijiet l-oħra li minn żmien għal żmien toħroġ l-awtorita'?
Jista' jgħid x'passi ħa biex inaqqas dan id-dewmien esaġerat?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Bħalissa n-numru ta’ applikazzjonijiet għar-rikonsiderazzjoni huwa ta’ 1,526, u dan in-numru ma jiġix miżjud mal-caseload li minn żmien għal żmien jinħareġ in-numru tiegħu mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA).
Tajjeb wieħed jinnota li n-numru ta’ rikonsiderazzjonijiet żdied primarjament għax fit-tibdil li sar fil-liġi ngħata lill-applikant il-possibilità li jbiddel anke l-proposta. Għaldaqstant, qed ikunu aktar dawk l-applikanti li qed jagħżlu li jmorru għal rikonsiderazzjoni minnflok direttament għall-Appell.
Passi li qed jittieħdu sabiex jitnaqqas id-dewmien ta’ l-ipproċessar tar-rikonsiderazzjonijiet huwa li ġiet miżjuda seduta oħra ma kull bord tad-Development Control Commission (DCC).
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 11809 tat-18 ta' April, 2005 jista' il-Minsitru jispjega jekk ix-xogħol taż-żabra fuq is-siġar li hemm f'Marina Str, Pieta' hux se jsir ukoll minn quddiem il-knisja tad-Duluri, quddiem il-ġnien ta' Sa Maison u tul ix-xatt tal-Pieta' kollu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nikkonferma lill-Onor. Interpellant li dan ix-xogħol sar riċentement skond il-programm taż-żabra mill-Environmental Landscaping Consortium Ltd.
Jista' il-Ministru jindaga jekk hemmx ħafna klieb jiġru fil-park nazzjonali f'Ta' Qali għaliex hemm nies li qed jibżgħu minnhom u ma jistgħux jidħlu? Jista' jindaga wkoll fuq il-livell tad-dawl pubbliku fl-area?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Il-punti mressqin mill-Onor. Interpellant kienu nnotati.
Jista' il-Ministru jinformana meta huwa maħsub li jsiru x-xogħlijiet meħtieġa sabiex id-demm tal-bhejjem li jinqatlu fil-biċċerija ma jkomplix jitwaddab fid-drenaġġ?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 3366. Eventwalment, id-demm ser jiġi dispost fl-incineratur (fixed) meta dan jitlesta.
Jista' il-Ministru jinformana meta hu maħsub li l-produzzjoni lokali tal-laħam tat-tjur tas-simna terġa' tilħaq il-livell ta' 7,000 tunnellata ta' laħam ipproċessat fis-sena?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nixtieq ninforma lill-Onor Membru li l-ammont ta' tjur li jiġu maqtula jvarja skond żviluppi fis-suq, u jiddependi minn deċiżjonijiet ta’ operaturi privati.
Jista' il-Ministru jgħid meta se jitlesta x-xogħol biex il-linja taċ-ċanga fil-biċċerija tal-Marsa tkun konformi mar-regoli ta' l-Unjoni Ewropea? X'xogħlijiet jonqos isiru għal dan il-għan?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 12026.
Fid-dawl ta' l-artiklu li deher dan l-aħħar fl-istampa lokali taħt it-titlu "Tower cranes trespassing over private property", jista' il-Ministru jgħid x'passi beħsiebha tieħu l-MEPA dwar dan?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-permessi li jinħarġu mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) jipproteġu d-drittijiet ta' terzi persuni (saving third party rights). F'każijiet bħal dawn li jitrattaw krejnijiet li jgħaddu minn fuq l-arja ta' terzi persuni, il-MEPA ma tidħolx għaliex din hija kwistjoni legali bejn terzi.
Jista' il-Ministru jgħid kif żviluppatur privat li qiegħed jiżviluppa art li tagħti minn Triq Amleto Spiteri għal Triq San Franġisk, Ħal Qormi se jiżviluppa biċċa art li sal-lum tagħmel parti mit-triq u allura meqjusa bħala proprjeta' pubblika? Dan skond Notice PL0015/15. Peress li din it-triq hija viċin il-wied u kemm-il darba sofriet minn problemi ta' l-għargħar, peress li l-problemi ta' l-ilma ta' l-għargħar jiżdied jekk tidjieq it-triq; peress li din it-triq tagħmel parti mill-village core; u peress li biex iseħħ dan l-iżvilupp twaqqa' bieb li kellu valur arkitettoniku, jista' il-Ministru jassigura li l-MEPA tieħu inkonsiderazzjoni il-petizzjoni li qed tintbagħat separatament, tar-residenti ta' Triq San Franġisk li qed joġġezzjonaw għal din il-parti ta' l-iżvilupp?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Kif jaf l-Onor. Membru, il-Gvern ma għandux jedd jindaħal fuq applikazzjonijiet lill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA), u għalhekk m’inhix f’posizzjoni nagħti assigurazzjonijiet. Nitolbok tgħaddi l-petizzjoni direttament liċ-Chairman ta’ din l-Awtorità.
Jista' il-Ministru jinformana liema huma x-xogħlijiet li jonqos isiru biex il-linja tal-qatla taċ-ċanga fil-biċċerija tkun konformi mar-regoli/standards ta' l-Unjoni Ewropea?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-Biċċerija ingħatat numru ta’ approvazzjoni M001 fl-aħħar tas-sena 2004. Dan ma jfissirx li minn żmien għal żmien, u skond l-esiġenzi tar-regoli ta’ l-Unjoni Ewropea, ma jibqax isir xogħol fuq manutenzjoni u upgrading tal-linja taċ-ċanga.
Jista' il-Ministru jinformana jekk investigax x'ikkawża l-għoli tal-prezzijiet tal-mediċini tat-tjur u l-bhejjem matul l-aħħar għaxar xhur?
Jekk fl-affermattiv, jista' jinformana bis-sitwazzjoni? Jekk le, jista' jara li jinvestiga s-sitwazzjoni?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jagħti breakdown tal-pagamenti li l-biċċerija tal-gvern għandha tħallas fil-preżent, bħal kontijiet tad-dawl, ilma, mobile phones, ta' xogħlijiet fil-bini, testijiet tal-BSE, residwi, eċċ. diesel, makkinarju u dak kollu li jinvolvi l-operat tal-biċċerija, inkluż overtime tal-ħaddiema u/jew time-off-in-lieu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ma hijiex etika li tingħata informazzjoni dwar pagamenti li għad iridu jsiru għax numru minn dawn il-pagamenti huma dovuti lil ażjendi private li dwarhom jista’ jkun hemm kuntestazzjoni dwar xogħlijiet jew supplies.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew impjegati persuni ġodda fid-dipartimenti, aġenziji u entitajiet pubbliċi li jaqgħu taħtu tul is-sena 2004 sal-lum? Minn fejn ġew impjegati, x'kien il-grad u kif saret is-sejħa għall-impjieg?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Fost dawn l-impiegi hemm uħud li qed jissostitwixxu impjegati li spiċċaw mis-servizz pubbliku.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-ministeru tiegħu jew id-dipartimenti fi ħdanu kellhomx diskussjonijiet ma' l-Unjoni Ewropea dwar il-European spatial development perspective? Jista' jgħid jekk ġewx sottomessi xi proposti jew proġetti marbuta ma' dan il-pjan? Jekk iva, x'kienu jinkludu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) tipparteċipa fi tlett inizjattivi li huma relatati ma l- European Spatial Development Perspective (ESDP). Dawn huma l-European Spatial Planning Observatory Network (ESPON), L-Intermetrex u l-Polymetrex. L-ewwel inizjattiva għandha l-għan li tippromwovi koperazzjoni f'riċerka relatata mal-prinċipju ta' polycentricity filwaqt li ż-żewġ proġetti l-oħra jgħarfu l-aspetti ta' koperazzjoni bejn livelli reġjonali differenti u bejn bliet li għandhom sistemi differenti ta' ppjanar.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ilu li l-gvern preżenti ħa deċiżjoni biex l-iskart ta' kostruzzjoni ma jibqax jintrema l-Magħtab, kemm-il tunnellata ġie kalkolat li ġie ffrankat mill-Magħtab?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn meta l-Gvern ma baqax jaċċetta skart ta’ kostruzzjoni fil-Magħtab, jiġifieri mit-23 ta’ Marzu 2004, l-ammont ta' tunnellaġġ li ġie ddepożitat fis-siti tal-kuntrattur kien ta' 1,980,995.98-il tunnellata (mit-23 ta' Marzu 2004 sa April 2005).