Legislature:
Category:
Reset
Active:

Vettura tal-pulizija nvoluta f'inċident tat-traffiku

Question

Billi ġo l-Imsida qed tiġri x-xniha li karozza tal-pulizija kienet b'xi mod involuta f'inċident tat-traffiku x-xahar li għadda u wassal għal mewt tal-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk din it-teorija ġietx investigata u x'kien l-eżodu? Jista' jgħid jekk il-pulizija ratx il-video ta' CCTV tal-Bank HSBC li jinsab ftit aktar 'il fuq?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-inċident imsemmi mill-Onorevoli Interpellant seħħ qabel il-fergħa ta' l-HSBC u ma jirriżultax li kienet involuta xi karozza tal-Pulizija. Anzi għall-kuntrarju, membri tal-Korp li kienu għaddejjin bil-karozza fl-istess triq, pero' fid-direzzjoni opposta, ċioe' fil-karreggjata l-oħra, fid-direzzjoni tal-Belt, hekk kif indunaw bl-inċident daru mar-roundabout ta' Sa Maison u marru jagħtu l-assistenza lix-xufier. Infurmat ukoll illi dan l-inċident huwa wkoll suġġett ta' Inkjesta Maġisterjali u għaldaqstant nissolleċita lill-Onorevoli Interpellant sabiex kull informazzjoni li jista' għandu jressaqha quddiem il-Maġistrat Inkwirenti.

Qrati — Xufiera ta' l-imħallfin

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk id-drivers ta' l-imħallfin humiex obbligati li jwasslu parenti, ħbieb jew jaqdu l-imħallfin waqt il-ħin tax-xogħol tagħhom? Jekk le, jista' jgħid x'qed jagħmel biex dan jieqaf?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi d-doveri ta' xufier assenjat ma' membru tal-Ġudikatura huma: Li jwassal lil Ġudikant, li miegħu jew magħha huwa assenjat, mid-dar għall-Qorti u lura; Li jieħu lil Ġudikant fuq kwalunkwe xogħol tal-Qorti fejn ikun hemm il-ħtieġa; Li jsuq lil Ġudikant fil-ħin tax-xogħol, u anke wara, biex jieħdu għal xi funzjoni uffiċjali li l-Ġudikant ikun mistieden għaliha. Jekk xi xufier jagħmel xi xogħol ieħor għall-Ġudikant li miegħu hu assenjat barra dak imsemmi hawn fuq, l-Amministrazzjoni tal-Qorti ma tkunx infurmata bih peress li dan jagħmlu bona volonta' tiegħu u bi ftehim ma' dak il-Ġudikant.

San Ġwann

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'użu se jsir mill-ex-uffiċini tal-Water Services Corporation li kien hemm fuq il-ġibjun ta' San Ġwann, angolu ma' Myrtle Avenue?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-proprjeta' in kwistjoni fil-fatt hija tal-Water Services Corporation. Għalhekk l-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru ikkonċernat.

Pembroke — Parkeġġ

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-gvern hux beħsiebu jagħti konsiderazzjoni lill-petizzjoni miġbura mill-kunsill lokali ta' Pembroke kontra l-bini ta' substation fil-car park użat minn Pembroke Athleta Sports club u dan minħabba l-fatt li minbarra li se jkerrah l-ambjent ta' l-akwati se jelimina wkoll il-postijiet ta' parkeġġ li jintużaw mill-membri ta' dan il-klabb u b'hekk se tinħoloq problema ta' parkeġġ u traffiku f'dawn l-akkwati?

Response (BORG, TONIO)

Il-kunsiderazzjonijiet li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant jikkonċernaw l-ippjanar tal-iżvilupp u għalhekk jaqgħu taħt ir-responsabbilita' tal-MEPA u għalhekk nitolbu biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.

Imsida — Karozzi bla number plates

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jinvestiga ilmenti tal-ġirien li spiss qed ikun hemm karozzi bla number plates ipparkjati quddiem St Mary Flats, Triq l-Irmiġġ, Imsida?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn spezzjoni li għamlet il-Pulizija ma rriżultax li kien hemm xi karozzi mingħajr numri tar-reġistrazzjoni ipparkajti fit-triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant. Pero' kien osservat li fl-istess triq hemm biċċa art privata li fuqha kien hemm erba' vetturi li kienu mingħajr numru ta' reġistrazzjoni. Dawn ġew imneħħija mis-sid.

Ċittadinanza Maltija

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni għaċ-ċittadinanza Maltija tal-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, liema applikazzjoni saret wara Awissu ta' l-1999?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-applikazzjoni li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant għadha qed tiġi pproċessata. F'dan ir-rigward l-individwu ikkonċernat huwa mitlub li jikkontattja d-Dipartiment taċ-Ċittadinanza.

Buġibba

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara kif Triq San Antnin f'Buġibba qiegħda tingħalaq b'mod komplet mingħajr ebda aċċess għas-sidien ta' l-istess garaxxijiet u li dawn qed jiġu mġiegħla jixtru remote control mill-kunsill lokali biex ikunu jistgħu jidħlu fil-garage tagħhom? Jista' jgħid b'liema dritt legali qed isir dan kollu fi triq pubblika?

Response (BORG, TONIO)

Bħal ma jaf l-Onor. Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta u għalhekk nissuġerilu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali kkonċernat.

Każ dwar Persuna Niġerjana

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kif persuna ta' nazzjonalita' Niġerjana li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li ma jilgħabx football f'Malta imma li sempliċement jittrejnja, għadu hawn Malta u mhux skond il-permessi meħtieġa mill-awtoritajiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-persuna imsemmija qiegħda Malta u għandha visa valida. Infurmat ukoll illi r-rapport li din il-persuna tista' tkun qed taħdem illegalment qed jiġi investigat.

Każi ta' Suwiċidji

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 17019 li l-Viċi Prim Ministru ġentilment irrisponda fis-6 ta' Frar, 2006. Waqt li ngħatat tweġiba għall-ewwel u l-aħħar parti tal-mistoqsija, bi żvista l-parti tan-nofs ma ngħatatx risposta. Għaldaqstant, jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti l-istatistika uffiċjali f'dawn l-aħħar għaxar snin, sena b'sena separatament tal-kawża tal-mewt (method of suicide - e.g. hanging, firearm, fell from height, etc. ) f'kull każ individwali, inkluż is-sess u l-eta' tal-vittmi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Statistika dwar persuni li tilfu ħajjithom

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 17020 li l-Viċi Prim Ministru ġentilment irrisponda fit-2 ta' Frar, 2006, jista' jikkjarifika b'mod dettaljat imwiet taħt il-heading "Inċidenti fatali oħra" f'dawn l-aħħar għaxar snin, sena b'sena separatament?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi, it-tagħrif kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant ma jinżammx taħt forma ta' statistika.

Suwiċidji

Question

Bejn l-1998 u l-2005 kien hemm 157 suwiċidju u 167 attentat ta' suwiċidju (parasuicide), jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kif din l-istatistika tipparaguna ma' ċifri ta' suwiċidji u parasuwiċidji f'pajjiżi oħra fl-Ewropa (Eurostat)?

Response (BORG, TONIO)

Nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Investigazzjonijiet tal-Pulizija

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk waqt l-investigazzjoni tal-pulizija u wara l-kumpilazzjoni tal-maġistrat jinżammx record ta' l-istat ċivili u l-impjieg jew ħidma tal-vittmi ta' dawn il-każi traġiċi? Jista' jagħti l-informazzjoni segwenti dwar dan is-suġġett għall-perijodu 1998-2005 (total biss) taħt dawn il-headings: Stat ċivili, miżżewweġ, separat, single parent, ġuvni jew xebba? Occupation, student, professjonist, direttur, maneġerjali/amminstrattivi, gradwat, white collar worker, blue collar worker, korpi dixxiplinati, self-employed, qiegħed, pensjonant, u oħrajn?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub ma jinżammx mill-Pulizija taħt forma ta' statistika. Infurmat ukoll li wara 'l-kumpilazzjoni tal-Maġistrat' ma jinżammx record ta' l-istat ċivili u l-impjieg jew ħidma tal-vittmi ta' l-ebda każ, lanqas dawk traġiċi.

Kunsilli Lokali — Ġemellaġġi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru ġemellaġġi ta' kunsilli lokali f'Malta u Għawdex u jekk fost dawn hemmx min iggwadanja minn fondi ta' l-Unjoni Ewropea?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li billi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar, tingħata tweġiba f'xi seduta oħra.

Klandestini

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' klandestini li ma rnexxilhomx jikkwalifikaw għal stat ta' refuġjat u kemm jintelqu wara li għaddilhom iż-żmien ta' detenzjoni f'dawn l-aħħar ħames snin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-total ta' persuni li l-applikazzjoni tagħhom għal status ta' refuġjat ġiet miċħuda u li ġew deteminati bħala li lanqas ma jikkwalifikaw għal status umanitarju mis-sena 2002 sa l-aħħar ta' April 2006, kien kif ġej: 2002 - 286 2003 - 187 2004 - 259 2005 - 580 2006 - 201 Total - 1,513 Ninsab infurmat ukoll illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant dwar kemm intelqu immigranti rregolari tul dawn l-aħħar ħames snin wara li għaddilhom iż-żmien ta' detenzjoni, ma jinżammx taħt forma kompjuterizzata u għaldaqstant għadu qed jinġabar.

Kolliżjonijiet tat-Traffiku

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm weġġgħu nies f'kolliżjonijiet tat-traffiku s-sena l-oħra u din is-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi, minn rapporti li saru lill-Pulizija jirriżulta li matul is-sena 2005 kien hemm 1,140 persuna li weġgħu f'inċidenti tat-traffiku filwaqt li 18 oħra tilfu ħajjithom. Infurmat ukoll illi bejn Jannar u April ta' din is-sena, ġew irrapurtati li weġgħu 323 u 3 tilfu ħajjithom.

Qrati — Kawżi ta' natura ċivili

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jelenka kemm hemm kawżi ta' natura ċivili quddiem kull imħallef li ilhom mill-anqas għaxar snin għaddejjin? Kemm hemm li huma appuntati għas-sentenza?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant għadu qed jinġabar u t-tweġiba ser tingħata f'xi Seduta oħra.

Qrati — Kawżi ta' separazzjoni

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid bħalissa kemm hemm kawżi ta' separazzjoni miż-żwieġ pendenti quddiem il-qorti tal-familja? Kemm minnhom tressqu mill-1 ta' Jannar 2006? F'dawn il-każi ġodda kemm minnhom huma bejn ċittadini Maltin, kemm bejn koppja Maltija u sieħeb/a barrani u kemm fejn il-koppja huma t-tnejn barranin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li f'Malta hemm 488 kawża ta' separazzjoni pendenti quddiem il-Qorti tal-Familja li minnhom 44 ġew preżentati mill-bidu ta' din is-sena mentri quddiem il-Qorti tal-Familja f'Għawdex hemm 27 każ pendenti ta' separazzjoni miż-żwieġ u mill-1 ta' Jannar 2006 tressqu tlieta minnhom. Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija, ma tinżammx statistika ta' kemm minn dawn is-separazzjonijiet ikunu bejn ċittadini Maltin, jew bejn Maltin u barranin jew bejn barranin.

Qrati — Ġurijiet pendenti

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm ġurijiet pendenti bħalissa quddiem il-qorti kriminali? Jista' jgħid kemm huma dwar omiċidju, traffikar ta' droga u serq? F'kemm-il każ hemm barranin involuti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm tlieta u tletin (33) ġuri pendenti quddiem il-Qrati Kriminali. Hemm 9 ġurijiet li huma dwar omiċidju; 11 dwar traffikar ta' droga u wieħed dwar serq. Infurmat ukoll li hemm barranin involuti f'erba' każijiet.

Qrati

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li l-pulizija ressqet fil-qrati ta' Malta u Għawdex matul l-ewwel tliet xhur ta' din is-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul Jannar u Marzu 2006, il-Pulizija ressqet quddiem il-Qorti tal-Maġistrati 5,335 persuna, bil-proċedura ta' kumpilazzjonijiet u fid-diversi seduti.

Assistenti Ġudizzjarji

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm assistenti ġudizzjarji fuq bażi part-time u fuq bażi full-time? Min huma l-assistenti ġudizzjarji fuq bażi part-time u fuq bażi full-time? X'inhu s-salarju ta' kull wieħed u waħda minnhom? Hemm bżonn ta' iktar assistenti ġudizzjari fi ħdan il-qrati tal-ġustizzja ta' Malta? X'inhu l-ħsieb jew il-pjan tal-gvern rigward l-impjieg ta' l-assistenti ġudizzjari part-time u jekk hux se jerġa' iġeddilhom il-kuntratt?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat kif ġej:- Qorti Ċivili (Malta) Fil-preżent hemm 9 Assistenti Ġudizzjarji fuq bażi Part-time u 14 fuq bażi Full-time; Assistenti Ġudizzjari fuq bażi Part-Time huma: Drs. Anthony Ellul, Audrey Demicoli, Veronica Galea Debono, Deborah Farrugia, Joseph Fenech Adami, Marse-Ann Farrugia, Ian Spiteri Bailey, Tania Sammut Catania, Anna Mifsud Bonnici. Assistenti Ġudizzjarji fuq bażi Full-Time huma: Drs. Kenneth Gulia, Paul Caruana Curran, Maria Dolores Gauci, Monica Borg Galea, Emanuel Buttigieg, Anna Caruana, Mariella Schembri Gonzi, Josette Demicoli, Yvette Cassar, Elena Naudi Depasquale, Claudine Mercieca Galea, Maria Pia Micallef, Natasha Buontempo, Mandy Jane Carabott. Is-salarju tal-Assistenti Ġudizzjarji Part-Time huwa Lm2,400 fis sena. Is-salarju tal-Assistenti Ġudizzjarji Full-Time huwa kif ġej: Drs. Kenneth Gulia, Paul Caruana Curran, Maria Dolores Gauci, Monica Borg Galea, Emanuel Buttigieg, Anna Caruana, Mariella Schembri Gonzi, Josette Demicoli, Yvette Cassar għandhom salarju ta’ Lm7,560 fis-sena, filwaqt li,Drs. Elena Naudi Depasquale u Claudine Mercieca Galea għandhom salarju ta’ Lm 6,933 fis-sena u Drs. Maria Pia Micallef, Natasha Buontempo u Mandy Jane Carabott għandhom salarju ta’ Lm 6,306 fis-sena. Id-differenza fis-salarji ta’ dawn l-Assistenti Ġudizzjarji Full-Time hija id-differenza fl-iskali tas-salarju. Hemm numru ta' drabi meta jkun hemm bżonn aktar Assistenti Ġudizzjarji fi ħdan il-Qrati tal-Ġustizzja ta’ Malta u jsiru sejħiet għal dan il-għan.. L-Assistenti Ġudizzjarji Part-Time huma Avukati ta’ ċertu esperjenza u għaliex huma fuq bażi part-time huma jistgħu jibqgħu jeżertiċaw il-professjoni tagħhom ta’ Avukat u għalhekk huma midħla tal-proċeduri tal-Qrati aktar mill-Assistenti Ġudizzjarji Full-Time li xogħolhom huwa iktar impenjattiv. Il-ħsieb huwa lill-kuntratti tal-Assistenti Ġudizzjarji part-time jiġu mġedda wara li jinkiseb clearance mill-Management and Personnel Office. Qorti ta' Għawdex Fil-Qorti ta' Għawdex hemm assistent ġudizzjarju wieħed, Dr Aaron Attard-Hili, li huwa fuq bażi full-time. Is-salarju bażiku tiegħu jammonta għal Lm517.23 kull erba' ġimgħat. Qed jiġi kkunsidrat l-impjieg ta' assistent ġudizzjarju ieħor, fuq bażi part-time.