Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-pensjoni tal-persuna li ID no. tagħha qiegħed jintbagħat separatament ilha s-snin ma tiġi riveduta?
Jista' jordna dan l-aġġustament jekk ikun il-każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna minnu ndikata ġiet infurmata bil-każ tagħha.
Jista' l-Ministru fil-każ tal-persuna li n-numru tal-karta ta' l-identita li qed jintbagħat under separate cover li hi pensjonanta, u li applikat għall-għajnuna supplimentari, jara li l-applikazzjoni tagħha, li ġiet sottomessa fl-14.03.02 tiġi proċessata?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għall-Għajnuna Supplimentari t-talbiet għas-sena 2002 għadhom qed jidħlu fid-Dipartiment, u dawk li jagħmlu talba ġew mogħtija sa l-aħħar ta' dan ix-xahar biex jibgħatu t-talba tagħhom. Il-pagament ta' din l-għajnuna jkun dovut mis-6 ta' Lulju 2002. Għaldaqstant l-Onor. Interpellant jifhem li mhux każ li f'dan l-istadju tinqala' xi talba ta' individwu partikolari u tiġi proċessata. Minkejja dan il-persuna li għaliha qed jirreferi l-Onor. Interpellant qed tiġi nfurmata dwar il-każ tagħha.
Jista' l-Ministru jgħid fejn waslu l-applikazzjonijiet li saru minn numru ta' familji maltin biex madwar tmint itfal russi li diġa inġabru għall btala f'Malta jiġu addottati?
Billi dawn it-tfal se jerġgħu jinġiebu għall btala f'Malta f'Mejju li ġej, meta hu maħsub li jiġi konkluż il-ftehim mal-awtroitajiet russi biex dawn it-tfal ikunu jistgħu jiġu addottati minn familji maltin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Familja ma kienx involut fil-proċess biex tfal Russi li nġiebu Malta għall-btala jiġu adottati. Li nista ngħid hu li m'għandux ikun li jinġiebu tfal għal btala biex jiġu adottati, jkunu ġejjin minn liema pajjiż ikun. L-adozzjoni ta' tfal hi ħaġa serjissima u ma naħsibix li għandha ssir a bażi tal-ftit ġranet li tifel jew tifla jkunu Malta fuq btala.
Il-Ministeru għall-Politika Soċjali għamel kuntatti preliminari mal-Gvern Russu bil-ħsieb li adozzjonijiet ta' tfal minn dak il-pajjiż ikunu regolati minn ftehim bejn iż-żewġ pajjiżi u dan għall-ġid kemm tat-tfal infushom kif ukoll għall-ġenituri adottivi. Għadu kmieni wisq biex wieħed jgħid meta ser jiġi konkluż dan il-ftehim.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda lista tal-varjetajiet u l-kwantitajiet tal-prodotti ta' l-ikel li nxtraw fid-djar tal-anzjani ta' l-istat matul is-sena li għaddiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabelli li juru l-informazzjoni mitluba dwar id-Djar ta' l-Anzjani tal-Furjana u l-Imtarfa.
It-tlett idjar l-oħra ta' l-Anzjani huma mmexxija minn kuntrattur privat.
Jista' l-Ministru jgħid meta d-dipartiment se jibgħat għall-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li ilha sentejn ma tingħata pensjoni?
X'inhuma r-raġunijiet għal dan?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-każ tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġie nvestigat mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali. Din il-persuna ġiet notifikata bil-posta biex tmur l-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment biex ikellimha l-Welfare Officer. Jirriżulta li din il-persuna għadha ma marritx tkellem lill-Welfare Officer.
Jista' l-Ministru jgħid x'qed iżomm milli l-persuna taħt indikata jkollu l-kera mdawra fuqu wara li mietet ommu f'Awissu 1999 u li bħala ġuvni dejjem baqa' joqgħod fl-istess fond?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm u min huma dawk l-impjegati f'St Vincent de Paule Residence li twaqqfulhom l-increments minħabba li huma fuq light duties u mhux jagħmlu xogħol skond is-salary grade tagħhom? Kemm ilhom li twaqqfulhom l-increments?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellanti li m'hemm l-ebda impjegati fir-Residenza ta' San Vinċenz li twaqqfulhom l-increments minħabba li huma fuq light duties u mhux jagħmlu xogħol skond is-salary grade tagħhom.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' family households li fis-sena 2001:
a) li għandhom tfal taħt it-18-il sena
b) li huma one parent household
c) kemm one parent families huma mmexxjin min-nisa u kemm mill-irġiel
d) kemm familji mmexxijien minn koppji
e) in-numru totali ta' familji bit-tfal?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li n-numru ta' households li rċevew xi allowance għal tfal fuq 16-il sena w taħt il-21 sena kien ta' 857 u n-numru ta' tfal f'dawn il-households kien ta' 873. Dawn il-figuri huma nklużi fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dwar il-kumplament ta' l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid bediex ix-xogħol fuq il-bini ta' maisonettes u garaxxijiet fi Plot 12 Triq Nerik Xerri u Plots A u C Triq il-Għasel - Ħal Kirkop, kif inħabbar permezz ta' l-offerti CT 304/2001 u CT 305/2001 fil-gazzetta tal-gvern ta' l-24/08/01?
Meta se jitlesta x-xogħol?
Meta se joħorġu għal kiri jew bejgħ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li x-xogħol fuq il-bini tal-maisonette beda fi Frar u s'issa tlesta l-basement. Iż-żewġ proġetti mistennija jitlestew fis-17 ta' Ġunju 2002. Hu ppjanat li dawn joħorġu għall-bejgħ fil-ħarġa li jmiss.
Jista' l-Ministru jwieġeb PQ 32269 u cioe, b'referenza għat-tagħrif mogħti fi tweġiba għall-PQ 31971, jista' jgħid x'livelli ta' literacy, kompetenzi, kwalifiki għandhom il-2693 persuna li bdew jirreġistraw għall-ewwel darba fis-sena 2001?
Jista' jagħti t-tagħrif organizzat skond is-sess, il-faxex differenti tal-eta' u separat għal Malta u Għawdex?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabelli li juru l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-persuna li d-dettalji qed jingħataw b'mod separat, hux intitolat għall-arettrati tal-bonus ta' Diċembru u Ġunju, minħabba li ġie lura Malta f'April ta' l-1995 u ħa biss tlett bonuses mis-sena 2001 sal-lum?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna ndikata ġiet nfurmata bl-eżitu tal-każ tagħha personalment.
B'referenza għall-kummenti tas-Sur Anthony Galdes fil-media Lokali:
1) tista' tippubblika s-
situation report
li s-Sur Galdes ġie rrapurtat li għaddielek nhar it-28.03.2002?
2) Tista' tgħid x'kienet ir-raġuni li wasslet lis-Sur Galdes biex jikkonkludi li r-rappreżentanti tal-gvern fuq il-kummissjoni tal-Welfare ma għenu xejn fid-dibattitu u li dawn ma taw ebda kontibuzzjoni għar-riforma fil-Welfare? Dan għamluh fuq struzzjonijiet ministerjali jew minn rajhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
F'dan l-istadju ma jidhirlix li jien għandi nippubblika d-dokument imsemmi. Lanqas ma jidhirli li jien għandi nwieġeb għad-dikjarazzjonijiet imsemmija fil-Mistoqsija.
Jista' l-Ministru jgħid x'hemm bżonn isir minn persuni self-employed biex ma jitilfux mill-benfiċċji sħaħ tagħhom għall-persuni wara li dawn kienu waqfu mill-ħidma tagħhom għal sentejn (bejn is-snin 1991-92) minħabba li l-garage li kienu joperaw fih kien ġie mwaqqa mill-gvern minħabba proġett ta' żvilupp? Kemm iridu jkunu għamlu snin ta' servizz biex ma jitilfux mid-dritt tagħhom għall-pensjoni sħiħa? Hemm bżonn li jħallsu il-bolol għas-sentejn li kienu wieqfa biex jirregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għalkemm fil-Mistoqsija qed jingħataw ċerti dettalji dwar il-persuni li qed jagħmel referenza għalihom l-Onor. Interpellant, dawn m'humiex biżżejjed biex wieħed jirrispondi fid-dettal u bi preċiżjoni għad-diversi punti partikolari mqajjma.
Għall-aħjar interess tal-persuni konċernati, nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lil dawn il-persuni javviċinaw id-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali biex jingħataw tweġiba u jiġu ggwidati personalment dwar il-każ tagħhom.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonsidra tibdil fil-liġi tas-siġurta' soċjali dwar il-means test għal dak li jirrigwarda għajnuna għal mard (SKA)?
Għalissa proprjeta mikrija b'kera verament baxx qegħda tiġi stimata eluf ta' liri Maltin għal fini ta' SKA meta d-dħul tal-kera huwa f'ħafna każi anqas minn Lm 10.00 fis-sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dritt għall-Għajnuna Medika hu regolat, minbarra l-aspett mediku, mit-test tal-mezzi kif provdut fit-Tieni Parti tat-Tieni Skeda annessa ma' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali.
Skond din l-iskeda f'każ ta' propjeta' mikrija lil terzi persuni d-dħul li wieħed jirċievi bħala kera biss jittieħed fil-kalkulazzjoni tal-meżżi. Dan ifisser li l-valur kapitali ma jittieħedx.
Jidhirli li fil-preżent il-kriterji li fuqhom jinħadem it-test tal-meżżi għal din l-għajnuna hu adegwat skond iċ-ċirkostanzi, u ma tinħass il-ħtieġa li jinbidel.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fhiex waslet it-talba tal-mara anzjana li d-dettalji qed jintbagħtu separatament ta' 75 sena li tgħix waħedha, sabiex din tkun tista tidħol fid-dar għall-anzjani ta' Bormla?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-persuna li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant applikat biex tidħol fid-Dar ta' l-Anzjani fl-4 ta' Diċembru 2001 u l-assessment soċjali sarilha fit-3 ta' Jannar 2002.
Ninsab infurmat ukoll li tpoġġiet fuq il-waiting list skond ir-rapporti li saru.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta'persuni li sfaw issensjati mill-impjieg tagħhom tagħhom minn Jannar 2002 sal-lum, maqsuma xahar b'xahar? Jista' jgħid minn liema settur kienu ġejjin u l-etajiet ta' kul persuna li tilfet l-impjieg?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni b'diżabilita li qed jirreġistraw għax-xogħol? Jista' jagħti l-etajiet tagħhom? Minn liema lokal ġejjin u kemm ilhom jirreġistaw għax-xogħol?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabelli li juru l-informazzjoni mitluba.
B'referenza għall-PQ 32498, jista' l-Ministru jinvestiga għaliex il-persuna indikata baqa ma instabilhiex xogħol mill-ETC fi 3 snin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-persuna li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant ġiet riferuta diversi drabi għax-xogħol mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ skond il-preferenzi li qed tirreġistra għalihom. Il-Korporazzjoni ma tindaħalx fid-deċiżjoni dwar lil min jagħżel l-employer prospettiv.
Sadattant, l-employment advisor ta' din il-persuna ser jerġa jibgħat għaliha biex jara kif jista' jgħinha aktar fl-isfond li din il-persuna għandha aktar minn 40 sena, u għalhekk tista' tibbenefika minn skemi li għandha l-Korporazzjoni biex tgħin persuni f'din il-kategorija.
Jista' l-Ministru jgħid dwar l-istallazzjoni ta' lifts f'appartamenti tal-gvern, hemm żviluppi fil-każ ta':
i) blk 1 A Triq il-Fosos Floriana
ii) 68 Triq San Tumas Floriana
iii) 2 Triq Melita Valletta
Response (GONZI, LAWRENCE)
Dwar l-installazzjoni ta' lift f'68, Triq San Tumas, Floriana, ninsab infurmat li l-Awtorita' tad-Djar għadha qed tistenna risposta mid-Dipartiment ta' l-Artijiet dwar it-talba għall-permess biex tinbena l-istruttura meħtieġa fil-bitħa tal-ħwienet li hemm taħt dan l-appartament.
Anki fil-każ ta' 2, Triq Melita, l-Belt, qed tiżi esplorata l-possibilita' li l-istruttura tal-lift tinbena fil-bitħa nterna ta' proprjeta' li tinsab taħt l-appartament in kwistjoni. L-istess jista' jingħad dwar l-istallar ta' lift fi Blokk 1A Triq il-Foss, Floriana, peress li d-daqs tat-tromba tat-taraġ eżistenti hu limitat.