Dipartiment ta' l-Artijiet — Esproprijazzjoni ta' art
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġiet esproprijata art sal-lum għal bini ta' l-isptar ġdid f'Tal-Qroqq? Ta' liema persuna/kumpannija hija din l-art? X'kien id-daqs u l-valur ta' l-art ta' kull persuna/kumpannija li tteħditilha art b'dan il-mod?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-kejl totali ta` l-art li ġiet dikjarata meħtieġa għall-isptar f`Tal-Qroqq minn meta saret l-ewwel dikjarazzjoni sa llum hu ta` circa 128,451 metri kwadri.
Ninsab infurmat ukoll illi l-kejl totali ta` l-art li s`issa ġiet akkwistata permezz ta` kuntratti jew ċedoli ta` depożitu hu ta` circa 40,830 metri kwadri. It-tabella mmarkata "A" li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tindika l-art imqassma fi plots, il-kejl, il-valur u s-sidien.
Dwar il-kumplament ta` l-art li l-kejl tagħha hu ta` circa 87,621 metri kwadri, ninsab infurmat illi għadhom qegħdin isiru r-riċerki neċessarji biex jiġu stabbiliti s-sidien attwali u jinħarġu l-Avviżi għall-Ftehim. Peress li l-valur ta` kull biċċa art għad jista` jinbidel, ma nħossx li f`dan l-istadju hu prudenti li jingħata l-valur ta` dawn l-artijiet. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella mmarkata "B" li tindika l-art imqassma fi plots u l-kejl.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru 20530 li oriġinarjament kienet saret lill-Ministru tat-Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe': jista' jgħid x'inhuma l-proċeduri biex persuna tkun tista' tapplika għal-parker ?
Jista' l-Ministru jgħid jekk jeżistux vaganzi għall-dan il-post? Jekk iva, fejn?
Response (BORG, TONIO)
Skond ir-regolament 65 tar-Regolamenti dwar Vetturi bil-mutur, persuna tista` taħdem bħala car park attendant biss wara li tingħata liċenzja mill-Kummissarju tal-Pulizija.
Il-proċedura hija li min ikun interessat japplika mal-Pulizija u jindika l-post li fih ikun interessat jagħmilha ta` parker. Jekk dan is-sit ikun wieħed rikonoxxut bħala car park u jkun hemm post vakanti ta` parker, allura l-applikazzjoni tiġi proċessata skond il-kriterji stabbiliti. Infurmat ukoll illi fil-preżent il-postijiet vakanti ta` car park attendants huma f`dawn il-lokalitajiet:
Valletta Delimara Marsaxlokk Buskett
Floriana Ta` Qali San Ġorġ Mosta
Għar Lapsi Għadira Yacht Marina Buġibba
Paola Armier Tigne` Selmun
Jista' l-Ministru jgħid kemm il-kopja ta' C.D. video tapes u playstation games mhux oriġinali nqabdu tul din is-sena mis-swieq Maltin?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn l-ewwel ta` Jannar u l-aħħar ta` Ottubru ta` din is-sena, il-Pulizija ikkonfiskat 2,248 bejn CD`s, video tapes u logħob tal-playstation mhux oriġinali mis-swieq lokali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-barranin li tul din is-sena ġew arrestati u mressqa l-qorti minħabba xi reat?
Min liema pajjiż kienu ġejjin? X'tip ta' reati kienu akkużati bihom?
Response (BORG, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 20084 li kienet tkopri l-perijodu Jannar - Settembru 2000. Ninsab infurmat illi matul Ottubru ta` din is-sena, il-Pulizija ressqet 61 persuna ta` nazzjonalita` barranija quddiem il-Qorti. L-akkużi kienu jinkludu serq, traffikar ta` droga, pussess ta` droga, attakk u resistenza fuq uffiċjali pubbliċi, offiżi fuq il-persuna u ksur ta` l-Immigrazzjoni.
Il-pajjiżi li minnhom kienu ġejjin il-persuni msemmija għall-perijodu Jannar - Ottubru 2000, kienu kif ġej : -
Alġerija, Awstralja, Armenja, Afrika t`Isfel, Bulgarija, Ċina, Kanada, Eġittu, Franza, Filippini, Ġermanja, Indja, Iraq, Italja, Ġordan, Libanu, Libja, Moldavja, Marokk, Niġer, Niġerja, Olanda, Pakistan, Palestina, Polonja, Russja, Rumanija, Renju Unit, Sirja, Somalja, Svizzera, Turkija, Tuneżija, Ungerija, Ukrajna, Jugoslavja u Yemen.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il membru tal-Korp tal-Pulizija weħlu crime fis-snin 1999 u 2000 talli ma' waħħlux biżżejjed Traffic Contravention Tickets?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fis-snin 1999 u 2000 kien hemm 93 membru tal-Korp li ttieħdu passi dixxiplinari kontra tagħhom talli mingħajr raġuni tajba u xierqa naqsu milli jirrapurtaw kontravenzjonijiet biżżejjed bħalma huma fid-dmir li jagħmlu.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 19719, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm ilu d-dipartiment ta' l-artijiet jistenna tweġiba fuq dan u huwiex soltu li jkun hemm dewmien f'każi simili?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi d-Dipartiment ta` l-Artijiet ilu jistenna tweġiba mit-12 ta` April 2000. Huwa normali li risposti għal talbiet bħal dawn jieħdu ċertu tul ta` żmien.
B'referenza għall-mistoqsija numru 19899, jista' jagħti ċ-ċifra ta' kemm intefqu flus f'hospitality u jagħti breakdown ta' kif intefqu?
Response (BORG, TONIO)
Il-persentaġġ ikkwotat fil-Mistoqsija Parlamentari Nru. 19899 jirreferi għaċ-ċifra allokata għal vot ta` hospitality fl-Estimi Ġenerali u għalhekk huwa faċli għall-Onorevoli Interpellant li joħroġ iċ-ċifra li talab.
Dwar breakdown ta` kif intefqet iċ-ċifra m`għandix x`inżid mat-tweġiba li tajtu għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 19184 fuq l-istess suġġett.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-FSS ma kenitx implimentata immedjatament fil-Korp tal-Pulizija bir-riżultat li issa l-membri tal-korp qed iħallsu somom kbar ta' flus mill-paga f'arretrati tat-taxxa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li s-sistema tal-FSS ġiet introdotta fid-Dipartimenti kollha, inkluż id-Dipartiment tal-Pulizija, b`effett mill-1 ta` Lulju 1997. Jekk hemm xi membri tal-korp li qed jiġu mitluba jħallsu somom ta` flus f`arretrati tat-taxxa, dan żgur li mhux ġej minn xi nuqqas min-naħa ta` dan id-Dipartiment.
Jista' l-Ministru jgħid jekk itteħditx xi azzjoni legali kontra dak l-individwu li spara fuq "Osprey" Imdina Road, Żebbuġ, liema rapport deher fuq "The Times"?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija identifikat il-persuna li sparat fuq l-‘Osprey’, u kkonfiskatlu l-arma tan-nar. Din il-persuna mistennija titressaq il-Qorti fit-22 ta` Novembru, 2000.
Jogħġbu l-Ministru jgħid għaliex fid-Dipartiment tal-Passaporti fil-Belt twaqqaf is-servizz ta' l-internet għall-impjegati ta' dan id-Dipartiment?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-aċċess għall-Internet ma tneħħiex lil Uffiċjal li għandu l-awtorita` li juża dan il-mezz għall-ħtiġijiet biss ta` l-Uffiċċju tal-Passaporti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu persuni jdaħħlu speċi protetti ta' flora u fauna u kemm minnhom kienu prottetti mill-Konvenzjoni tas-CITES?
Kemm minnhom kienu f'appendix 1,2 u 3 ta' CITES?
Kemm ġew maqbuda mid-dwana, ambjent, pulizija jew xi awtorita' oħra?
Sa kemm jittresqu l-qorti min jinqabad, x'inhi l-proċedura, fejn jinżammu dawn l-ispeċi ħajja, min jieħu ħsiebhom u xi training għandu, kemm mietu waqt li kienu għadhom taħt ir-responsabbilta' ta' dan il-gvern u għaliex dawn ma jintelqux mill-ewwel?.
Jista' jgħid jekk il-pulizija għandhiex xi ftehim mal-Qrati jew mal ministeru tal-ġustizzja biex każi bħal dawn isiru malajr biex titnaqqas il-tbatija fuq l-annimali?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mill-1 ta` Jannar 2000 sa llum inqabdu 3 persuni idaħħlu speċi ta` flora u fauna li huma protetti mill-Konvenzjoni tas-CITES.
Fit-tlett każijiet l-ispeċi kienu fl-appendix 1, 2 u 3 ta` CITES.
Sakemm tkun qiegħda ssir l-investigazzjoni, dawn jinżammu mid-Dipartiment tad-Dwana jew ta` l-Ambjent li jkunu għamlu s-sejba. Kif titlesta l-investigazzjoni u l-persuna tiġi akkużata quddiem il-Qorti, dawn l-ispeċi jiġu esibiti l-Qorti u l-istess Qorti tipprovdi dwar iż-żamma u l-protezzjoni tagħhom skond il-liġi. Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija, ninsab infurmat li ma hemmx tali arranġament.
Jista' l-Ministru jgħid jekk inqabdux prodotti illegali mgħamula minn xi parti ta' xi speċi protetti mis-CITES eż. avorju, ġilda tas-sriep, kukudrilli eċċ u jekk hawnx persuni kwalifikati biex jgħamlu DNA Testing fuq speċi jew partijiet ta' speċi li huma protetti mis-CITES?
Jista' jgħid wkoll jekk il-persuni fuq dan ix-xogħol ta' protezzjoni humiex ittrenjati biex jgħarfu dawn l-ispeċi?
Kemm hemm persuni ittrenjati minn kull dipartiment involut u fejn jaħdmu u x'korsijiet attendew f'kull każ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mill-1 ta` Jannar 2000 sa llum ma nqabdux prodotti illegali magħmula minn xi parti ta` xi speċi protetti mis-CITES.
Ninsab infurmat ukoll li l-membri ta` l-Iskwadra ta` l-ALE tal-Pulizija, għandhom taħriġ bażiku fuq dan is-suġġett, pero` dawn dejjem jikkonsultaw mad-Dipartiment ta` l-Ambjent meta jkun meħtieġ.
Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' sorveljanza qiegħed jagħmel il-korp tal-Pulizija fl-inħawi ta' Ħ'Attard u Ħal-Balzan in vista tas-serq li sar matul dawn l-aħħar ġimgħat minn djar residenzjali f'dawn l-irħula?
Jista' jgħid kemm saru serqiet f'dawn l-inħawi mill-1 ta' Jannar, 2000 sal-ġurnata tal-lum? Kemm ġew solvuti każi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mill-1 ta` Jannar sal-31 ta` Ottubru 2000, ġew irrappurtati lill-Pulizija 40 każ ta` serq mill-lokalitajiet li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant. Fl-istess perijodu ġew solvuti 3 każi.
Ninsab infurmat ukoll li kemm il-Pulizija tad-Distrett, kif ukoll dawk tal-Mobile żiedu l-patrols fl-istess inħawi.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ikun hemm uffiċjali tal-Pulizija fl-għasses ta' Ħ'Attard u ta' Ħal-Balzan matul il-ġurnata u matul il-lejl?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fl-Għassa ta` Ħal Balzan ikun hemm pulizija għassa l-ġurnata kollha (24 siegħa kuljum), filwaqt li l-Għassa ta` Ħ`Attard tinfetaħ skond kif jippermettu l-esiġenzi tas-servizz. Barra minnhekk ikun hemm ukoll il-pulizija tat-Taqsima tal-Mobile jippatroljaw dawn l-inħawi.
Jista' l-Ministru jgħid jekk għadhiex tinħadem in-neighbourhood watch u fil-każ affermattiv f'liema lokalitajiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent in-'Neighbourhood Watch' qiegħda titħaddem fil-lokalitajiet ta` Ħal Tarxien, Sliema, Rabat (Tal-Virtu`), Mosta (Il-Blata l-Għolja), Mellieħa (Santa Maria Estate) u Buġibba (Lukandiera).
Ninsab infurmat ukoll illi qed isiru taħditiet bejn il-Pulizija u xi Kunsilli Lokali, fosthom dawk ta` Ħal Qormi u dak tal-Gżira, sabiex tiġi introdotta in-'Neighbourhood Watch' f`dawn il-lokalitajiet.
Jista' l-Ministru jgħid, in vista taż-żieda fis-serq din is-sena, x'qiegħed isir mill-Korp tal-Pulizija u/jew mill-Ministeru biex titrażżan din il-mewġa ta' serq?
Response (BORG, TONIO)
Fl-ewwel għaxar xhur ta` din is-sena kienu reġistrati xi żidiet f`xi tipi ta` serqiet u nuqqas f`xi tipi oħra. Per eżempju jidher li filwaqt li kien hemm żieda ta` 36.75% fil-pick-pocketing, kien hemm nuqqas ta` 46.51% f`hold-ups u 36.97% fi snatch and grab waqt li serq mill-karozzi baqa` kważi l-istess.
Il-ġlieda tal-Pulizija kontra kull tip ta` kriminalita` hija proċess kontinwu li ma jieqaf qatt. Il-Pulizija tieħu dawk il-miżuri kollha li jidrilha li jkunu xierqa sabiex kemm jista` jkun ma jkunx hemm abbużi. Kif jista` japprezza l-Onorevoli Interpellant, l-istess natura tal-ħidma tal-Pulizija kontra l-kriminalita` hija xi ħaġa li minnha nnfisha titlob ċertu riservatezza, sabiex jintlaħaq l-għan tagħha. Pero` nista naċċerta lill-Onorevoli Interpellant illi l-Pulizija hija impenjata bis-sħiħ sabiex jinkiseb ir-riżultat mixtieq minn kulħadd.