Legislature:
Category:
Reset
Active:

Xewkija — MCAST

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex l-istipendju li normalment jieħdu l-istudenti li jattendu l-kors ta' l-Electrical Licence A, MCAST Xewkija, Għawdex mhux qed jitħallas? Tista' in oltre tgħid meta se jsir il-ħlas dovut lil dawn l-istudenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Napprezza jekk l-Onor. Membru separatament tindika d-dettalji (isem u numru tal-karta ta' l-identita') ta' l-istudent konċernat biex nistħarreġ il-kas.

ETC — Vacancies

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' vacancies li l-ETC tipproċessa kull sena?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ, proċessat dawn il-vacancies: Jannar 02 - Diċembru 02 - 7341 Jannar 03 - Diċembru 03 - 7292 Jannar 04 - Diċembru 04 - 7539 Jannar 05 - Diċembru 05 - 7969

Pixxina Nazzjonali

Question

Jista’ il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 16586, 16833 u 17267 u jgħid min huma l-kuntratturi li ħadu x-xogħlijiet tal-pixxina nazzjonali, li skond il-Ministru swew Lm400,000, fl-aħħar sentejn? Jista’ jgħid ukoll jekk ħarġux sejħiet għall-offerti għax-xogħol konċernat? Jekk iva, jista’ ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kull offerta, min applika, min ħadha u jekk ix-xogħol sarx fi żmien stipulat?

Response (GALEA, LOUIS)

Ma jidhirlix li għandi inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra minħabba li hemm tagħrif ta' natura kummerċjali li jista' jippreġudika l-interessi ta' dawk imsemmija u li huma kompetituri ta' xulxin f'diversi oqsma. F'każ li l-Onor. Membru għandu xi diffikulta' partikolari jista' jirreferi lill-Uffiċċju ta' l-Awditur Nazzjonali.

Marsaxlokk — Skola Primarja

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 17235 dwar is-sala ta' l-iskola primarja ta' Marsaxlokk, jista' il-Ministru jgħid f'liema sens u kif qed jiġu riveduti l-pjanti u meta hemm ħsieb li x-xogħol jinbeda?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s-sala qiegħdha tiġi ri-dimensjonata biex tirrifletti l-bżonnijiet tal-popolazzjoni attwali ta' l-iskola kif ukoll il-proporzjonalita' tan-nefqa. Xogħolijiet fuq dan il-proġett jinbdew fil-mument opportun.

Channel 22 — Impjegati

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq Channel 22 għas-sena 2005? Jista' jgħid kemm hemm impjegati part-time, full-time u free-lancers ma' Channel 22 u jagħti lista ta' l-ismijiet tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Inqis li l-Education Channel 22 irnexxielu jagħmel qabża konsiderevoli fil-kwalita' matul is-sena 2005 minkejja li l-infieq kien relattivament ċkejken ħafna paragonat ma' stazzjonijiet oħra lokali. Barra milli żied konsiderevolment il-ħin tat-trasmissjoni diretta u l-varjeta' ta' programmi oriġinali tjiebet ukoll il-kwalita' ta' l-istampa, it-teknika, id-dwal u l-irtokk kif ukoll il-kwalita' u l-ispazju ta' l-istudio. In-nefqa kienet kif ġej: Materials and Supply: Lm 24,446.24 Contractual Services (Kontributuri - part-timers) Lm 74,418.46 Management and Operative Services Lm 23,643.14 Divisional Paylist Lm 52,771.60 Capital Impressed Lm 8,000.00 Informat ukoll li n-numru ta' impjegati huwa kif ġej: Full-Time 13 Part-Time/Kontributuri 127

Produtturi tat-tjur

Question

Skond l-informazzjoni ta' l-ETC, jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' produtturi tat-tjur tas-simna fil-preżent f"Malta u Għawdex separatament? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għall-aħħar ħames snin, sena b'sena?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' produtturi tat-tjur tas-smina, (farming poultry), skond il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ, f'Malta u Għawdex għall-aħħar ħames snin, sena b'sena kienu hekk: Diċ-01 Diċ-02 Diċ-03 Diċ-04 Diċ-05 Malta 58 59 60 60 56 Għawdex 11 12 10 11 12 Total 69 71 70 71 68

Skejjel li jgħallmu l-Ingliż

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 17277, jista' il-Ministru jagħti dettalji dwar kemm-il skola ġiet spezzjonata minn uffiċjali tal-monitoring board? Liema kienu? Instabu xi skejjel li ma kenux għal kollox konformi mal-liġi? X'passi ttieħdu jekk l-affarijiet ma ġewx irranġati?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Bord ta' Sorveljanza tat-tagħlim ta' l-Ingliż bħala Lingwa Barranija jorganizza programm sħiħ ta' żjajjar fl-iskejjel liċenzjati bejn April u Awissu ta' kull sena meta l-biċċa l-kbira ta' l-istudenti barranin jiġu fil-ġżejjer Maltin sabiex jitgħallmu l-Ingliż. Fix-xhur l-oħra ta' matul is-sena, diversi skejjel liċenzjati jkunu magħluqin u l-oħrajn li jiftħu ikollhom numru żgħir ta' studenti. Matul is-sena kollha, jekk ikun hemm applikazzjonijiet għal ftuh ta' skejjel ġodda, dan il-Bord jispezzjona dawn l-iskejjel mill-ewwel.

Skejjel ta' l-Ingliż

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 17276, jista' il-Ministru jagħti d-dettalji mitluba dwar l-applikazzjoni pendenti għal ftuħ ta' skola biex jiġi mgħallem l-Ingliż u cioe' min daħħal l-applikazzjoni, meta u f'liema lokalita?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-applikazzjoni li hemm pendenti għal skola ġdida, saret mis-Sur G. Axisa fit-28 ta' Novembru 2005, għall-użu ta' parti mill-Kulleġġ De La Salle - Kottonera għat-tagħlim ta' l-Ingliż bħala lingwa barranija.

Skejjel — Assenteiżmu

Question

Jista’ il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 14494 u 14976 u jgħid x’kien il-persentaġġ ta’studenti fl-iskejjel ta’ l-Istat li fis-sena skolastika li għaddiet ma attendewx l-iskola mingħajr raġuni ? Jista’ jagħti l-figuri għall-primarji, sekondarji u l-kumplament separatament? Meta mqassmin bejn studenti subien u bniet, liema kienet l-ogħla?

Response (GALEA, LOUIS)

Nitlob l-Onor. Membru jirreferi għat-tweġiba 15108, f'Seduta 313.

MCAST — HND

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari W215, jista' il-Ministru jgħid x'se jiġri mit-tmien studenti li se jispiċċaw mill-kors f'Mejju jekk il-HND ma tinfetaħx? Wara li dawn l-istudenti daħlu għall-kors fl-MCAST, għax ħasbu li jistgħu jkomplu jibnu l-kwalifiki tagħhom, min kien responsabbli fl-MCAST li ħajjarhom jagħmlu dan il-kors u issa mhux se jkunu jistgħu jieħdu kwalifika li tippermettilhom li jaħdmu fid-dinja tax-xogħol skond l-istrateġija ta' Lisbona? X'alternattiva se jingħataw biex ikunu jistgħu jiġu mogħtija l-kors li jmiss fil-karriera tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-istudenti kollha jkunu jafu liema huma u sa liema livelli jaslu l-korsijiet li joffru l-MCAST permezz tal-PROSPECTUS pubblikat kull sena. F'dan l-istadju ta' żvilupp l-MCAST għad għandu diversi korsijiet li ma jwasslux sal-livell ta' l-HND.

EU — Ilsien Malta

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 17412 u jgħid: B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 16958, jaf il-Ministru li l-Gvern Malti ma talabx li l-Malti jkun il-lingwa uffiċjali, anzi talab li l-Ingliż ikun l-ilsien uffiċjali? Jaf li b'din id-deċiżjoni t-tfal ta' Maltin li qed jaħdmu fi Brussell jew f'xi istituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea, fil-Form 3 ikollhom jagħmlu l-eżamijiet tagħhom mhux bl-Ingliż, imma bil-Franċiż minħabba li l-Ingliż ikun meqjus bħala l-lingwa uffiċjali ta' Malta?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Gvern Malti talab li minħabba l-fatt li kemm il-lingwa Maltija kif ukoll dik Ingliża huma l-lingwi uffiċjali ta' Malta, ulied il-Maltin li qegħdin jattendu l-iskejjel Ewropej għandu jkollhom id-dritt li jitgħallmu ż-żewġ lingwi bħala l-ewwel lingwa tagħhom. L-istudenti kollha li qegħdin jattendu l-iskejjel Ewropej jagħżlu lingwa oħra minn fost l-Ingliż, il-Franċiż jew il-Ġermaniż minbarra l-lingwa uffiċjali ta' art twelidhom sa mill-ewwel sena ta' l-iskola primarja. Din il-lingwa magħrufa bħala il-'vehicular language', jibqgħu jistudjawha tul il-primarja u s-sekondarja. L-eżamijiet ta' l-Istorja u l-Ġeografija isiru b'din it-tieni lingwa. L-istudenti li jkollhom bżonn, jiġu mgħotija għajnuna speċjali biex jitgħallmu din il-lingwa sew. Għaldaqstant, id-diffikulta' li xi eżamijiet iridu jsiru bil-'vehicular language' hi diffikulta' li jridu jiffaċċjawha l-istudenti kollha li jattendu l-iskejjel Ewropej. Fl-istess ħin, il-fatt li dawn l-istudenti jitgħallmu lingwa oħra hekk tajjeb għandu jkun meqjus bħala vantaġġ għalihom.

Eżamijiet tal-Matsec/SEC

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm kandidati għall-eżamijiet tal-Matsec u s-SEC, separatament, li applikaw għal dawn l-eżamijiet bħala studenti privati u mhux taħt xi skola? Għal liema suġġetti se joqogħdu?

Response (GALEA, LOUIS)

Nitlob l-Onor. Membru jirreferi għat-tweġiba numru 17720, f'Seduta 369.

MCAST

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 15834, jista' il-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex jinħatar manager amministrattiv? Jekk dan ġie konkluż, jista' jgħid min ġie magħżul?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-materja ser tiġi diskussa fil-futur qarib mill-Bord tal-Gvernaturi ta' l-MCAST.

MCAST — National Diploma in Health Studies

Question

Jista' il-Ministru jgħid il-kors B.Tech National Diploma in Health Studies offrut mill-MCAST x'rikonoxximent għandu mill-gvern u mill-Universita' ta' Malta?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-applikanti għad-dħul fil-kors Preparatorju għad-Diploma in Health Science li għandhom il-BTEC National Diploma in Health Studies jiġu kkunsidrati li jissodisfaw ir-rekwiżiti għad-dħul fil-kors jekk ikunu għaddew ukoll fil-livell tas-Sec fil-Malti, fil-Lingwa Ingliża, fil-Matematika u f'suġġett tax-Xjenza.

Universita' — Student House

Question

Jista' il-Ministru jitlob lill-universita' tinvestiga għaliex l-istudent house qed titħalla miftuħa bil-lejl sas-sigħat bikrin ta' filgħodu? Tista' tindaga wkoll kif meta jsir xi serq mill-bini s-CCTV tinzerta tkun mitfija?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-iStudents House titħalla miftuħa bil-lejl sas-siegħat bikrin ta' filgħodu minħabba li f'dan il-bini hemm l-uffiċċji tal-Kunsill u d-diversi għaqdiet ta' l-istudenti. Dawn jgħaddu ħafna ħin fl-uffiċċji tagħhom biex jagħmlu x-xogħol ta' l-attivitajiet li jorganizzaw minn żmien għal żmien. Nista' ngħid li fl-aħħar serqa s-CCTV ma kienitx mitfija, iżda ngħid ukoll li s-CCTV kienet installata u mħallsa mill-KSU. Għaldaqstant taqa' taħt ir-responsabbilta' tal-KSU.

Talbiet għall-impjieg mis-servizz pubbliku

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm saru talbiet għall-impjieg matul is-sena 2004 u 2005 mis-servizz pubbliku minn enti statutorji u mis-settur privat?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat hekk: Talbiet għall-Impjieg Enti Statutorji Servizz Pubbliku Settur Privat Total Jannar sa Diċembru 2004 1,040 29 6,470 7,539 Jannar sa Diċembru 2005 881 81 7,007 7,969