Istitut M A Sapiano — Kors tat-Telecomunication electronics
Question
Jista' l-Ministru jgħid xi prattika qed jingħataw l-istudenti tat-tieni sena li qed jingħataw għall-kors tat-telecomunication electronics fl-Istitut M A Sapiano? Kemm minnhom qed jiġu esposti għad-dinja tax-xogħol u l-esperjenza li ġġib magħha? X'għajnuna qed jingħataw biex isibu sponsor? Kemm minnhom sabu sponsor?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li normalment l-istudenti tat-tieni sena tal-kors fit-Telecommunications and Electronics Engineering ikunu sponsored u għal daqstant it-taħriġ prattiku jsir ma' l-azjenda li tkun sponsorjathom.
Minkejja dan, l-Istitut M.A. Sapiano xorta jħoss il-ħtieġa li jalloka żewġ lezzjonijiet ta' prattika lil dawn l-istudenti sabiex jikkumplimentaw l-istudji tagħhom fis-suġġett.
In-numru ta' studenti minn din il-klassi li sabu sponsor u li għalhekk qed jiġu esposti għad-dinja tax-xogħol huwa ta' tlettax.
Huwa kompitu ta' l-ETC li ssib sponsor għall-istudenti. Ghalhekk din il-Korporazzjoni tagħti l-għajnuna kollha possibbli lill-istudenti biex isibu sponsor.
Jista' l-Ministru jgħid x'xogħol se jsir mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada f'li fadal mis-sena 2002 u fis-sena 2003 biex l-iskola primarja ta' Pembroke tkun kbira biżżejjed għall-komunita` tal-lokal?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 30413 rigward l-istess suġġett.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi konkreti ttieħdu mid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni biex jiġu indirizzati l-ilmenti mqajma minn grupp ta' ġenituri li għandhom tfal fl-iskola primarja George Schinas, Ħal-Luqa, fl-ittra tagħhom tas-7 ta' Mejju 2002 li kopja tagħha qed tintbagħat separatament?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li b'konnessjoni ma' l-ilmenti tal-ġenituri msemmija, l-Education Officer (Primary) marret tara lil din l-għalliema u ppreżentat rapport dwar ix-xogħol tagħha.
Hu maħsub li l-Education Officer waqt li tibqa' ssegwi lil din l-għalliema, terġa' tagħmel rapport dwar il-progress li jkun sar.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema full-time u part-time fil-pixxina Nazzjonali f'Tal Qroqq?
Jista' jgħid ukoll x'xogħol qed jagħmlu, meta bdew jaħdmu fil-pixxina u fejn joqogħdu dawn il-ħaddiema?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-minuti tal-laqgħat tal-kunsill Malti ta' l-isports, tal-kunsill eżekuttiv, minn meta twaqqaf sal-aħħar laqgħa li saret?
Response (GALEA, LOUIS)
Ma nħossx li huwa opportun li l-minuti tal-laqgħat tal-Kunsill Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Isport għandhom jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. Jekk l-Onor. Membru jixtieq isaqsi fuq xi aspett partikolari tal-ħidma ta' l-eżekuttiv ta' dan il-Kunsill nitolbu jagħmel mistoqsija fuq dan l-aspett.
Jista' l-Ministru jgħid jekk saritx xi laqgħa għall-ħaddiema li jaħdmu mad-dipartiment ta' l-isports fid-dawl ta' dak li qed jiġi propost fil-white paper dwar il-liġi ta' l-isports?
Jekk iva, meta saret din il-laqgħa?
Jekk le, huwa maħsub li laqgħa bħal din issir?
Response (GALEA, LOUIS)
Ma għandix xi nżid mat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 33535.
Jista' l-Ministru jgħid x'xogħlijiet twettqu fil-pixxina Nazzjonali matul is-sena 2001 u din is-sena?
Min wettaq dan ix-xogħol, kemm tħallas?
Kienx hemm sejħa għall-offerti jew inkella dan ix-xogħol ġie mogħti b'direct order?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux ippjanat li l-persuna indikata under separate cover tiġi appuntata f'kariga għolja fil-kunsill Malti ta' l-isport hekk kif il-liġi tgħaddi mill-Parlament?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma hemm ebda pjan li l-persuna indikata mill-Onor. Membru tiġi appuntata f'xi kariga għolja fil-Kunsill Malti għall-Isport meta tgħaddi l-liġi mill-Parlament.
Jista' l-Ministru jgħid minn Jannar sa April (it-tieni term) kemm kien hemm studenti assenti fl-iskejjel ta' l-istat, tal-knisja u indipendenti separatament?
Jista' jgħid kemm kien hemm studenti li ma tawx raġuni valida għaliex ma attendewx l-iskola?
Ittieħdu passi kontra xi ġenituri matul l-istess żmien?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jipreżenta kopja u jinvestiga l-livell tal-karta ta' l-eżami li ġiet mogħtija lill-istudenti tal-liceo fil-lingwa Ingliża billi kien hemm ilment ġenerali li dan kien ta' form three u mhux year six?
Response (GALEA, LOUIS)
Ġejt assigurat li l-karta ta' l-eżami tal-Junior Lyceum ta' l-Ingliż hija ta' livell xieraq u hi bbażata fuq is-sillabu tal-Year 6.
Ma jidhirx li l-istudenti sabu l-karta eċċessivament diffiċli. Uffiċjali Edukattivi li żaru l-iskejjel waqt l-eżami ma rrapportawx li l-istudenti kienu qed jiffaċċjaw xi karta diffiċli.
Jekk l-Onor. Membru qed jirreferi għat-test ta' komprensjoni, wieħed irid jagħmilha ċara li s-silta mill-ktieb imsemmi ġiet adattata għal-livell tat-tfal ta' din l-eta`.
Ma jkollix diffikolta` dwar is-suġġeriment li l-karta ta' l-eżami titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra wara li jiġu pubblikati r-riżultati ta' l-eżami tal-Junior Lyceum.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' studenti li se joqogħdu għall-eżamijiet għad-dħul fil-junior lyceum li se jsiru aktar tard dan ix-xahar? Kemm hemm studenti subien u kemm hemm bniet? Kemm għażlu li ma joqogħdux għall-eżami tar-Reliġjon?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' studenti li qagħdu għall-eżami għad-dħul fil-Junior Lyceum Mejju 2002 huwa ta' 4547.
Numru ta' subien 2418
Numru ta' bniet 2129
56 kandidat għażlu li ma joqogħdux għall-eżami tar-Reliġjon.
Jista' l-Ministru b'riferenza għad-domandi parlamentari 11601 u 30323 jikkonsidra jekk kemm-il darba huwiex possibbli li matul is-sajf dan ix-xogħol isir?
Response (GALEA, LOUIS)
F'dan l-istadju m'għandi xejn x'inżid mat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 30323.
Jista' l-Ministru b'riferenza għad-domanda parlamentari nru. 21699 rigward l-iskavi ta' Tas-Silġ jinforma lill-Kamra x'xogħol ser isir matul din is-sena u jekk it-triq li għaddejja min-nofs hiex sejra tinbidel?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom tħallew barra mid-diskors ewlenin tal-konferenza nazzjonali dwar l-istrateġija lingwistika għal Malta, d-diskorsi tal-politiċi ħlief dawk tal-Onor. Ministru?
Jaħseb li b'hekk jgħin biexikun kunsens f'dan il-qasam?
Response (GALEA, LOUIS)
Fil-ktieb imsemmi ma ġie pubblikat ebda diskors tiegħi. Għall-ktieb "Interventi" jien ġejt mitlub biss nikteb daħla li fiha rrikonoxxejt ix-xogħol kollu li sar mill-Onorevoli Ministri ta' qabli, inkluża l-ħidma ta' l-Onor. Evarist Bartolo. Fil-fatt tħallew barra wkoll id-diskorsi tiegħi u tal-Professur Albert Borg. Nassigura l-Onor. Membru li ma kein hemm ebda motiv għaliex id-diskorsi tal-politiċi, inkluż tiegħi, baqgħu barra. Informat li kien biss malintiż li m'għandu jinfluwenza b'ebda mod l-isforz għall-kunsens f'dan il-qasam.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija nru. 33073 u cioe, jista' jgħid x'inhi l-policy tal-monitoring board dwar għoti ta' permess lill-barranin biex jgħallmu l-Ingliż fil-qasam tal-EFL lokali?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li jingħata permess lill-barranin biex jgħallmu l-Ingliż fil-qasam ta' l-EFL lokali jekk dawn il-barranin:
1. ikollhom il-work permit,
2. jissodisfaw il-kwalifiki skond il-liġi li tirregola t-tagħlim ta'
l-Ingliż ta' l-EFL lokali.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija nru. 33071 u cioe, jista' jgħid x'persentaġġ ta' teachers barranin għandna hawn Malta paragunati man-numru ta' teachers Maltin impjegati fil-qasam tal-EFL tat-tagħlim ta' l-Ingliż?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-persentaġġ ta' teachers barranin li għandna hawn Malta paragunat man-numru ta' teachers Maltin impjegati fil-qasam ta' l-EFL tat-tagħlim ta' l-Ingliż huwa 4.4%.
Jista' l-Ministru jgħid kif il-ministeru jiżgura li ma tinkisirx il-liġi tal-copyright kif ukoll li jiġu mħarsa l-foreign copyright rights minħabba l-photocopying li jsir fl-iskejjel ta' kull livell?
Billi fil-library photocopying guidelines ta' l-Universita` jintqal li copyright clearance assistance may be obtained by contacting the librarian's office tista' tgħid x'isir fil-prattika, l-aktar fejn jidħlu foreign copyright rights? X'tip ta' awtorizzazzjoni tingħata?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Dipartiment tal-Kurrikulu qed jiġi gwidat mil-linji ta' gwida dwar il-'copyright' li ġew mogħtija waqt laqgħa li d-Dipartiment ta' 'Student Services & International Relations', sezzjoni tal-libreriji, għamel għan-nies tad-Diviżjoni u għall-iskejjel.
Informat ukoll li bħalma jsir f'bibljoteki akkademiċi madwar id-dinja l-Bibljoteka ta' l-Universita` tippubblika brochure apposta u twaħħal avviżi ċari biex tiġbed l-attenzjoni tal-qarrejja dwar il-provvedimenti tal-liġi Maltija dwar il-copyright u b'mod partikolari dwar x'inhu permissibbli taħt il-klawsola tal-fair dealing. Il-Bibljoteka tagħmilha ċara li r-responsabbilta` għall-copyright clearance għal riproduzzjonijiet li jmorru 'l hinn mill-provvedimenti tal-fair dealing taqa' fuq il-qarrej, pero` l-Bibljoteka toffri l-għajnuna biex wieħed ikun jista' jistabbbilixxi kuntatt, speċjalment ma' publishing houses, f'dan ir-rigward. Il-Bibljoteka ma tirrikonoxxix fotokpjar oltre l-provvedimenti tal-fair dealing jekk mhux bl-awtorizzazzjoni ta' l-entita` li tgawdi d-drittijiet tal-copyright.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija nru. 33069 u cioe, jista' jgħid x'inhi l-policy bħalissa tal-monitoring board għall-EFL schools dwar applikazzjonijiet għall-permessi ta' skejjel ġodda fil-qasam tat-tagħlim ta' l-ingliż meta dawn l-applikazzjonijiet ġejjin minn individwi jew entijiet barranin?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-każ ta' applikazjonijiet għal permessi ta' skejjel ġodda fil-qasam tat-tagħlim ta' l-Ingliż (EFL), meta dawn jiġu minn individwi jew entitajiet barranin, il-Monitoring Board jesiġi li l-applikanti għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet mitluba skond il-liġi.
'Guidelines' dwar dan huma aċċessibbli anke fuq l-Internet.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija nru. 32986 u cioe, jista' jgħid x'xogħol għaddej bħalissa ta'
1) manutenzjoni
2) bini
fl-iskejjel?
F'kull każ f'liema skejjel u x'inhi l-istima tax-xogħol u meta hu maħsub li jitlesta?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li l-informazzjoni għadha ma waslitx, tweġiba nagħtiha f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-Kummissjoni Nazzjonali Folklor mhijiex qiegħda tiltaqa'? X'inhi r-raġuni li twaqqaf executive committee fi ħdan din il-kummissjoni u jekk hemmx approvazzjoni tal-Ministru? Min qed jagħti l-istruzzjonijiet minn wara dahar il-kummissjoni, u min qiegħed japprova ċerti deċiżjonijiet bħalma huma ta' safar, tenders, regolamenti oħra? Kemm-il darba ċ-chairman ta' din il-kummissjoni siefer fuq xogħol tagħha u jekk qiegħed jieħu xi tip ta' allowance?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kummissjoni Nazzjonali Folklor iltaqgħet tlettax-il darba minn mindu twaqqfet f'April 2001. Dan apparti numru kbir ta' laqgħat informali li saru minn sotto-kumitati mwaqqfa ad hoc dwar events partikolari. Informat ukoll li minħabba l-fatt li t-termini ta' referenza tal-Kummissjoni Folklor huma wesgħin ħafna, sar qbil bejn l-10 membri tal-Kummissjoni li jkun iffurmat executive committee ta' ħames membri taħt iċ-Chairperson, li jiltaqa' spiss biex jevalwa x-xogħol tas-sotto-kumitati. Il-Kummissjoni kollha tiltaqa' anqas spiss biex tiddiskuti u tiddefenixxi linji ġenerali tal-politika tagħha. Deċiżjonijiet ta' tenders, overtime u spejjeż ta' safar huma approvati mid-Direttur tal-Kultura. Iċ-Chairman siefer tliet darbiet fuq xogħol tal-Kummissjoni. M'hi qed tingħata ebda allowance liċ-Chairman.