B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari nru. 27161, jista' l-Ministru jagħti l-isem tal-perit inkarigat mix-xogħol min-naħa tal-kuntrattur?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-periti nkarigati mill-proġett huma Mr Robert Sant, Mr Etienne Magri u Mr Lino Cachia.
Jista' l-Ministru jgħid kemm sewa x-xogħol tat-tarmac li sar fil-parti żgħira tat-Triq Prinċipali tal-Wardija? Kemm huwa kkalkulat li jiswa x-xogħol ta' l-għoti tat-Tarmac li jonqos jsir f'din it-Triq? Meta se jitkompla x-xogħol fuq l-għoti tat-tarmac tat-Triq Prinċipali tal-Wardija
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol ta' l-asfaltar imsemmi mill-Onor. Interpellant sar mill-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar.
Il-kumplament tax-xogħol li jrid isir inkluż il-bini tal-ħitan hu stmat li jkun jiswa 'l fuq minn Lm100,000.
Jista' d-Dipartiment tal-liċenzji u t-testijiet jikkonferma jekk il-kontroparti tal-liċenzja tas-sewqan hix biżżejjed sabiex wieħed isuq f'pajjiż tal-UE? Jiġix aċċettat il-kontroparti tal-liċenzja tas-sewqan minn Car Hire Services? Meta se jibdew jintbgħatu l-liċenzjia photocars?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li mill-1 ta' Jannar ta' din is-sena l-liċenzja tas-sewqan tikkonsisti minn żewġ dokumenti, jiġifieri mill-liċenzja photocard u mill-Kontroparti tal-Liċenzja.
Billi kien hemm xi diffikultajiet waqt il-proċess tat-tender għall-provista tal-photocards, id-Dipartiment tal-Liċenzji u t-Testijiet qed joħroġ biss il-Kontroparti tal-Liċenzja u din waħedha hija valida bħala liċenzja tas-sewqan sakemm il-liċenzja photocard tintbagħat aktar tard din is-sena lil dawk kollha li jkunu ġeddew il-liċenzja tas-sewqan il-qadima.
Għaldaqstant dawk il-pajjiżi ta' l-U.E. li kienu jaċċettaw il-liċenzja Maltija qabel l-1 ta' Jannar, issa qed jaċċettaw ukoll il-liċenzja (il-kontroparti) kif qed toħroġ issa.
Rigward il-Car Hire Servoces (Public Servoce Garages) dawn huma obbligati jaċċettaw il-kontropartri tal-liċenzja tas-sewqan għas-sempliċi raġuni li għalissa din hija l-liċenzja tas-sewqan.
Il-liċenzja phtocard mistennija tibda tintbagħat lil dawk li ġeddew il-liċenzja tas-sewqan il-qadima matul ix-xahrejn li ġejjin.
Jista' l-Ministru jinformana kemm swew s'issa x-xogħlijiet li saru mindu nbdew xogħlijiet fil-partijiet tat-triq f'Ħ'Attard minn ħdejn Wied Inċita u l-parti ħdejn Monte Carmeli?
Kemm minn dawn l-ispejjeż tħallsu matul dawn l-aħħar sentejn u għaliex dan ix-xogħol qed jieħu daqstant ħin sabiex jiġi finalizzat?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħolijiet f'Ħattard fil-limiti ta' Wied Inċita, Monte Carmeli u Triq Tumas Chetcuti hu stmat li ser jiswew Lm357,000 u x-xogħol li sar s'issa jammonta għal Lm313,000 u minnhom tħallsu Lm257,000.
Ix-xogħol li jonqos li jsir huwa t-tqiegħed tal-wiċċ tat-triq f'Imdina Road. Dan irid isir meta jitlesta' x-xogħol tad-dranaġġ fi Triq Nutar Zarb biex il-main jibda jaħdem u fuqu jaqgħad il-main ta'Misraħ Kola li tagħqida għalih trid isir ħdejn Wied Inċita.
Jista' l-Ministru jispjega l-kriterji ta' Artiklu 34 subclause 1 tal-Malta Maritime Act (No.XVII of 1999) u cioe' għaliex dan l-artiklu jispjeċifika li l-awtorita' tista' tieħu liċ-ċittadin il-liċenzja nawtika bla ebda raġuni?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nassumi li l-Artiklu 34 subclause 1 li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant hu dak inkluż fis-Small Ships Regulations 2001 u mhux fil-Malta Maritime Act (No XVII ta` l-1999).
Din il-proviżjoni fir-regolamenti fejn l-Awtorita` Marittima tista` tissospendi, tħassar jew tirrevoka l-liċenzji hija ntiża għall-każijiet estremi u mprevedibbli li jistgħu jinqalgħu. Din l-azzjoni minn naħa ta` l-Awtorita` tittieħed speċjalment biex tipproteġi l-ħajja tal-pubbliku ġenerali kontra xi perikli.
Jista' l-Ministru jgħid kemm persuni wżaw it-trasport pubbliku
1) f'Malta
2) f'Għawdex
fl-1998, 1999 u fis-sena 2000?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li n-numru ta' persuni li użaw it-trasport pubbliku huwa hekk:
MALTA GĦAWDEX
1998 33,291,251 385,000
1999 32,479,270 384,000
2000 31,100,360 480,000
Jista' l-Ministru jgħid jekk teżistix xi riċerka li jaf biha l-Ministeru jew l-Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku li turi liema huma r-rotot tal-karozzi tal-linja li jħallu qliegħ u liema jħallu telf? Jista' jpoġġi t-tagħrif relevant fuq il-Mejda tal-Kamra
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-informazzjoni mitluba qed tinġabar u risposta tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jagħti lista ta' dawk il-kumpanniji li f'Ġunju 2001 kienu reġistrati bħala internet service providers (ISP)? Jista' l-Ministru jgħid kemm kellhom abbonati bejniethom? Hemm applikazzjonijiet pendenti għal liċenzji ta' ISP?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-
Internet Service providers
huma:
Fastnet, Webwaves, Kemmunet, ESI, Euroweb, Telemail, Mednet, Waldonet, NextGen, Melitanet, Maltanet, Camline, RIM 2000, MITTS, IT & T u Primatele.
Jien infurmat ukoll li bħalissa m'hemm l-ebda applikazzjoni pendenti għal liċenzi ġodda għal Internet Service Providers.
Dwar l-ewwel parti tad-domanda nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari Nru. 27217.
B'referenza għall-rapport li deher fil-ġurnal 'Il-Mument' ta' l-24.06.01 fl-aħħar paġna jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk it-toroq arterji u sekondarji li qiegħed issir xogħol fuqhom?
Jista' f'kull każ jgħid kemm huwa stmat li ser jiġi jiswa x-xogħol, min qed jgħamlu u jekk ingħatax b'direct order jew b'tender?
Response (GALEA, ĊENSU)
Dwar l-ewwel parti tal-mistoqsija nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta diġa mgħotija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 25306.
L-informazzjoni mitluba fit-tieni parti tal-mistoqsija qiegħda tinġabar u r-risposta tingħata f`seduta oħra.
Jista' l-Ministru jara jekk tistax tinsab alternattiva ta' l-ipparkjar fi Triq l-Inkurunazzjoni l-Mosta sabiex jiġi rimedjat l-inkonvenjent tar-residenti li qed jispiċċaw ma jistgħux jipparkjaw wara djarhom minħabba li l-parking qed ikun okkupat minn persunii oħra li ma humiex residenti lanqas ta' l-inħawi?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-problema ta` parkeġġ għar-residenti qed tinħass mhux biss fit-triq indikata mill-Onor. Interpellant, iżda f`ħafna postijiet oħra. Il-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku qed jistenna l-ħruġ ta` rapport ta` l-Steering Committee for the Creation of Residents and Commercial Parking Schemes qabel japprova talbiet għall-parkeġġ riservat għar-residenti.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li kaptella tal-culvert imkissra fi Triq il-Madaffa, Zabbar, għadha ma ssewwietx għalkemm saru ħafna rapporti biex tissewwa?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol indikat jaqa' taħt ir-responsabilta' tal-Kunsill Lokali.
Jista' l-Ministru jgħid meta se titkompla tingħata l-asfalt Triq is-Sorijiet, Tarxien, li issa ilha maqlugħha għal ġimgħat sħaħ, peress illi din it-triq tintuża ħafna u lanqas huwa xieraq li l-abitanti ta' din it-triq jibqgħu f'dan l-istat?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li peress li x-xogħol tal-culverts irriżulta fi ħsara aktar milli mistennija, fit-triq qed isiru arranġamenti biex l-asfalt ta` din it-triq ikun jista` jingħata l-wisgħa kollha u peress li dan huwa addizzjonali għall-kuntratt qed jintemmu proċeduri biex il-kuntratt jikber u jkopri wkoll dan ix-xogħol.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-valur tat-tender tat-triq tas-Salina/San Pawl tat-Tarġa li qiegħda issir bħalissa? Min rebah din it-tender? Xi kemm se tieħu żmien din it-tender u meta se jitlesta x-xogħol? Min hu l-perit (mhux id-ditta) tal-kuntrattur inkarigat minn dan ix-xogħol?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-valur tat-tender li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant jammonta għal Lm1,413,677 u l-kuntratt ġie mogħti lid-ditta Penza Tarmac Ltd u mistenni jitlesta fi żmien tnax-il xahar.
Il-kuntrattur hu responsabbli mid-disinn tat-triq u għal dan il-għan ħatar lid-ditta Design Resources biex tagħmel id-disinn u tkun responsabbli mix-xogħol.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-valur tat-tender tat-triq li tifforma ring road madwar il-kosta li qiegħda issir bħalissa? Min rebah din it-tender? Xi kemm se tieħu żmien din it-tender u meta se jitlesta x-xogħol? Min hu l-perit (mhux id-ditta) tal-kuntrattur inkarigat minn dan ix-xogħol?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li t-titjieb li qed isir fil-Coast Road is-Salina qed isir f`fażi wara l-oħra mid-Dipartiment tat-Toroq.
Fil-preżent qed titkompla l-bankina f`din it-triq u qiegħed isir xogħol biex it-triq tiddawwal.
Ix-xogħol li qiegħed isir bħalissa huwa f'idejn l-Asfalt Ltd. u jammonta għal Lm19,000.
Jogħġbu l-Ministru jixtarr il-possibbilta' li index dwar l-ultra violet (UV) matul diversi ħinijiet tal-ġurnata jibda jiġi mxandar, flimkien mar-rapport tat-temp, ta' kuljum?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi l-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jinformana meta se jingħata t-tarmac fil-partijiet ta' Imtarfa Road u parti ta' St David Road? Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq għadu għaddej bil-konsultazzjonijiet mal-Utilities sabiex ikun stabbilit x`servizzi jridu jitqegħdu jew jinbidlu qabel ix-xogħol tat-tarmac ikun jista' jsir. Tajjeb jingħad li dawn il-kontribuzzjonijiet inbdew b'inizjattiva ta' l-istess Ministeru għat-Trasport u Kommunikazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru bookings u eventwalment inħarġu biljetti għas-safar għal ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mit-22 ta' Ġunju 1999 sal-lum?
Jista' l-Ministru jgħid separatament:
(1) għand liema aġenziji saru dawn il-bookings u mingħand liema aġenziji nxtraw il-biljetti ta' l-ajru;
(2) kull aġenzija kemm tħallset għal dawn il-biljetti;
(3) għal liema destinazzjonijiet inħarġu dawn il-biljetti?
(PQ waslet 6/6/2001)
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien m'iniex sodisfatt li l-utilita' ta' l-informazzjoni dettaljata mitluba fil-mistoqsija Nru. 26820 tiġġustifika li nordna li din għandha tinġabar.
Għalhekk sakemm ma ningħatax raġuni 'l għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li l-informazzjoni tinġabar.
Jista' l-Ministru jara li jsir il-kordinament meħtieġ sabiex tiġi rranġata l-bankina zdinkata li hemm fi Triq Alan Fenech? Peress li r-residenti nkluz it-tfal u l-anzjani qed jiffaċjaw inkonvenjent kbir, jista' jara li l-Awtoritajiet konċernati jwettqu x-xogħlijiet meħtieġa?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol indikat jaqa` taħt ir-responsabilta tal-Kunsill Lokali.
Peress li Triq Patri Ġuże' Delia, il-Mosta ilha żmien twil fi stat ħażin, jista' l-Ministru jara li tiġi rranġata ħalli jispiċċa l-inkonvenjent għar-residenti? Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol indikat jaqa` taħt ir-responsabilta tal-Kunsill Lokali.