Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — xogħlijiet lill-kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħol ingħata mill-Ministeru jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu lill-kumpanija lid-dettalji dwarha qed jingħataw separatament bejn l-2004 u Marzu 2013? Jista’ jgħid għal kull każ, jekk ix-xogħol ingħatax b’direct order jew tender u kemm kienet l-ispiża għal kull każ?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li jien infurmat illi l-kumpanija msemmija fil-Mistoqsija ingħatat 43 direct order bejn l-2004 u Marzu 2013, li ammontaw għat-total ta €7,412.72, kif muri fit-Tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima – membri tal-istakeholder group

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-istakeholder group li waqqaf il-Ministeru tiegħu u liema entitajiet jirrappreżentaw?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-istakeholders’ group huwa ffurmat minn 14 ir-rappreżentant kif ġej: The Malta Hotels and Restaurants Association, The Federation of Building and Civil Engineering Contractors, The Malta Chamber of Commerce Enterprise and Industry, GreenPak, Green MT Ltd, the General Retailers and Traders Union, The Environment Protection Directorate within the Malta Environment and Planning Authority, l-Assoċjazzjoni Operaturi Ndafa Pubblika, rapprezentanza tal-operaturi privati, WasteServ, The Gozo Business Chamber, l-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali, the Parliamentary Secretariat for Local Government u l- Kummissjoni Ambjent tal-Knisja. L-istess bħal f’każi oħra, kuntrarju għall-prassi tal-imgħoddi, il-Ministeru dejjem ħalla f’idejn l-organizzazzjonijiet rispettivi biex jinnominaw ir-rapreżentanti tagħhom.

Civil Amenity Site

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-ħsieb tal-Gvern sabiex jutilizza l-€500,000 li l-iżviluppaturi tal-post li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament kienu intrabtu li jgħaddu lill-awtoritajiet ċivili ħalli l-Gvern jagħmel Civic Amenity Site fil-viċinanzi tal-proġett?

Response (BRINCAT, LEO)

Naħseb illi l-Onor. Interpellant mhux jiddistingwixxi bejn Civic Amenity Site u Bring-In Site, għaliex l-uniku kuntratt li nstab fil- Ministeru ma jirreferi fl-ebda waqt għal Civic Amenity Site imma għall-Commercial Bring-in Site.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u Tibdil fil-Klima — xogħlijiet lill-kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħol ingħata mill-Ministeru jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu lill-kumpanija lid-dettalji dwarha qed jingħataw separatament bejn l-2004 u Marzu 2013? Jista’ jgħid għal kull każ, jekk ix-xogħol ingħatax b’direct order jew tender u kemm kienet l-ispiża għal kull każ?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li fil-perjodu msemmi ma ngħata’ l-ebda xogħol lill-kumpanija indikata.

Fondi tal-Unjoni Ewropea — proġetti

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienil-pagament li sar mill-fondi tal-Unjoni Ewropea għal dak li jikkonċerna proġetti marbuta mat-trobbija tal-annimali, għall-żviluppi ta' kostruzzjoni kif ukoll minħabba investimenti oħra, xahar b'xahar, matul din l-aħħar sena?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

Majjali – tagging

Question

Jista' l-Minstru jgħid kemm kien in-numru ta' majjali (qżieqeż) li ġew tagged kull xahar matul din l-aħħar sena? Dan in-numru kif jitqabbel għaż-żewġ perjodi preċedenti għal dan il-perjodu xahar b'xahar?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni miġbura mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, il-qżieqeż żgħar jew majjali tas-simna qatt ma kien isir ‘tagging’ fuqhom u għalhekk l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant m’hiex disponibbli.

Serer – applikazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' applikazzjonijiet għall-bini ta' serer li ġew approvati mid-dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru tal-Agrikoltura, matul dawn l-aħħar tnax-il xahar? Kemm hi l-area mgħottija permezz ta' dawn is-serer, u jista' jgħid ukoll f'liema lokalitajiet jinsabu dawn l-istess serer li ġew approvati?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, matul dan l-aħħar tnax-il xahar inħarġu disa’ permessi għal serer hekk kif elenkati fit-tabella li qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ta' Qali — trasferiment ta' Pitkalija

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru hux qed jippjana li l-Pitkalija titneħħa minn Ta' Qali u tiġi rilokata x'imkien ieħor? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk jeskludix li l-Pitkalija titneħħa minn fejn qiegħda bħalissa, u titpoġġa x'imkien ieħor?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li f’dan l-istadju m’hemm l-ebda pjan ta’ rilokazzjoni tal-Pitkalija kif qed jingħad fil-Mistoqsija.

Bdiewa — għajnuna għall-agrikoltura

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'passi qed jittieħdu mill-Ministeru biex il-bdiewa jkomplu jingħataw għajnuna tant neċessarja, biex ikomplu jagħmlu l-iżvilupp li hu meħtieġ għall-agrikultura? B'mod partikulari, jista' jagħti tagħrif dwar jekk hux se jkun hemm xi skema biex il-bdiewa jkollhom iktar fejn jaħżnu l-ilma tax-xita?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li jiena nfurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li għaddejjin konsultazzjonijiet bejn il-Ministeru tiegħi u dak responsabbli mill-fondi ewropej sabiex is-settur agrikolu jingħata importanza. Fil-fatt il-Ministeru tiegħi ħejja abbozz tal-Pjan għall-Iżvilupp Rurali wara konsultazzjoni vasta mas-setturi kkonċernati. Dan l-abbozz, li jinkludi miżuri immirati għall-iżvilupp tas-settur agrikolu u l-ħarsien tal-ambejnt rurali kif ukoll miżuri għall-konservazzjoni tal-ħażna tal-ilma, ingħata lill-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Implimentazzjoni tal-Manifest Elettorali sabiex ikun assigurat li s-settur jingħata l-importanza li jixraqlu.

Flyers imqassma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jittieħdu miżuri biex titnaqqas il-kwantità kbira ta’ karti u flyers b’reklami u promozzjonijiet li jintefgħu kważi kuljum fil-kaxxi tal-ittri u li ħafna minnhom ikunu repetuti u li ċertament huma kaġun ta’ ħela ta’ karti li jispiċċaw tagħbija fuq is-sistema ta’ ġbir ta’ skart domestiku?

Response (BRINCAT, LEO)

Tajjeb li wieħed ifakkar li f’Jannar illi għadda, Malta adottat Pjan Strateġiku dwar l-Immaniġġar tal-iskart, b’emfażi fuq l-użu effettiv tar-riżorsi disponibbli li għandna, fosthom l-iskart. Dan il-Pjan ser iservi sabiex Malta tilħaq l-obbligi tagħha fl-2020, kif inhuma stabbiliti fid-diversi Direttivi tal-Unjoni Ewropea. Is-suċċess ta’ dan il-Pjan, mhux biss jitlob implimentazzjoni effettiva minnaħa tal-Gvern pero’, jitlob ukoll il-kooperazzjoni u l-interess tal-pubbliku inġenerali. Għaldaqstant, dan il-Pjan ġie mfassal b’tali mod sabiex jiġbor fi ħdanu strateġija dwar kif il-Gvern ser jindirizza il-ġenerazzjoni tal-iskart. Dan il-Pjan ser ikun akkompanjat minn kampanja edukattiva effettiva, li l-għan prinċipali tagħha sejra tkun sabiex nedukaw lill-pubbliku inġenerali dwar x’miżuri wieħed jista’ jieħu sabiex inaqqas milli jiġġenera skart bla bżonn. Fosthom, miżuri immirati għat-tnaqqis fl-użu ta’ karti u materjal promozzjonali ieħor, bħal ngħidu aħna flyers, magazines, eċċetera, eeċċetera.

Twaqqiegħ ta' ċint t'Għalqa — każ ta' individwu

Question

Jista' l-Ministru jara li jiġi kkuntattjat l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward twaqqiegħ ta' ċint t'għalqa li hi proprjetà tal-Gvern?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li jiena nfurmat li minn spezzjoni li saret minn Uffiċjali tad-Dipartiment tal-Agrikoltura, il-ħsara inkwestjoni, li hija waħda minima, fil-fatt hija f’ħajt li jgħati għall-għalqa tal-Gvern li hija mikrija lill-persuna msemmija mill-Onor. Interpellant. Għalhekk il-kwistjoni ma tikkonċernax il-Ministeru tiegħi.

San Pawl il-Baħar — applikazzjonijiet għal qtugħ ta' siġar

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru rċeviex applikazzjonijiet biex ikunu jistgħu jinqatgħu/ jinqalgħu siġar li hemm fi Triq il-Mosta, u f'Wesgħa Doris Zarb, f'San Pawl il-Baħar? Jekk iva min għamel tali talbiet?

Response (BRINCAT, LEO)

Fil-waqt li nfakkar lill-Onor. Interpellant li biex jinqalgħu siġar, wieħed irid jirrikorri għand il-MEPA, jiena nfurmat li l-Ministeru ma rċieva l-ebda talba tat-tip li qed jgħid l-Onor. Interpellant.

Xogħlijiet fil-coast road — tneħħija ta' siġar

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif kien involut (jekk kienx involut), il-Ministeru tal-Ambjent, għal dak li jikkonċerna t-tneħħija ta' numru kbir ta' siġar li nqatgħu jew inqalgħu, b'riżultat tax-xogħol li qed isir fil-coast road? Jekk iva, x'kienu l-pariri li ngħataw min-naħa tal-Ministeru?

Response (BRINCAT, LEO)

Fil-waqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 9595, jiena nfurmat li d-Direttorat tal-Parks u Inizzjattivi fi ħdan il-Ministeru tiegħi ġie mitlub mill-Management Embellishment and Landscaping Project (MELP) li jaqa’ taħt l-Ministeru tat-Transport u l-Infrastruttura sabiex jgħinhom fir-rilokazzjoni ta’ xi siġar. Fil-fatt bis-saħħa t’hekk erba’ siġriet tat-Tamarisk Afrikan, tlett siġriet tal-Ħarrub u żewġ siġriet taż-Żebbuġ ġew imħawla fil-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — xogħlijiet lill-kumpanija

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'xogħlijiet ingħataw lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mill-Ministeru u mill-entitajiet, aġenziji, awtoritajiet, korporazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu bejn Jannar 2009 u Marzu 2013, sena b’sena? Jista’ jgħid fiex kien jikkonsisti x-xogħol u kemm kien il-ħlas li sar f’kull każ? Jista’ jgħid jekk kull biċċa xogħol ingħatatx wara sejħa għall-offerti jew jekk hux permezz ta’ direct order?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li fil-perjodu msemmi ma ngħata’ l-ebda xogħol lill-kumpanija indikata

Persuni li nqabdu jistadu 'l ġewwa mill-marki tal-limitu tas-sajd

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm każijiet fejn persuni nqabdu jistadu 'l ġewwa mill-marki li hemm li jiddelinjaw il-limitu tas-sajd, fil-bajjiet Maltin u b'mod partikolari kemm kien hemm persuni li nqabdu jistadu 'l ġewwa minn dawn is-sinjali f'San Pawl il-Baħar matul l-aħħar 12-il xahar?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ma kien hemm l-ebda każ bħal dak li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant

Avviżi legali 321/2011 u 77/2013

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk ir-regolamenti pubblikati fl-Avviżi Legali 321/2011 u 77/2013 għadhomx japplikaw?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ir-risposta hija fl-affermattiv.

Sajjieda li tnaqqsilhom id-diesel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta' sajjieda li tnaqqsilhom l-ammont ta' diesel li għandhom dritt għalih, skont il-qabdiet tas-sajd li jkollhom? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi diskussjoni dwar dan il-punt mal-koperattivi tas-sajjieda, u x'kienu r-reazzjonijiet tagħhom?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ma kien hemm l-ebda każ fejn xi sajjied tnaqqaslu l-ammont ta’ diesel li kellu dritt għalih skont il-qabda tiegħu. Għandu jkun ovvju għall-Onor. Interpellant li jekk id-Dipartiment jara li l-informazzjoni li tkun ingħatat dwar il-qabda tkun żbaljata dan jikkoreġi l-affarijiet kif titlob is-serjeta` u t-trasparenza.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — xogħlijiet minn kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kuntratt jew xogħol ħadu l-kumpaniji li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament mill-Ministeru tiegħu, inkluż kull entità, dipartiment, awtorità u simili li jaqgħu fi ħdanu, mid-9 ta’ Marzu 2013 sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza? Kemm kien il-valur ta’ kull kuntratt/xogħol u f’kull każ inħarġu sejħiet għall-offerti pubbliċi?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru, d-Dipartimenti, l-Entitajiet u Awtoritajiet li jaqgħu fi ħdanu għamlu użu mis-servizzi tal-kumpaniji msemmija minnu bi spiża medja ta’ €357 kull darba. F’kull każ ġew segwiti r-regoli finanzjarji tas-Servizz Pubbliku.

Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali — xogħlijiet minn kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kuntratt jew xogħol ħadu l-kumpaniji li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament mis-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali, inkluż kull entità, dipartiment, awtorità u simili li jaqgħu fi ħdanu, mid-9 ta’ Marzu 2013 sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza? Kemm kien il-valur ta’ kull kuntratt/xogħol u f’kull każ inħarġu sejħiet għall-offerti pubbliċi?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba għal din il-mistoqsija ngħatat fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 5968.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — xogħlijiet lill-individwu

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'xogħlijiet ingħataw lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament mill-Ministeru u mill-entitajiet, aġenziji, awtoritajiet, korporazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu bejn Settembru 1998 u Marzu 2013, sena b’sena (inkluż ħatriet f’bordijiet, anki ta’ Segretarju) ? Jista’ jgħid fiex kien jikkonsisti x-xogħol u kemm kien il-ħlas li sar f’kull każ? Jista’ jgħid jekk kull biċċa xogħol ingħatatx wara sejħa għall-offerti jew jekk hux permezz ta’ direct order?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li fil-perjodu msemmi ma ngħata’ l-ebda xogħol lill-individwu indikat.