Bord tal-Matsec — Eżamijiet tal-Matematika u Fiżika
Question
Peress li fi stqarrija mill-Bord tal-Matsec dwar l-eżamijiet tal-Matematika u l-Fiżika maħruġa fis-26 ta’ Mejju 2015 kien intqal hekk: “Madankollu fil-każ tal-eżami tal-Matematika fil-livell Intermedju l-panel jikkonferma li l-mistoqsija numru 10 tal-eżami, li inzertat l-aħħar mistoqsija, kienet fuq materja li mhix fis-sillabu. Din il-mistoqsija kienet iġġorr sitt marki. Il-Bord tal-Eżamijiet tal-Matsec jiddispjaċieh dwar dan in-nuqqas u ser jieħu l-passi meħtieġa biex il-kandidati ma jkunux żvantaġġjati”, jista’ l-Ministru jgħid x’passi se jittieħdu biex il-kandidati ma jkunux żvantaġġjati?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li fl-eżami tal-Matematika fil-livell Intermedju qed tingħata konsiderazzjoni speċjali tan-nuqqas li kien hemm f’mistoqsija numru 10 u meta ser jingħataw il-gradi skont ir-riżultati tal-marki li jġibu l-istudenti, il-Bord tal-Matsec ser jassigura li d-distribuzzjoni tal-gradi tkun fuq l-istess linji ta’ dawn l-aħħar ħames snin.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti li qed jattendu l-Alternative Learning Programme f’nofs Ottubru 2014? Kemm hemm studenti li baqgħu jattendu sa nofs April 2015?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ studenti li kienu jattendu l-Alternative Learning Programme f’nofs Ottubru 2014 kien 251, filwaqt li f’nofs April 2015 kien 198.
Alternative Learning Programme – tfal li qagħdu għall-eżamijiet tas-Sec
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm tfal li attendew l-Alternative Learning Programme u li qagħdu għall-eżamijiet tas-SEC? Jekk iva, kemm kien hemm? Għal liema eżamijiet qagħdu?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li mill-informazzjoni li għandha l-iskola, fis-sena skolastika 2014–2015 ma kienx hemm studenti tal-Alternative Learning Programme (ALP) li qagħdu għall-eżamijiet tas-SEC.
L-Alternative Learning Programme huwa maħsub biex iwassal lill-istudenti għal kwalifiċi tal-Ewwel u t-Tieni Livell fuq il-Qafas Malti tal-Kwalifiċi.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm għalliema applikaw għal sabbatical? Jista’ jgħid xi kriterji ntużaw? Jista’ jpoġġi kopja ta’ dawn il-kriterji tal-għażla fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista’ jgħid minn min kien iffurmat il-Bord tal-Għażla għall-għalliema li talbu li jieħdu sabbatical?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-għadd ta’ persuni fi gradi ta’ għalliema li applikaw għall-Paid Study Leave kien ta’ wieħed u għoxrin (21).
Il-kriterji tal-għażla huma kif ġej:
1. Relevance of Studies 25 %
2. Recommendations and Motivational Statement 25 %
3. Track Record (C.V. & GP 47) 25 %
4. Previous Paid / Unpaid leave during the last 3 years 25 %
Il-Bord tal-Għażla hu kompost minn Chairperson u żewġ membri li l-ismijiet tagħhom qed jingħataw lill-Onor. Interpellant separatament.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux beħsiebu joħroġ opportunitajiet ta' xogħol għal studenti li jkunu lestew dawn il-korsijiet:
(a) MCAST-BTEC Extended Diploma in Agriculture;
(b) MCAST-BTEC Higher National Diploma in Horticulture (Garden Design); u
(c) Bachelor of Science (Honours) in Horticulture?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Membru li r-responsabbiltà tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol hi li jagħti opportunitajiet lill-istudenti biex jiżviluppaw il-ħiliet u kompetenzi ħalli jkunu jistgħu jirrispondu għad-domanda fis-suq tax-xogħol f’firxa wiesgħa ta’ ħiliet. L-opportunitajiet ta’ xogħol fid-diversi oqsma, inkluż l-oqsma indikati mill-istess Onor. Membru, ma joħorġux neċessarjament minn dan il-Ministeru.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' Għawdxin li qed jirreġistraw għax-xogħol f'Għawdex fuq kull parti tar-reġistru? B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 16439 fejn il-Ministru nforma lill-Kamra li kien hemm 31 persuna li nqatgħu mir-reġistru f'Għawdex mill-2013 sal-lum, jista' jgħid kemm minn dawn attwalment qed jerġgħu jirreġistraw għax-xogħol taħt xi parti mir-reġistru ta' dawk li jkunu qed ifittxu x-xogħol?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li f’April 2015 in-numru ta' Għawdxin li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol f'Għawdex fuq l-ewwel parti tar-reġistru kien ta' 715-il persuna filwaqt li 24 persuna kienu qed jirreġistraw fuq it-tieni parti tar-reġistru. Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellant li mill-31 persuna li nqatgħu mir-reġistru f'Għawdex mill-2013 sa Marzu 2015, 11 minnhom kienu qed jirreġistraw għax-xogħol fl-aħħar ta’ April 2015.
Għawdex — Skema għal studenti - esperjenza ta’ xogħol
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk għas-sajf li ser jibda dalwaqt hux ser terġa’ ssir l-iskema inti¿a biex studenti Għawdxin jieħdu esperjenza ta’ xogħol mal-privat jew ma’ entitajiet tal-Gvern f’Għawdex? Jista’ jgħid jekk ser issir kemm ser ikunu l-istudenti li jibbenefikaw minn din l-iskema u għal kemm sigħat fil-ġimgħa? Jekk din l-iskema mhux ser issir, jista’ jagħti r-raġuni?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li din is-sena wkoll il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol ħaseb biex jagħmel skema biex l-istudenti jingħataw esperjenza ta’ xogħol kemm f’dipartimenti tal-Gvern, entitajiet privati u għaqdiet tal-istudenti. L-istudenti tal-Università u għall-ewwel darba tal-MCAST Livell 5 u 6, ġew mitluba biex japplikaw online mis-sit tal-Edukazzjoni, liema applikazzjoni għalqet il-Ġimgħa 29 ta’ Mejju. Applikaw taħt din l-iskema aktar minn 1,300 studenti, liema applikazzjonijiet qed jiġu proċessati għall-eliġibilità tagħhom. Bħal fis-snin ta’ qabel studenti Għawdxin jingħataw prijorità biex jaħdmu ġewwa Għawdex iżda dan jiddependi mit-talba ta’ min ser iħaddem. L-applikazzjoni għal min qed joffri x-xogħol għadha miftuħa. L-istudenti jaħdmu 80 siegħa mifruxa fuq erba’ ġimgħat, jiġifieri 20 siegħa kull ġimgħa, u huma intitolati għal leave u sick leave pro rata.
Università ta’ Malta u Campus FM – Kariga ta’ persuna
Question
Jista’ l-Ministru jispeċifika kemm għandha salajru l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatment bħala Station Manager tal-Campus FM? Kemm huwa s-salarju tiegħu bħala lecturer mal-Università ta’ Malta? Kemm kien id-dħul globali ta’ din il-persuna għas-sena 2014 meta jittieħdu in konsiderazzjoni s-salarju, bonuses u allowances applikabbli kemm bħala station manager kif ukoll bħala lecturer? Min imexxi l-bord editorjali ta’ Campus FM? Min jifforma parti mill-bord editorjali? Min jieħu d-deċiżjonijiet dwar il-kontenut tal-aħbarijiet ta’ Campus FM? F’liema dati ltaqa’ l-bord editorjali fl-aħħar sena? Jista’ l-Ministru jgħidilna kemm din il-persuna ilha fil-kariga ta’ Station Manager? Kif intgħażlet? Kemm baqgħalha fil-ħatra? Għall-programmi b’kontenut politiku, bħall-analiżi tal-ġurnali, min jiddeċiedi li jagħmilhom? Fl-isfond tal-kitba partiġġjana ta’ dan l-individwu fil-ġurnali, il-Ministru jqis li din il-persuna hi l-aħjar persuna biex tmexxi stazzjon tar-radju tal-Università li huwa mistenni li jkun mudell għal stazzjonijiet oħra fl-indipendenza editorjali tiegħu?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li d-dħul globali tal-persuna indikata mill-Onor. Interpellant għas-sena 2014 kien ta’ €50,599.46. Dawn kienu maqsuma kif ġej:
Lettur - €41,499.46 li jinkludi s-salarju bażiku (€28,686), is-suppliment akkademiku (€12,301) u l-bonuses statutorji (€512 .46);
Station Manager u Registered Editor ta’ Campus FM - €580 (ex VAT) fix-xahar, jiġifieri €6,960 fis-sena;
Ħlas għall-programmi li jippreżenta/jipproduċi - tul l-2014 il-ħlas kien ta’ €2140 (ex VAT).
Għall-għażla tal-programmi Campus FM ma għandux Bord Editorjali iżda l-għażla tal-programmi u l-preżentaturi ssir mill-editur f’kollaborazzjoni mal-Programmes Co-ordinator u l-Administration Coordinator tal-istazzjon. Infurmat li dawn jiltaqgħu regolarment kemm biex jagħżlu l-programmi u l-preżentaturi u biex jagħmlu evalwazzjoni tagħhom. Il-maġġoranza tal-preżentaturi tal-programm tal-analiżi tal-gazzetti huma akkademiċi jew ex-akkademiċi.
Din il-persuna ilha fil-kariga ta’ Station Manager/Editur Reġistrat mill-2006 u m’għandhiex kuntratt fiss. M’għandix informazzjoni dwar kif din il-persuna intagħżlet f’din il-kariga għalkemm fl-2002 kien sar konsulent tar-Rettur għal Campus FM. Ir-responsabilità tal-ħatra ta’ Station Manager hija tal-Bord tad-Diretturi ta’ Malta University Broadcasting Ltd, kumpanija tal-Università ta’ Malta, li taħtha jaqa’ Campus FM.
Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu dawk il-grounds tal-futbol f’Għawdex li saru permezz ta’ fondi ta’ nofs miljun ewro li ġew ivvutati fil-Baġit 2013 u f’dak tal-2014 bħala parti mill-iskema/inizjattiva sabiex il-grounds kollha f’Għawdex isiru b’ħaxix sintetiku? Kemm ibbenefika kull ground rispettiv ta’ kull lokalità f’Għawdex u liema huma l-grounds li għad iridu jiġu upgraded u meta se jitlestew?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-fondi vvutati fil-Baġit għall-2014 u f’dak għall-2015 kienu ta’ €140,000 kull sena u mhux ta’ nofs miljun ewro. Niċċara wkoll li dawn il-fondi kienu sabiex jitjiebu l-faċilitajiet sportivi tal-klabbs u mhux sabiex il-grounds kollha ta’ Għawdex isiru b’ħaxix sintetiku. Mill-ammont totali maqsum fuq dawn is-sentejn ittieħdet is-somma ta’ €200,000.
Dawn il-fondi għaddew lill-GFA u infurmat li tqassmu kif ġej:
· Xagħra - €20,000
· Nadur - €15,000
· Oratory Youths - €15,000
· Kerċem Ajax - €100,000
· Sannat Lions - €40,000
· Victoria Hotspurs - €5,000
· Munxar Falcons - €5,000
Dawn huma l-klabbs li għad iridu jibbenefikaw mill-fondi li jammontaw għal total ta’ nofs miljun skont il-kuntratt:
· Għarb
· Għajnsielem
· Qala
· SK Victoria Wanderers
Fir-rigward ta’ meta dawn il-faċilitajiet sportivi se jitlestew, jiddependi mill-klabb kkonċernat. Il-fondi jitħallsu biss wara li jiġu ppreżentati l-irċevuti fiskali.
Peress li jidher li hawn min qed jifhem li l-Avviż Legali 150 tas-sena 2015, il-Ministeru għall-Edukazzjoni qed ibaxxi l-istandards u jillaxka l-għoti ta’ liċenzji għall-ftuħ ta’ universitajiet u li l-Ministru stess jista’ jaqbad u jagħti liċenzja lil min irid hu, jista’ l-Ministru jispjega jekk danhux minnu?
Response (BARTOLO, EVARIST)
L-Avviż Legali 150 tal-2015 għamel numru ta’ tibdiliet fil-liġi 327.433. Dan l-avviż legali introduċa kategorija ġdida ta’ liċenzjar, dik ta’ Tuition Centres, sabiex jiġu indirizzati wkoll dawk l-entitajiet li joffru korsijiet mhux akkreditati skont il-Qafas Malti tal-Kwalifiki. Tibdil ieħor kien it-tneħħija tal-kategorija ta’ entitajiet li joffru korsijiet relatati mal-English as a Foreign Language. Dan sar minħabba l-fatt li hemm pjanat li tiġi introdotta liġi oħra aktar speċifika f’dan il-qasam. Tibdil ieħor sar fil-kriterji mitluba sabiex entità tkun tista’ tapplika għall-istatus ta’ Università. L-istandards ta’ kwalità bl-ebda mod ma ġew affettwati. Entità trid tkun toffri erba’ programmi bejn Livell 5 u Livell 7 skont il-Qafas Malti tal-Kwalifiki u evidenza tal-kapaċità li toffri programmi f’Livell 8.
Fil-każ ta’ applikazzjonijiet għal status ta’ Università il-kriterji li jridu jintlaħqu huma l-bżonn li l-programmi jkunu akkreditati skont il-Qafas Malti tal-Kwalifiki, staff akkademiku kwalifikat, sistema interna ta’ assikurazzjoni ta’ kwalità u l-bżonn li l-bini minn fejn topera jkun skont ir-regolamenti ta’ ppjanar nazzjonali. Barra minn hekk, fil-każ ta’ status ta’ Unviersità, l-entità tgħaddi wkoll minn skrutinju fejn jiġi ċċekkjat jekk jissoddisfawx numru ta’ kriterji oħra. Dawn huma:
(a) li l-edukazzjoni ogħla, it-tagħlim, ir-riċerka u t-tixrid ta’ tagħrif ikunu l-attivitajiet primarji tal-istituzzjoni ta’ edukazzjoni ogħla;
(b) li l-istituzzjoni ta’ edukazzjoni ogħla jkollha persunal akkademiku, librerija akkademika, taħriġ fir-riċerka stabbli jew attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp stabbli u ta’ standard għoli;
(c) li l-istituzzjoni ta’ edukazzjoni ogħla jkollha korpi rappreżentattivi tal-persunal u tal-istudenti;
(d) li l-istituzzjoni ta’ edukazzjoni ogħla jkollha organizzazzjoni u infrastruttura biex tipprovdi edukazzjoni ogħla u tagħmel ir-riċerka;
(e) li l-istituzzjoni ta’ edukazzjoni ogħla tkun tipprovdi programmi li jwasslu għal kwalifiki nazzjonali li jkunu klassifikati fil-livelli 5 sa 7 tal-Qafas Malti tal-Kwalifiki, jew kwalifiki barranin f’livell komparabbli, mill-inqas f’erba’ oqsma, u li jkollha wkoll kompetenza indipendenti fit-twaqqif tal-komponenti ta’ dawk il-programmi u dritt indipendenti għall-għoti ta’ lawrji dwar dawk il-programmi;
(f) li l-istituzzjoni ta’ edukazzjoni ogħla tipprovdi programmi li jwasslu għal kwalifiki nazzjonali li jkunu klassifikati fil-livell 8 tal-Qafas Malti tal-Kwalifiki, jew kwalifika barranija f’livell komparabbli, u li jkollha wkoll kompetenza indipendenti fit-twaqqif tal-komponenti ta’ dawk il-programmi u dritt indipendenti għall-għoti ta’ lawrji dwar dawk il-programmi; u
(g) li l-istituzzjoni ta’ edukazzjoni ogħla tkun affiljata ma’ netwerks internazzjonali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ edukazzjoni ogħla u riċerka jew tkun tipparteċipa f’koperazzjoni nazzjonali u internazzjonali fit-tagħlim u r-riċerka.
Madankollu, il-kwalità tal-edukazzjoni ma ġietx mittiefsa bl-ebda mod. Dan għaliex il-kwalità mhix marbuta man-numru jew kwantità tal-programmi offruti minn Università. Kull programm irid jissoddisfa numru ta’ kriterji relatati mal-kwalità li ġew stabbiliti fl-2014 mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla u dawn bl-ebda mod ma ġew affettwati b’dan l-Avviż Legali. Ta’ min wieħed jinnota li dan l-Avviż Legali ser ikun qed isaħħaħ aktar il-proċeduri relatati mal-pieni imposti f’każijiet ta’ infurzar tal-liġi, biex il-kwalità tal-edukazzjoni tkun aktar imħarsa.
Tajjeb wieħed jinnota li l-Ministru u l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, bl-ebda mod ma huma involuti fl-għoti ta’ liċenzji għall-ftuħ ta’ Universitajiet. Skont il-liġi, dan huwa d-dmir tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla, li hija l-awtorità indipendenti kompetenti għal-liċenzjar, akkreditazzjoni u assikurazzjoni ta’ kwalità fis-settur tal-edukazzjoni avvanzata u ogħla f’Malta, skont il-Qafas Malti tal-Kwalifiki. Il-Kummissjoni tassigura li l-applikazzjonijiet kollha jgħaddu minn proċess rigoruż u trasparenti ta’ evalwazzjoni, kif ukoll li jilħqu l-kriterji stabbiliti mil-liġi. Barra minn hekk, l-Avviz Legali 150 tal-2015 kien ilu jiġi diskuss għal diversi xhur u bl-ebda mod ma ġie introdott sabiex tiġi aġevolata xi applikazzjoni għall-istatus ta’ Università.
Sabiex tkun aċċertata t-trasparenza f’dan il-proċess, applikazzjonijiet għall-istatus ta’ Università jiġu evalwati wkoll minn numru ta’ esperti indipendenti li jiġu innominati miċ-Chairperson tal-Kumitat tal- Quality Assurance (li jirrispondi lill-Bord tal-NCFHE).
Permezz ta’ dan it-tibdil ser ikun hemm opportunitajiet ġodda għal Universitajiet li huma ta’ natura aktar teknika u vokazzjonali li mhux bilfors joffru volum u numru ta’ korsijiet vasti bħalma kien rikjest mil-liġi qabel il-ħruġ ta’ dan l-Avviż Legali. B’hekk il-Kummissjoni issa tista’ tikkunsidra applikazzjonijiet minn entitajiet stabbiliti internazzjonali.
Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ – trattament ta’ persuna
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’passi jew miżuri ħa, u x’direttivi ta fil-konfront tat-tmexxija tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ wara r-rapport li deher nhar it-Tlieta 14 ta’ April 2015 f’In-Nazzjon dwar il-mod xejn dinjituż li bih qed tiġi ttrattata l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, impjegata tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ? Jista jagħti garanzija li din l-impjegata ma tibqax tiġi ttrattata b’dan il-mod umiljanti bla ħtija tagħha?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor Interpellant illi r-rapport ta’ In-Nazzjon ta’ nhar it-Tlieta 14 ta’ April 2015 ġie mwieġeb mit-tmexxija tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ (ETC) dakinhar stess. Peress illi l-allegazzjonijiet f'dan ir-rapport ġew miċħuda fit-tweġiba li ngħatat u li dehret fl-istess gazzetta fis-16 ta' April 2015, il-Ministeru ma kellu għalfejn joħroġ l-ebda direttiva fil-konfront tat-tmexxija tal-ETC.
Jista' l-Ministru jgħi, f'Għawdex, kemm nqatgħu nies mir-reġistru ta' dawk li qed ifittxu xogħol matul is-sena 2013, is-sena 2014 u l-2015 sal-lum? Jista jgħid x'kienu r-raġunijiet għaliex dawn il-persuni ġew maqtugħa mir-reġistru?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-għadd ta’ persuni f'Għawdex li nqatgħu mir-reġistru ta' dawk li kienu qed ifittxu xogħol fl-2013, 2014 u l-2015 minn Jannar sa Marzu, flimkien mar-raġunijiet għaliex inqatgħu, hu kif ġej:
Persuni Għawdxin li nqatghu mir-reġistru ta' dawk li qed ifittxu xogħolJannar sa DiċembruJannar sa MarzuTotal
201320142015
Inqabdu jaħdmu waqt li kienu qed jirreġistraw2103
Irrifjutaw opportunità ta' xogħol814123
Irrifjutaw taħriġ0325
Total1018331
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Heads of Agreement li ġie ffirmat mal-kumpanija lid-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?
Third Country Nationals — persuni reġistrati f'Malta
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni Third Country Nationals reġistrati jaħdmu f’dawn il-gżejjer fis-snin 2010, 2011, 2012 u 2013 sena b’sena u jisa’ jindika dan ukoll skont in-nazzjonalità tagħhom u x’tip ta’ xogħol kienu reġistrati jagħmlu?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra erba' tabelli li juru kemm kien hemm Third Country Nationals jaħdmu f'Malta u f'Għawdex fl-aħħar ta' Diċembru tal-2010, 2011, 2012 u 2013 maqsumin skont in-nazzjonalità tagħhom u skont ix-xogħol tagħhom.
LSAs u għalliema – trasferimenti bejn skejjel tal-Istat u dawk tal-Knisja jew indipendenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ċaqliq ta’ learning support assistants u għalliema li jixtiequ jimxu minn skola tal-Istat għal skola tal-Knisja jew indipendenti u vici versa hux se jkun possibbli mis-sena skolastika li jmiss?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li għaddejjin diskussjonijiet bejn il-partijiet involuti. Verbalment intlaħaq qbil ta' kif għandu jitħaddem dan il-provediment, iżda għadni m'iniex f'pożizzjoni li ngħid jekk din is-sistema tidħolx fis-seħħ mis-sena skolastika li jmiss.
Università ta' Malta — Tagħrif dwar il-popolazzjoni ta’ studenti u staff
Question
Jista’ l-Ministru jgħid:
(a) Kemm kien in-numru totali ta’ studenti fl-Università ta' Malta mis-sena 2000 sas-sena 2015;
(b) Kemm kien n-numru totali kull sena ta’ staff akkademiku, amministrattiv, tekniku u industrijali fl-Università ta' Malta mis-sena 2000 sas-sena 2015;
(c) Kemm kienet l-ispiża totali f’salarji,
allowances
u
bonuses
għall-istaff akkademiku, amministrattiv, tekniku u industrijali (kemm staff
full-time
kif ukoll
part-time
) fl-Università ta' Malta mis-sena 2000 sas-sena 2015; u
(d) Għas-sena akkademika 2014/2015, kemm kien in-numru totali ta’ studenti għal kull Fakultà, Istitut, jew Ċentru, kif ukoll in-numru totali ta’ staff akkademiku, amministrattiv, tekniku u industrijali fl-Università ta' Malta? (F’dan il-każ, għandu jiġi speċifikat it-total tal-impjegati, kemm dawk parti mill-istaff akkademiku, amministrattiv u tekniku, kif ukoll dak industrijali)
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward trasferiment ta' tifla għal skola oħra?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li t-talba msemmija qed tkun ikkunsidrata bħal talbiet oħra li regolarment jaslu għand id-diversi Kulleġġi. Peress li kull Kulleġġ għandu numru limitat ta’ kemm jista’ jiflaħ studenti, u li l-ewwel priorità tingħata lill-istudenti tal-istess Kulleġġ, it-talbiet l-oħra jkunu kkunsidrati skont kriterji stabbiliti u maqbula mal-awtoritajiet ċentrali.
Kull min għamel talba, inkluż l-imsemmija studenta, ser ikun qed jirċievi informazzjoni dettaljata f’komunikazzjoni individwali.
Iż-Żejtun, il-Fgura, Ħaż-Żabbar, Wied il-Għajn, Bormla, l-Isla u il-Kalkara – studenti jattendu l-Università ta’ Malta
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti jattendu l-Università ta’ Malta fl-1986 fl-inħawi ta’ iż-Żejtun, il-Fgura, Ħaż-Żabbar, Wied il-Għajn, Bormla, l-Isla u il-Kalkara u jgħid kemm hemm studenti jattendu l-Università ta’ Malta mill-istess inħawi llum? Jista’ jagħti l-informazzjoni separatament għal kull lokalità?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ studenti miż-Żejtun, mill-Fgura, minn Ħaż-Żabbar, minn Wied il-Għajn, minn Bormla, mill-Isla u mill-Kalkara li qed jattendu kors fl-Università ta’ Malta, maqsuma skont il-lokalitajiet ta’ residenza tal-istudenti, hu kif jidher fil-lista t’hawn taħt.
Infurmat ukoll li peress li l-informazzjoni ta’ studenti li kien hemm jattendu fl-1986 mhix disponibbli skont il-lokalitajiet ta’ residenza tagħhom, qed tingħata l-informazzjoni tas-sena akkademika 1991/92 li hija l-eqdem sena li għaliha l-Università għandha d-data mitluba.
Lokalità1991/22014/5
BORMLA4147
IL-FGURA117263
IL-KALKARA1380
WIED IL-GĦAJN28335
L-ISLA1127
ĦAŻ-ŻABBAR105320
IŻ-ŻEJTUN83214
Total3981286