Legislature:
Category:
Reset
Active:

Irziezet tal-majjal lokali

Question

Jista' il-Ministru jinformani x'inhi r-raġuni li fil-preżent l-irziezet tal-majjal lokali mhumiex kollha konformi mar-regolari bażiċi ta' l-iġene, per eżempju f'ebda razzett ma ssib ilma bid-deterġent sabiex ikun assigurat li l-vetturi ma jdaħħlux mard?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li minħabba iġene u l-ħarsien ta’ l-annimali, qed isiru spezzjonijiet regolari fuq l-irziezet tal-ħnieżer kollha, kemm mill-Veterinarji Uffiċjali, kif ukoll minn impjegati ta’ support, u fil-każ li jinstabu xi nuqqasijiet, ir-raħħal jiġi nfurmat, u azzjoni korrettiva trid tittieħed fi żmien stipulat.

Irziezet tal-majjal

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' irziezet tal-majjal f"Malta u Għawdex li għandhom il-problema ta' aujeszky fil-mument?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li m'hemm l-ebda razzett f'Malta u Għawdex li għandu l-marda ta' Aujeszky.

Esportazzjoni ta' majjal lokali

Question

B'riferenza għall-esportazzjoni tal-majjal lokali, jista' il-Ministru jinformani jekk pajjiżna applikax sabiex ikun reġistrat għall-istatus ta' aujeszky free? Jekk le, għaliex? Jekk fl-affermattiv, x'inhi l-pożizzjoni ta' pajjiżna vis-a-vis l-esportazzjoni tal-majjal?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-proċess biex Malta tkun Aujeszky free qiegħed għaddej skond ir-regoli viġenti.

Ħaxix frisk

Question

Jista' il-Ministru jinformani għaliex il-bdiewa qed jieħdu 1c fil-kilo għall-ħaxix frisk li jipproduċu u mhux 5c il-kilo kif ġew imwegħda qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali? Jista' jinformani għaliex il-gvern qed iċaħħad lill-bdiewa mis-sussidju ta' 4c il-kilo kif kien imwiegħed?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Għal darb’oħra tajjeb lill-Onor. Interpellant jifhem li ir-rata ta’ 5ċ kull kilo ta’ ħaxix kienet medja kkalkulata fuq l-għajnuniet kollha li kienu sejrin igawdu minnhom il-bdiewa li jkabbru l-ħaxix wara s-sħubija fl-Unjoni Ewropea. Fost dawn hemm is-sussidju tal-iSpecial Market Policy Programme for Maltese Agriculture (SMPPMA) (li bħalissa huwa ta’ 1ċ kull kilo għall-ħaxix frisk, 4ċ8 kull kilo għall-patata, Lm 10 kull tomna miżrugħa patata u 7ċ kull kilo għat-tadam għall-ipproċessar), pagamenti oħrajn taħt il-Programm ta’ Żvilupp Rurali bħal miżura ad hoc u dik dwar Less Favoured Areas (LFA), u għajnuniet oħra konnessi ma’ sħubija f’għaqdiet produtturi. Għalhekk il-Gvern mhu qiegħed iċaħħad xejn minn dak li kien wiegħed lill-bdiewa.

Frott frisk

Question

Jista' il-Ministru jinformani għaliex il-bdiewa qed jieħdu 5c fil-kilo jew anqas għall-frott frisk li jipproduċu u mhux 10c il-kilo kif ġew imwegħda qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali? Jista jinformani għaliex il-gvern qed iċaħħad lill-bdiewa mis-sussidju ta' 5c il-kilo kif kien imwiegħed?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Għal darb’oħra tajjeb lill-Onor. Interpellant jifhem li ir-rata ta’ 10ċ kull kilo ta’ frott kienet medja ikkalkulata fuq l-għajnuniet kollha li kienu sejrin igawdu minnhom il-bdiewa li jkabbru l-frott wara s-sħubija fl-Unjoni Ewropea. Fost dawn hemm is-sussidju tal-Special Market Policy Programme for Maltese Agriculture (SMPPMA) li bħalissa huwa ta’ 5ċ7 kull kilo ta’ frott, l-għajnuna li tingħata fuq it-tkabbir tad-dwieli (Lm 480 kull tomna għal taħwil ġdid u Lm 30 kull tomna għal għelieqi diġà mħawlin bl-għeneb), għajnuniet oħrajn taħt il-Programm ta’ Żvilupp Rurali, bħal miżura ad hoc u dik dwar Less Favoured Area (LFA), u għajnuniet oħrajn konnessi ma’ sħubija fl-għaqdiet tal-produtturi. Għalhekk il-Gvern mhu qiegħed iċaħħad xejn minn dak li kien wiegħed lill-bdiewa.

Marsa — Biċċerija

Question

Jista' il-Ministru jinformani bil-pjan ta' kontinġenza li għandu jekk tieqaf il-linja tal-qatla tal-majjal fil-biċċerija tal-Marsa u dan fid-dawl tal-fatt li l-biċċerija tal-gvern f'Għawdex u l-biċċerija privata l-oħra mhux joperaw? Fejn se ssir il-qatla tal-majjal f'każ li tieqaf l-unika linja tal-majjal li baqa' taħdem f'pajjiżna?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li għalkemm huwa vera li għalissa l-unika biċċerija li taħdem hija dik tal-Marsa, din hija kważi ġdida u ngħatalha manteniment kontinwu, u kull ħsara li tinqala’ hemm team tekniku li jieħu ħsieb li l-ħsarat jissewwew f'qasir żmien.

MEPA — South draft local plan

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-medja tal-Kamra kopja (hardcopy) tas-south draft local plan li ppubblikat għall-konsultazzjoni l-MEPA?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba taħt forma ta’ compact disc minħabba konsiderazzjonijiet ambjentali. Niġbed l-attenzjoni ta’ l-Onor. Interpellant li din l-informazzjoni tinsab ukoll fuq il-website ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA).

Pjani lokali — Abbozzi

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma dawk il-pjani lokali li tagħhom kien ippubblikat l-abbozz li dwarhom saru l-konsultazzjonijiet meħtieġa iżda għad iridu jkunu pubblikati bħala pjan lokali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-pjanijiet lokali indikati hawn taħt ħarġu għall-konsultazzjoni pubblika bħala abbozz, iżda għadhom mhux approvati. Dawn huma: North Harbours Local Plan Northwest Local Plan Central Malta Local Plan Gozo and Comino Local Plan Is-South Malta Local Plan ġie varat għall-konsultazzjoni pubblika fis-16 ta' Mejju ta' din is-sena.

Pjani lokali — Abbozzi

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi abbozzi ta' pjani lokali li dwarhom għadha ma bdietx il-konsultazzjoni meħtieġa? Liema huma?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li ma fadal l-ebda abbozz ta' pjan lokali li għadu mhux varat għal-konsultazzjoni pubblika.

Pjani lokali — Abbozzi

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta hu maħsub li jkunu pubblikati l-pjani lokali li tagħhom sar l-abbozz u li dwarhom saru l-konsultazzjonijiet li kien hemm bżonn? X'se jsir mill-oħrajn li baqa' pendenti?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li huwa maħsub li l-pjanijiet lokali kollha jiġu approvati matul din is-sena.

Dwejra — Proġett ta' konservazzjoni

Question

B'riferenza għall-proġett ta' konservazzjoni tad-Dwejra, peress li f'dawn l-inħawi hemm ħafna mnasab fi proprjetajiet privati li se jkunu koperti bil-proġett, jista' il-Ministru jgħid jekk dawn l-imnasab hux se jitħallew hemm jew le?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-Pjan ta’ Azzjoni tad-Dwejra, huwa fi stadju ta’ abbozz għall-konsultazzjoni pubblika. L-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) qed tagħmel laqgħat mal-pubbliku u kull kumment u suġġerimenti qed jiġu kkunsidrati.

Tjur tas-simna

Question

Jista' il-Ministru jgħid fil-preżent kemm hija kalkolata l-qatla ta' l-irjus tat-tjur tas-simna kull ġimgħa f'Malta u Għawdex separatament? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għall-aħħar ħames snin, sena b'sena separatament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Skond live database miġbura xahar b’xahar, qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni globali għal Malta u Għawdex.

Marda ta' l-Aujesky's

Question

Jista' il-Ministru jinformana kemm-il sena ilha f'pajjiżna l-marda ta' l-Aujesky's fuq il-majjal? Kemm fil-fatt huwa n-numru ta' bhejjem li qerdet? Min kienu l-esperti barranin li ġew jispezzjonaw l-impatt tagħha vis-a-vis ġenetika tal-majjal lokali u x'rakkmandazzjonijiet saru u xi frott ħallew?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-marda ta’ l-Aujesky’s hija a notifiable disease, u għalhekk huwa d-dmir ta' kull veterinarju li jirraporta kull każ ta’ din il-marda. S’issa qatt ma ġie innotifikat li kien hawn xi traċċi ta’ din il-marda, la mill-veterinarji tal-gvern li jaħdmu fil-biċċerija u lanqas mill-veterinarji privati. Minbarra hekk issir surveillance fuq din il-marda ukoll fuq il-majjal ħaj. M’inhix infurmat li kien hawn xi esperti li ġew apposta għal din il-marda.

Għawdex — Truck mgħobbi biż-żibel

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex qegħda tirripeti ruħha l-problema ta' truck mgħobbi biż-żibel f'Għawdex li qed jitħalla sa fil-għodu sakemm imbagħad jitgħabba fuq il-vapur għall-miżbla tal-Magħtab? Jista' jinnota li dan huwa abbuż serju li jiena diġa' ġbidt l-attenzjoni dwaru imma baqa' jsir?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif ġie infurmat fil-Mistoqsija Parlamentari Nru 11578, dawn l-okkażjonijiet huma rari u mhux in-norma. Kull miżura possibbli qiegħda tittieħed sabiex dawn l-okkażjonijiet jitnaqqsu kemm jista' jkun, sa kemm tinstab soluzzjoni fl-inqas żmien possibbli.

Għalqa — Għajnuna finanzjarja

Question

Bniedem li għandu għalqa maħduma u jaqagħlu l-ħajt tas-sejjieħ, għandu xi għajnuna finanzjarja biex dan jirranġaha?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Kien hemm għajnuna qabel is-sħubija ta' Malta ma’ l-Unjoni Ewropea fuq restawr ta' ħitan tas-sejjieħ. Mis-sena li għaddiet fetħet skema li tgħin applikanti li għandhom ħsara fil-ħitan tas-sejjieħ ta' l-ilqugħ. Din l-iskema hija parti minn misura agro-ambjentali li tagħti għajnuna li tikkonsisti fi ħlas ta' 20 Ewro għal kull metru kwadru ta' ħitan tas-sejjieħ ta' l-ilqugħ (jiġifieri l-parti ta’taħt il-ħamrija ‘l isfel), basta li l-applikant ikollu minimu ta' għaxar metri kwadri ta' ħsarat u josserva l-obbligi kkonċernati.

Pjani lokali — Abbozzi

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma l-pjani lokali li sar l-abbozz tagħhom u li ġew pubblikati?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li issa il-pjanijiet lokali kollha ħarġu għall-konsultazzjoni pubblika bħala abbozz. Dawn huma: North Harbours Local Plan Northwest Local Plan Central Malta Local Plan Gozo and Comino Local Plan South Malta Local Plan MarsaXlokk Bay Local Plan u Grand Harbours Local Plan huma ppublikati bħala pjanijiet ġa approvati.

Biċċerija

Question

Jista' il-Ministru jagħti breakdown tal-pagamenti li l-biċċerija tal-gvern għandha tħallas fil-preżent bħala overtime tal-ħaddiema u/jew time-off-in-lieu li għandu jittieħed?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-overtime ta’ impjegati fil-Biċċerija għad irid jiġi vverifikat mis-Servizzi Korporattivi. Verifiki bħal dawn saru f’oqsma oħra tal-Ministeru. Għalhekk m'inhix f’pożizzjoni li nagħti l-informazzjoni mitluba.

Tiġieġ tas-simna

Question

Skond il-kalkoli tal-ministeru, kemm huwa n-numru ta' tiġieġ tas-simna li fil-ġimgħa qed jinqatlu f'Malta mill-proċessuri lokali konformi mar-regoli kollha ta' l-Unjoni Ewropea? Kemm hija l-qatla li qed issir mill-proċessuri li għadhom mhux konformi 100% mar-regoli ta' l-Unjoni Ewropea?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Peress li qed tittieħed azzjoni mill-Awtoritajiet tas-Saħħa kontra dawk il-proċessuri li m’għandhomx program approvat mid-Diviżjoni ta’ l-Affarijiet Veterinarji, m'inhix f’pożizzjoni li nwieġeb din il-Mistoqsija.

MEPA — Party ġewwa Paradise Bay

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-MEPA tat il-permessi meħtieġa biex isir party ġewwa Paradise Bay fix-xahar ta' Ġunju, meta l-MEPA taf illi f'dak ix-xahar l-għasfur nazzjonali il-merill ikun qed ibejjet għaliex huwa żgur illi mużika, dwal u nies jgħajtu bil-lejl u bi nhar ifixklu din l-attivita' u għalhekk dan huwa illegali? Jidhirlux għaldaqstant il-Ministru li għandu jwaqqaf din l-attivita' milli ssir u tiġi posposta għal xi żmien ieħor tas-sena meta l-għasfur nazzjonali u għasafar oħra ma jkunux qed ibejtu fil-bajja u fl-irdum tal-madwar?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li din l-attività ilha issir għal dawn l-aħħar erbgħa snin. Il-permess li ħarġet l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) jirreferi għall-użu ta' art li hija diġa mittiefsa u l-bajja tar-ramel, u dan għal lejl wieħed biss. M’hemmx evidenza li turi li dan jista’ jkun ta’ tfixkil sinifikanti għall-merill. Il-MEPA ukoll irriservat id-dritt li tispezzjona s-sit wara l-attività sabiex taċċerta li ma tkunx saret ħsara. L-Awtorità talbet garanzija bankarja f'dan ir-rigward.

Liġijiet dwar il-kaċċa

Question

Billi dalwaqt tiġi Malta delegazzjoni tal-UE biex tara jekk il-liġijiet dwar il-kaċċa fir-Rebbiegħa humiex qed jiġu mħarsa mill-kaċċaturi, jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex se jinforma lid-delegazzjoni li fl-istess waqt il-gvern qed jippermetti li jsiru parties f'area li ġo fiha jbejjet l-għasfur nazzjonali li hu protett u li dan isir waqt l-istaġun tal-bejta ta' dan l-għasfur u għad-detriment ta' kull bejta tal-merill jew ta' għasafar oħra li jiġu abbandunati minħabba dawn il-parties li jistgħu jsiru faċilment jew f'xi żmien ieħor jew inkella band'oħra?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għal Mistoqsija Parlamentari numru 11912.