Jista' l-Prim Ministru jgħid min ġie maħtur bħala konsulent fil-Ministeri u Segretarji Parlamentari mit-8 ta' Settembru, 1998 sal-lum? X'inhi l-honorarium, allowance u jekk hemm xi benefiċċji oħra bħall-karozza jew ħlas tat-telephone/mobile eċċ għal kull konsulent?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li mit-8 ta' Settembru 1998 sal-lum ma ġie ffirmat l-ebda kuntratt ta' ħatra ta' konsulent f'xi Ministeru jew Segretarjat Parlamentari.
Jista' l-Prim Ministru jgħid lil din il-Kamra min awtorizza lis-Sur Emmanuel Abela, Assistent Segretarju Privat tal-Prim Ministru biex jibgħat għall-impjegati taċ-Ċivil, li fl-amministrazzjoni preċedenti kienu jaħdmu fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u jagħmlilhom mistoqsijiet dwar jekk is-Sur Patrick Calleja kienx iltaqa' mal-Prim MInistru ta' l-amministrazzjoni preċedenti?
Jista' l-Prim Ministru jgħidilna meta kienu l-ġranet li s-Sur Abela bagħat għal dawn l-impjegati taċ-Ċivil?
Jista' l-Prim Ministru jgħidilna min kienu l-impjegati taċ-Ċivil li bagħat għalihom is-Sur Abela?
Jista' l-Prim Ministru jinforma lil din il-Kamra liema setgħat kien qed juża s-Sur Emmanuel Abela biex jibgħat għal dawn l-impjegati taċ-Ċivil?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Wara rapporti li dehru fl-istampa lokali fit-18 u 19 ta Ottubru 1998, fejn is-Sur Patrick Calleja ġie rrapurtat li qal li hu kien mar personalment f'Kastilja biex jagħti ittra lill-Prim Ministru Alfred Sant, is-Sur Emanuel Abela, li huwa d-designate Assistent Segretarju Privat tiegħi, kif kien fid-dover tiegħu li jagħmel skond il-position description tiegħu li tifforma parti minn dokument approvat mill-Kabinett u li jiena poġġejt kopja tiegħu fuq il-mejda ta' din il-Kamra fis-Seduta Parlamentari tat-2 ta' Novembru 1998, beda jieħu l-passi neċessarji sabiex tiġi lokaliżżata l-korrispondenza msemmija, fl-Uffiċċju tiegħi.
Peress li minkejja dawn il-passi, l-ittra baqgħet ma nstabitx u peress ukoll li s-Sur Calleja kien ġie rrapurtat li qal li hu kien infurmat li l-ittra li hu kien kiteb lill-Prim Ministru Alfred Sant kienu għaddewha lill-Kummissarju tal-Pulizija, is-Sur Abela kiteb lill-Kummissarju tal-Pulizija fid-19 ta' Ottubru 1998 fejn talbu jibgħat kopja ta' din l-ittra lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Fil-21 ta' Ottubru 1998, il-Kummissarju tal -Pulizija rrisponda lis-Sur Abela fejn infurmah li l-unika ittra miktuba mis-Sur Calleja li kien bagħatlu l-Prim Ministru Alfred Sant, kienet dik li ġġib id-data tat-22 ta' April 1998. Il-Kummissarju żied jgħid bl-aktar mod kategoriku li ħlief din l-ittra, ma kienet intbagħtitlu l-ebda ittra oħra ffirmata mis-Sur Patrick Calleja. Dan ġie kkonfermat ukoll permezz ta' Stqarrija għall-Istampa maħruġa fl-20 ta' Ottubru 1998 mill-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija.
Kien għalhekk jirriulta f'dan l-istadju, li ittra li twasslet bl-idejn lill-Prim Ministru Alfred Sant u li allura kellha tinżamm fir-records uffijali ta' l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, kienet mitlufa. Kien jirriżulta wkoll li kopja ta' din l-ittra li allegatament kienet intbagħtet lill-Kummissarju tal-Pulizija, qatt ma waslet għand l-istess Kummissarju.
F'dawn iċ-ċirkustanzi, d-designate Assistent Segretarju Privat tiegħi, li fost ir-responsabbiltajiet tiegħu għandu dik li jassigura li l-files u l-korrispondenza jgħaddu kif suppost għall-attenzjoni tal-Prim Ministru u li jieħu ħsieb ukoll iż-żamma u s-sigurta' ta' l-informazzjoni kollha kemm dik kunfidenzjali kif ukoll dik ta' rutina, kif kien fid-dmir tiegħu li jagħmel, kompla jipprova jiġbor l-informazzjoni meħtieġa billi kellem lill-persuni responsabbli fiż-żmien li allegatament waslet l-ittra.
Fil-fatt fil-21 ta' Ottubru 1998, huwa kellem lis-Sur Vincent Piccinino li kien is-Segretarju Privat tal-Prim Ministru Alfred Sant, dwar il-każ. Is-Sur Piccinino qal li ma kienx jiftakar li s-Sur Patrick Calleja qatt ġab xi ittra bl-idejn indirizzata lill-Prim Ministru jew lil xi uffiċjal ieħor fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u li hu qatt ma ra lis-Sur Calleja fl-Uffiċċju msemmi. Żied jgħid ukoll li ma kienx jaf x'kienet il-proċedura li kienet tintuża kemm dam Segretarju Privat tal-Prim Ministru, dwar x'kien jiġri meta kienet tasal xi ittra bl-idejn. F'dan ir-rigward is-Sur Piccinino ssuġġerixxa lis-Sur Abela li jistaqsi lis-Sur Biagio Farrugia, li kien ic-Chief Messenger fis-Segretarjat Privat tal-Prim Ministru Alfred Sant.
Is-Sur Abela ħa l-parir tas-Sur Piccinino u dak inhar stess kellem lis-Sur Biagio Farrugia li minn-naħa tiegħu qal li safejn kien jiftakar, is-Sur Patrick Calleja qatt ma ġab xi ittri bl-idejn fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Fl -istess waqt pero, is-Sur Farrugia qal li s-Sur Calleja kien ġie darbtejn fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u kellem lis-Sur Joe Borg, li dak iż-żmien kien l-Assistent Personali tal-Prim Ministru Alfred Sant. Is-Sur Farrugia żied jgħid li l-ewwel laqgħa tas-Sur Calleja mas-Sur Borg seħħet madwar xahar qabel l-elezzjoni li għaddiet, filwaqt li t-tieni waħda seħħet xi ġimgħa qabel l-istess elezzjoni. Fl-aħħarnett is-Sur Farrugia qal li ma jeskludix li s-Sur Calleja seta ġab xi ittra bl-idejn fl-assenza tiegħu, imma li f'dak il-każ din l-ittra kienet tkun rekordjata minn xi messġġier ieħor tas-Segretarjat Privat, f'reġistru li kien jinżamm apposta għal dan il-għan.
Wara dan, is-Sur Abela fittex u fil-fatt sab żewġ reġistri ta' dan it-tip, li minn wieħed minnhom irriżulta li fid-9.15 am tat-18 ta' Awissu 1997, is-Sur Patrick Calleja kien ġab ittra indirrizata lill-Prim Ministru Alfred Sant. Ir-reġistru juri wkoll il-firma tas-Sur Patrick Calleja bħala l-persuna li kienet qed tikkonsenja l-ittra, kif ukoll il-firma tas-Sur Publius Gatt, messaġġier fis-Segretarjat Privat tal-Prim Ministru Alfred Sant, bħala l-persuna li rċeviet l-ittra. Barra minn dan, ir-reġistru juri wkoll li l-ittra ġiet referuta lis-Sur Vincent Piccinino, is-Segretarju Privat tal-Prim Ministru Alfred Sant, li meta kien ġie mistoqsi mis-Sur Abela, kien qal li ma kienx jiftakar li qatt ra xi ittra li kienet ġejja mis-Sur Patrick Calleja. Fiż-żewġ reġistri ma kien hemm l-ebda indikazzjoni ta' xi korrispondenza oħra li waslet mingħand is-Sur Patrick Calleja.
Minn dan kollu jidher biċ-ċar li s-Sur Emanuel Abela, d-designate Assistent Segretarju Privat tiegħi, qeda dmiru kif kien mistenni minnu bħala Uffiċjal Pubbliku, u li l-passi li ħa mhux biss kienu korretti għall-aħħar imma li wasslu biex jiġu stabbiliti fatti li ma kienux magħrufa qabel.
Jidhirli li l-Kap ta' l-Oppożżizzjoni għandu jispjega x'sar minnha l-ittra jew ittri msemmija li rċieva bħala Prim Ministru u li ma nstabux.
Jista' l-Prim Ministru jikkonsidra li l-mandati ta' qbid u dikriti mill-Qorti Ċivili jiġu ppubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern bin-numri tal-karta ta' l-identita' u l-aħħar indirizz tad-debitur peress li dawn l-avviżi saru aktar spissi u billi hawn ħafna ismijiet, xorta sar diffiċli biex tkun taf jew tidentifika id-debitur? Fil-każ ta' kumpanniji jew partnerships, jista' jingħata wkoll in-numru tar-reġistrazzjoni?
Dan is-suġġeriment jista' jfisser tibdil fil-liġi iżda naħseb li din l-emenda żgħira m'għandhiex tkun ta' ostakolu.
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jista ikun indikat li s-suġġerimenti tal-Onorevoli Interpellant jiġi riferit lill-Law Courts Advisory Committee sabiex dan ikun jista` jiddiskutihom fid-dawl ta` konsiderazzjonijiet oħra bħad-dritt għall-privatezza u r-riperkussjonijiet ta` natura amministrattiva li jista` jkun hemm bħala konsegwenza ta` tali bdil u sabiex wara l-istess Kumitat ikun jista` jagħmel ir-rakkomandazzjoni tiegħu fir-rigward.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hux se jiġu introdotti amendi fil-kodiċi ċivili sabiex id-dikjarazzjoni ta' paternita' tal-wild ma tibqax unilaterali, liema amendi kienu ġew proposti mill-Amministrazzjoni preċedenti u kellhom jiġu nklużi f'abbozz aktar wiesgħa ta' amendi għall-kodiċi ċivili?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Fil-preżent il-Gvern qiegħed jeżamina l-proposti leġislattivi li kienet ħejjiet l-amministrazzjoni preċedenti. Wara li dawn jiġu diskussi, u jekk kemm il-darba il-Gvern preżenti jkun jaqbel magħhom, isiru l-aġġustamenti meħtieġa ħalli dawn il-proposti jkunu jirreflettu l-policies ta` dan il-Gvern.
Eventwalment jiġu ppreparati l-abbozzi ta` liġi relattivi sabiex imbagħad jitressqu għall-approvazzjoni ta` dan il-Parlament.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm skrivani u/jew messaġġiera li jaħdmu fil-Qrati tal-Ġustizzja li huma seconded jew transfered ma' ministeri u/jew Dipartimenti tal-Gvern? Jista' jagħti breakdown tan-numru skond il-ministeri/dipartimenti?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nippreżumi li l-interpellant qed jirreferi għal uffiċjali
li ġew trasferiti/seconded mill-Qorti minn wara l-
elezzjoni tal-5 ta` Settembru 1998 'l hawn. F'dak il-
każ, ninsab infurmat li kien hemm tlett impjegati tal-
Qorti li ġew trasferiti: uffiċjal Prinċipali Anzjan li
ġie trasferit fis-Segretarjat tal-Ministeru tal-Finanzi;
Prinċipal fil-Ministeru ta` l-Affarijiet Barranin
Segretarjat Privat tas-Segretarju Parlamentari u Court
Recorder li ġie trasferit fl-Uffiċċju tal-Kabinet.
Il-gvern għandu xi ħsieb li jwaqqaf Task Force dwar il-Year 2000 Awareness kif għamlu diġa' bosta gvernijiet oħra?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien infurmat li n-National Commission for Information
Technology (NCIT) li twaqqfet mill-gvern ta' qabel
kellha fost responsabbiltajiet oħra li tieħu ħsieb fuq
livell nazzjonali li jinħoloq għarfien tal-problema tas-
sena 2000 fl-informatika. Ninsab infurmat ukoll li
wieħed mis-sotto kumitati tal-Kummissjoni Nazzjonali sa
qabel l-elezzjoni kien qed jaħdem fuq din il-problema.
Għadha ma twaqqfitx il-Year 2000 Awareness Task Force.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm inħatru diretturi fid-dekasteru tiegħu mill-5 ta' Settembru 1998 'l hawn?
Min huma?
Xi kwalifiki għandhom?
Fuq liema kriterji ngħataw il-ħatra?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jiena nfurmat illi ma ngħatat ebda ħatra ta' direttur fid-
dekasteru tiegħi mill-5 ta' Settembru 1998 'l hawn.
Peress li fl-indirizz tal-President tal-Qorti, fil-ftuħ tas-sena forensi, huwa qal li jispetta issa lill-amministrazzjoni ġdida li tevalwa l-proġetti li l-Gvern Laburista ipprepara biex itejjeb ċerti aspetti ta' l-amministrazzjoni tal-ġustizzja, fi kliemu "kollha ta' fejda", jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra jekk hux se jkompli bit-twaqqif tal-Qorti tal-Familja, it-trasferiment tar-reġistri mill-annex għal fejn tinsab bħalissa l-għassa tal-pulizija, awli u ambjenti għall-użu tal-Master u l-Assistenti Ġudizzjarji?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Fid-Diskors tal-President fl-okkażjoni tal-ftuħ tal-
Parlament il-Gvern diġa esprima l-impenn tiegħu dwar it-
twaqqif tal-Qorti tal-Familja.
Se jitwettaq ukoll it-trasferiment tar-Reġistru għall-
post fejn hemm l-għassa tal-Pulizija.
Pero` nixtieq ngħid li se jsir studju ħalli jiġi
fformulat pjan sħiħ dwar kif jista` jsir użu aħjar mill-
kumpless tal-Qorti kollu kemm hu.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' transfers li saru fid-dekasteru u entitajiet li jaqgħu taħtu mis-6/9/98 sa l-24/10/98?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li n-numru ta' transfers li saru fid-
dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi u li ġew
maħruġa bl-approvazzjoni tal-MPO bejn id-dati msemmija
kien ta' 21. Dan in-numru jinkludi ċaqliq intern u
transfers minn u għal dan id-dekasteru.
Erbgħa minn dawn it-transfers seħħew qabel is-sitta ta'
Settembru 1998 imma ma laħqux dehru fi transfer list
qabel l-Elezzjoni.
Tlieta oħra seħħew ukoll qabel is-sitta ta' Settembru
1998 u kienu jagħmlu parti mill-eżerċizzju tat-
trasferiment għal Għawdex tas-Short Term Benefits
Section tad-Dipartiment tas-Sigurta Soċjali.
Peress li l-gvern ikkonferma li se jibqa' għaddej bi twaqqif tal-Qorti tal-Familja li kien beda gvern preċedenti Laburista, jista' l-gvern jgħid x'inhuma l-pjanijiet tiegħu jew inkella hux se jattwa r-rapport dwar il-Qorti tal-Familja li kien magħmul mill-kumitat immexxi mill-Imħallef Arrigo?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Bħalma diġa ntqal fid-Diskors tal-President fl-okkażjoni
tal-ftuħ tal-Parlament, il-Gvern se jiżgura li l-Qorti
tal-Familja tibda taħdem u dan b'mod effiċjenti.
Nista ngħid li ħafna mill-punti imsemmijin fir-rapport
ta' l-Imħallef Arrigo jinkwadraw sew fil-pjanijiet tal-
Gvern għall-Qorti tal-Familja.
Peress li s-Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru stqarr li se jwaqqaf it-tribunali lokali, jista' l-Prim Ministru jgħid meta se jitwaqqfu u x'organizzazzjoni għandhom lesta biex dan jibda jseħħ?
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-pjanijiet tal-Gvern Laburista biex jassigura li jinġabru l-multi dovuti fuq kontravenzjonijiet ta' traffiku hux beħsiebu jattwahom?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nikkonferma lill-Onorevoli Interpellant li dan il-Gvern
hu determinat li d-delega ta` l-infurzar ta` ċerti
liġijiet permezz ta` twaqqif ta` tribunali lokali tidħol
fis-seħħ sa l-aħħar tas-sena d-dieħla, 1999.
Għaldaqstant, diġa bdew jitħejjew il-pjanijiet kollha
meħtieġa dwar
(a) l-organizzazzjoni ta` dawn it-tribunali, u
(b) l-assikurazzjoni li l-multi dovuti jinġabru
biex din id-deċiżjoni titwettaq fil-fatt u b'mod
effettiv.
Jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra kemm-il safra diġa' siefer mill-5 ta' Settembru, 1998 s'issa?
Liema bliet żar u x'kienet ir-raġuni?
Min akkumpanjah għal kull safra?
Kemm swiet kull safra?
Ma' min tkellem u fuq xiex tkellem?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Mill-5 ta' Settembru 1998 sal-lum sifirt darbtejn. Fiż-
żewġ okkażjonijiet ġiet diskussa r-riattivazzjoni ta' l-
applikazzjoni ta' Malta għal sħubija fl-Unjoni Ewropea,
kif ukoll ir-relazzjonijiet bilaterali.
Mort Ruma fil-25 ta' Settembru fejn iltqajt ma' Romano
Prodi li dak iż-żmien kien Prim Ministru ta' l-Italja.
Kont akkumpanjat mis-Sur Alfred J Chetcuti.
Is-safra swiet Lm316. 06.
Mort ukoll Brussels bejn id-29 ta' Settembru u l-1 ta'
Ottubru fejn kelli laqgħat mal-Prim Ministru tal-Belġju
Jean-Luc Dehaene u mal-Prim Ministru tal-Lussemburgu Jean
Claude Juncker. Fi Brussels ħadt sehem ukoll fil-Kunsill
tal-Partit tal-Poplu Ewropew. Kont akkumpanjat mill-
Onorevoli Joe Borg u mis-Sur Richard Cachia Caruana.
Din is-safra swiet b'kollox Lm2677.15.
Jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra kemm nies ġew ingaġġati fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru mill-5 ta' Settembru, 1998?
Jista' jinforma l-ismijiet tan-nies li ġew ingaġġati?
X'karigi ngħataw fil-ministeru?
X'karigi kellhom qabel ma ġew ingaġġati?
Min minnhom kien jaħdem mal-gvern u f'liema dipartiment kien jaħdem?
X'inhuma l-kwalifiki akkademiċi ta' dawn?
X'kondizzjonijiet ingħataw?
Nitlob biex il-kuntratti jiġu mqiegħda fuq il-Mejda.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'kariga kull wieħed minnhom kellu fil-Partit Nazzjonalista?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Qed nassumi li l-Onor Interpellant qed jirreferi għas-
Segretarjat Privat.
Ninsab infurmat li l-ebda kuntratt jew ftehim ma għadu
ġie ffirmat ma' l-individwi kkonċernati u nkun f'qagħda
li nwieġeb għall-mistoqsijiet magħmula f'xi seduta oħra
wara li dawn jiġu ngaġġati formalment.
Iżda l-Kabinett approva dokument dwar il-complement tas-
Segretarjati tal-Ministri u Segretarji Parlamentari kif
ukoll tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-membri kollha li
jaħdmu fis-segretarjat. Kopja ta' dan id-dokument qed
inpoggih fuq il-mejda tal-Kamra.
Billi l-Bord tal-Gvernaturi taċ-Ċentru ta' l-Arbitraġġ kien qiegħed jippjana sabiex iċ-Ċentru ta' l-Arbitraġġ jiġi alloġġjat ġewwa Palazzo Verdelin, il-Belt, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk dan għadux possibbli in vista tat-trasferiment tal-Ministeru tal-Ġustizzja mill-House of Catalunya għall-Palazzo Verdelin? Jekk le, jista' l-Prim Ministru jgħid fejn se jiġi alloġġjat iċ-Ċentru ta' l-Arbitraġġ?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li billi issa Palazzo Verdelin qed
jintuża kollu kemm hu mill-istaff li kien hemm fil-
Ministeru tal-Ġustizzja, m'għadux possibbli li fih jiġi
alloġġjat iċ-Ċentru ta' l-Arbitraġġ.
Dak iċ-Ċentru issa se jkun alloġġjat kif kien
oriġinarjament ippjanat, jiġifieri f'numru 33, Triq
Nofsinhar, Valletta.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk ittieħdux passi dixxiplinarji kontra dawk il-pulizija li b'għemilhom urew li kienu ħallew il-passjoni politika tiġri bihom waqt li kienu on duty fil-jiem ta' wara l-elezzjoni ġenerali?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi l-mistoqsija
tiegħu lill-Ministru responsabbli.
Jista' l-Prim Ministru jikkonferma dak li ġie rrapportat li qal is-Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tiegħu lill-ġurnal lokali li ma kienx hemm livell sodisfaċenti fost dawk li applikaw għall-karigi ta' direttur taħt l-amministrazzjoni Laburista? Jista' jikkonferma li flok issir l-għażla fost dawk l-applikanti se ssir sejħa għall-applikazzjoni mill-ġdid? X'inhu l-pass li jmiss?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien infumat li s-Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju
tiegħi kien għamel referenza għal aktar minn raġuni waħda
li mħabba fihom ma mtlewx il-vakanzi.
Meta l-istruttura ta' postijiet fit-Top Management
Structure tiġi riveduta biex tirrifletti l-ħtiġijiet tal-
Ministeri tal-lum, jittieħdu passi, bħal ma sar fl-
imgħoddi, sabiex il-vakanzi jimtlew.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'passi ttieħdu biex titneħħa l-problema tal-millenium bug fuq is-sistema tal-computers fid-dipartimenti tal-gvern?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Sa mill-1996 il-Gvern immexxi minni, permezz ta'
Ċirkulari Nru 24/96 kien ġibed l-attenzjoni tad-
Dipartimenti tal-Gvern dwar il-problema tal-Millenium
Bug. Fil-fatt l-ewwel l-MSU u wara l-MITTS kienu
responsabbli biex jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex
jiġi solvut dan il-problema fid-Dipartimenti tal-Gvern.
Ninsab infurmat li s-sistemi importanti ser ikunu Year
2000 Compliant sa l-aħħar ta' din is-sena. Hu ppjanat
li l-kumplament tas-sistemi u l-apparat ikunu Year 2000
Compliant sa nofs is-sena d-dieħla.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk id-direttiva li kienet ingħatat mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru li ma kellu jsir ebda ingaġġ ġdid ta' persuni mas-Servizz Pubbliku kif ukoll mal-Korpi Parastatali, għadhiex tgħodd jew inkella jekk ġietx interotta?
Jekk din għadha fis-seħħ, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk din id-direttiva għadhiex tapplika wkoll għall-vetturi impressed bħalma kienet tapplika qabel?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-proċeduri li kull ingaġġ mas-Servizz Pubbliku u Korpi
Parastatali irid l-approvazzjoni ta' dak li kien il-
Cabinet Committee on Recruitment m'għadhomx fis-seħħ.
Madankollu, kull ingaġġ ġdid mas-Settur Pubbliku hu
ristrett għal dak biss li hu essenzjali għax-xogħol tal-
Gvern u l-funzjonijiet stateġiċi.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk ġiex stabbilit in-numru ta' nies li għandu jkopri s-segretarjat privat ta' kull ministeru? Jista jgħid ukoll jekk dan in-numru japplikax ukoll għas-segretarji parlamentari?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nirreferi lill-Onor interpellant għad-dukument li qed
inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra f'din is-Seduta b'risposta
għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 81.