Fid-dawl ta' l-avviżi li dehru fil-ġurnali ta' nhar is-Sibt 6 ta' Novembru, 1998 rigward ħruġ ta' tender mill-Kunsill Lokali ta' Birkirkara, jista' l-Prim Ministru jgħid liema tender hu ntiż biex isiru xogħlijiet fi Triq Anthony Sammut, tal-Qattus, B'Kara? Jikkonferma li dan imur kontra l-liġi li tirregola l-Kunsilli Lokali? Jekk le, fuq liema kriterji ntgħażlet din it-triq?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ix-xogħlijiet fi Triq Anthony Sammut, Tal-Qattus, B'Kara,
se jsiru minħabba xi ħsara li kienet saret waqt il-bini
ta' blokk flats tal-Gvern. L-ispejjeż għal dan ix-xogħol
se jitħallsu mill-Ministeru responsabbli għad-Djar.
Ninsab infurmat li t-tender li ħareġ il-Kunsill Lokali
ta' B'Kara ma jiksirx il-liġi li tirregola l-Kunsilli
Lokali.
Jista' l-Prim Ministru jgħid f'liema dipartimenti tal-Gvern hemm is-servizz ta' l-Internet? Għal liema kategoriji ta' uffiċjali/ħaddiema qiegħed jingħata dan is-servizz? Kemm kienet is-somma ta' flus li ħallas il-Gvern fis-snin 1996-1997 għal dan is-servizz?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li d-Dipartimenti tal-Gvern kollha
għandhom is-servizz ta' l-Internet.
Ħaddiema tal-Gvern li għandhom aċċess għan-Network tal-
Gvern ta' Malta u li jutilizzaw is-sistema ta' l-E-Mail
tal-Gvern, huma eliġibbli awtomatikament għall-użu ta' l-
Internet.
Persuni oħra li għandhom bżonn Internet account biex
ikunu jistgħu jużaw l-Internet,irid ikollhom il-permess
meħtieġ, mingħand il-Kap tad-Dipartiment ikkonċernat.
Minħabba li dan is-servizz għall-użu tal-Internet fid-
Dipartimenti tal-Gvern huwa parti minn pakkett
ta'servizzi oħra li jingħataw lill-istess dipartimenti,
ma hemmx figura eżatta ta' somma li tħallset għal dan is-
servizz partikolari.
Madankollu, huwa stmat li dan is-servizz sewa lill-Gvern
is-somma ta' Lm76,861 fl-1996 u Lm81,633 fl-1997.
Hija l-intenzjoni tal-MITTS li mill-1999 il-quddiem
jinżamm kont speċifiku għal dan is-servizz ta' l-użu tal-
Internet fid-Dipartimenti tal-Gvern.
Jista' l-Prim Ministru jgħid huwiex se jsir xi tibdil fix-xogħol li qegħdin jagħmlu r-Revenue Security Corps? Kemm hu l-complement ta' dawn il-ħaddiema?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-pjan preżenti huwa li r-rwol u t-tasks tar-Revenue
Security Corps jibqgħu skond dawk li huma issa. Iżda
ta' min iffakkar li l-aspetti kollha tal-Forzi Armati
huma dejjem taħt review.
Il-complement tal-RSC huwa ta' fizzjal wieħed u mija u
sebgħa u ħamsin suldat (157).
Jista' l-Prim Ministru jispjega kif f'attivita' fil-Marsa fit-23 ta' Awissu qal li f'Għawdex m'hemmx żejt,iżda wara l-elezzjoni ordna li t-tħaffir għaż-żejt jinżel aktar fil-fond?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
L-ispjegazzjoni hi waħda sempliċi. Sal-lum, meta t-
tħaffir tal-bir jinstab fond madwar 6,430 metru, għad ma
nstabx żejt, aħseb u ara fit-23 ta' Awissu meta il-bir
kien fond 4005 metru biss.
Wara l-elezzjoni tal-5 ta' Settembru 1998, ġejt infurmat
li l-obbligu kontrattwali kien li t-tħaffir isir sa 5000
metru u li dan il-livell kien sejjer jintlaħaq fi ftit
ġranet wara. Għalhekk ġejt mitlub u awtoriżżajt li t-
tħaffir ikompli lil hinn mill-livell miftiehem
oriġinarjament.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-6 ta' Settembru sat-28 ta' Ottubru, 1998 fil-Forzi Armati ta' Malta? Jista' jagħti r-raġuni għalfejn saru dawn it-trasferimenti? Jista' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsiru trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol hawn fuq imsemmi?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
L-ewwelnett il-postings kollha fil-Forzi Armati jsiru
skond il-kundizzjonijiet tas-Servizz tal-Forza Regolari u
jieħdu in kunsiderazzjoni l-effiċjenza u l-effettivita
ta' l-Armata kif ukoll l-aħjar interess tas-Servizz.
Ninsab infurmat li kien hemm tlett postings ta'
individwi bejn Reġimenti fl-Armata fil-perjodu msemmi.
It-tlieta kienu biex jimtlew postijiet vakanti fl-aħjar
interess tas-Servizz.
Kien hemm ukoll tmien postings oħra bejn Kumpaniji fl-
istess Reġimenti. Dawn kienu jinkludu tnejn li skond
roster li ilu sejjer kien imisshom jinbidlu għal xogħol
ta' supervizjoni fi truppa f'Għawdex.
Ta min jgħid li f'armata ta' kważi elfejn ruħ
trasferimenti jsiru fuq bażi regolari.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-6 ta' Settembru, 1998 sat-28 ta' Ottubru, 1998 fid-Dipartimenti ta' l-Informazzjoni?
Jista' l-Prim Ministru jagħti r-raġuni għalfejn saru dawn it-trasferimenti?
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk huwiex il-ħsieb li jsiru trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol hawn fuq imsemmi?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jiena nfurmat illi matul il-perjodu msemmi kien hemm
trasferiment wieħed mid-Dipartiment ta' l-Informazzjoni.
Dan it-trasferiment kien ta' skrivana li marret id-
Dipartiment tas-Sigurta Soċjali biex tieħu taħriġ bħala
parti mill-eżerċizzju biex ix-Short Term Benefits
Section tad-Dipartiment tiġi trasferita għal Għawdex.
Għalkemm it-transfer għat-taħriġ sar qabel is-6 ta'
Settembru, l-iskrivana ġiet trasferita uffiċjalment għal
Għawdex b'effett mill-20 ta' Ottubru 1998.
Hemm tlett impjegati fid-Dipartiment ta' l-Informazzjoni
li talbu transfer għal xi dipartiment ieħor u t-talba
tagħhom qed tiġi kkunsidrata.
Jista' l-Prim Ministru jgħid meta hu maħsub li jiġi konkluż ix-xogħol tal-Kummissjoni nkarigata sabiex tagħmel rakkomandazzjonijiet dwar proċeduri ġodda kif il-minuri jixhdu fi proċeduri kriminali għal abbużi sesswali, liema kummissjoni twaqqfet aktar kmieni din is-sena taħt iċ-chairmanship ta' l-Onor. Imħallef Carmelo Agius?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-Kummissjoni twaqqfet fis-27 ta` Mejju 1998 u kellha
tippreżenta r-rapport tagħha fi żmien tliet xhur jew fi
żmien ieħor itwal kif estiz mill-Ministru tal-Gustizzja.
Ninsab infurmat li dan ir-rapport ma tlestiex u li l-
Kummissjoni reġgħet ġiet rikostitwita fit-28 ta` Ottubru
1998 bl-istess membri u ntalbet biex tippreżenta r-
rapport tagħha fi żmien tliet xhur oħra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'xogħol ingħata s-Sur Joe Zammit ex-Segretarju tal-Kabinett, 1996-98, mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-lum?
X'uffiċċju ngħata biex ikun jista' jaħdem?
Fuq liema kriterji ttieħdu dawn id-deċiżjonijiet? Kienu ispirati mill-kliem fid-diskors tal-President li int qed tmexxi gvern "ta' djalogu miftuħ għal kulħadd mingħajr l-esklużjoni ta' ħadd"?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Is-Sur Joe Zammit li serva bħala Segretarju tal-Kabinett
għal 22 xahar bejn l-1996 u l-1998 u li kien ingħata
promotion fil-21 ta' Awissu 1998 minn Grade 4 għal
Grade 2, għadu mhux kuntent bil-kariga li ngħata.
Jista' l-Prim Ministru jagħti lista ta' dawk l-impjegati fid-dekasteru tiegħu li qed jirċievu xi forma ta' allowance mill-5 ta' Settembru 1998? Min huma u xi grad għandhom? F'liema dipartiment jew sezzjoni qegħdin? Għal liema raġuni qed tingħata l-allowance lil kull wieħed jew waħda minnhom?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
B'riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 6, ninsab
infurmat li ma ngħataw ebda allowances ġodda mill-5 ta'
Settembru 1998 'il hawn lill-impjegati fid-dekasteru
tiegħi.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il metru kien tħaffer mill-kumpannija Saipem fis-Sit il-Madonna taż-Żejt, f'Kerċem, Għawdex sal-4 ta' Settembru, 1998? Jista' l-Ministru jgħid f'dak l-istudju x'kienu l-indikazzjonijiet li jinstab iż-żejt dejjem skond dak li kienu qed jgħidu lill-Gvern l-esperti?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li fl-4 ta' Settembru 1998, it-tħaffir tal-bir
f'Kerċem kien wasal fond ta' 4502 metri. L-esperti tal-Gvern
taw parir li skond l-indikazzjonijiet li kellhom kien hemm il-
possibbilta li jista jinstab iż-żejt aktar fil-fond.
B'riferenza għall-perjodu 10 ta' Settembru, 1998 sal-31 ta' Ottubru, 1998 u għad-dikasteru li għalih hu responsabbli, jista' l-Prim Ministru jagħti lista ta' kuntratti li saru ta' ġarr ta' għamara ta' uffiċini li ngħataw b'direct order u għal kull kuntratt jindika: 1) min kienu l-persuni li għamlu l-award; 2) lil min intalbu quotations; 3) kemm kienet kull quota; 4) min rebaħ il-kuntratt; 5) ingħatawx extensions fuq il-kuntratt oriġinali u jekk fl-affermattiv: 6) fiex kienu jikkonsistu; u 7) kemm kien il-valur totali tagħhom?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien infurmat li bejn l-10 ta' Settembru 1998 u l-31 ta'
Ottubru 1998 ingħataw dawn id-direct orders għal ġarr ta'
għamara fid-dikasteru tiegħi.
UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU
Segretarjat Privat Lm145 Borg Bros
Uffiċċju tal-Kabinett Lm 15 Borg Bros
Dipartiment tat-Tiftix għaż- Lm 250 Borg Bros
Żejt
DIVIŻJONI TAL-ĠUSTIZZJA
Dipartiment għas-Servizzi Lm2100 Borg Bros
Korporattivi
Billi kien hemm ċerta urġenza ma ntalbu ebda quotations oħra
ħlief fil-każ tad-Dipartiment tat-Tiftix għaż-Żejt fejn
intalbet quotation lil Schembri Bros (Zambaret) li ma
weġibx.
L-ispiża totali kienet kif tidher hawn fuq u ma ngħataw ebda
extensions.
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari numru 286, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk iqisx l-ingaġġ ta' xufiera impressed bħala essenzjali għax-xogħol tal-Gvern u l-funzjonijiet strateġiċi tiegħu?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Bħal kull ingaġġ ieħor, dak ta' xufiera impressed huwa ukoll
meqjus bħala essenzjali għax-xogħol tal-Gvern u l-funzjonijiet
strateġici tiegħu. Tant hu hekk li dawn għandhom isiru
mpjegati permanenti skond kif hemm fil-Programm Elettorali tal-
Gvern.
Il-ħsieb tal-Gvern hu li jiġi eleminat l-ingaġġ ta' vetturi
impressed. Għalhekk qed jingħad li d-drivers ta' vetturi
impressed għandhom isiru impjegati permanenti.
Il-Gvern ħatar xi sotto-kumitati tal-Kabinett? Jekk iva, jista' l-Prim Ministru jgħarraf lill-Kamra dwarhom?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-Gvern s'issa ħatar Kumitat tal-Kabinett Ad Hoc dwar il-
Proġett ta' l-Isptar il-Ġdid f'Tal-Qroqq.
Il-Kumitat jinkludi bħala membri:
Il-Prim Ministru
Il-Ministru għall-Politika Soċjali
Il-Ministru għall-Ambjent
Il-Ministru tas-Saħħa u
Is-Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru
Il-Kumitat iltaqa` fit-3 ta' Novembru 1998.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi l-policy tal-Gvern rigward it-talba tal-ħaddiema taċ-Ċivil u korpi parastatali sabiex jieħdu unpaid leave sabiex jagħmlu xogħol ma' xi kumpannija privata waqt li jkunu bl-istess leave?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-policy tal-Gvern għall-impjegati fis-Servizz Pubbliku
biex jieħdu unpaid leave biex jippruvaw xogħol ma' kumpanija
privata hija spjegata fiċ-Ċirkulari OPM 117/92 u Ċirkulari MPO
BI/6/94.
Talba għal dan il-għan tiġi kkunsidrata taħt il-kriterju
ta' ċirkostanzi speċjali u jekk din tiġi milqugħa, l-impjegat
jista jingħata sa tletin (30) ġurnata leave bla ħlas.
Din il-policy ma tkoprix impjegati ma' Korpi Parastatali u
entitajiet pubbliċi.
Jista' l-Prim Ministru jgħid liema bordijiet li jaqgħu taħt ir-responsabilitajiet tiegħu ġew rikostitwiti jew imġedda mill-aħħar Elezzjoni Ġenerali 'il hawn? In kwantu għal dawk rikostitwiti, jista' l-Ministru jagħti lista tal-persuni u għal kull persuna jgħid x'inhuma l-karigi tagħhom li kellhom fuq dawn il-bordijiet, minn meta ilhom maħtura fuq dawn il-bordijiet u x'inhi r-raġuni għat-tneħħija tagħhom?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Rigward l-ewwel parti tal-Mistoqsija, nirreferi lill-Onorevoli
Membru għat-tweġiba li tajt għal-Mistoqsija Numru 649 fid-9
ta' Novembru 1998.
Ma jidhirlix li għandi nsemmi r-raġunijiet għaliex ċerti
persuni jitneħħew minn fuq Bordijiet. Huwa d-dritt ta' kull
Gvern li skond ma jidhirlu hu, jaħtar nies kompetenti li
jkollu l-fiduċja fihom u li huma l-iżjed addattati biex iservu
fuq Bordijiet partikolari.
Jista' l-Prim Ministru ġentilment jgħid kemm, bejn wieħed u ieħor, ġiet tiswa l-Elezzjoni Ġenerali 1998?
Kemm ġiet tiswa l-Elezzjoni Ġenerali 1996?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat mill-Kummissarju Elettorali Prinipali li huwa stmat li l-Elezzjoni Ġenerali 1998 ġiet tiswa madwar Lm1,000,000. L-Elezzjoni Ġenerali 1996 ġiet tiswa Lm963,670.
Jista' l-Prim Ministru jgħid bejn l-1992 u l-1996 kemm kienu t-talbiet li tressqu quddiem il-Public Service Commisson għal talbiet biex persuni jiġu ngaġġati taħt l-iskema "buying of service" mal-Gvern?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-Buying of Services mhux ingaġġ ta' mpjegati mal-gvern u għaldaqstant ma jitressqux quddiem il-Public Service Commission.
Jista' l-Prim Ministru jagħti lista tal-membri kollha tas-segretarjati privati ta' kull Ministru u kull Segretarju Parlamentari fil-karigi relattivi tagħhom?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġibiet mogħtija minni b'risposti għall-Mistoqsijiet Parlamentari Numru 81 u 290.
Nerġa ntenni li f'dan l-istadju mhux possibbli li tingħata l-informazzjoni mitluba għar-raġunijiet li ngħataw fit-tweġibiet imsemmija.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġew kostitwiti bordijiet u kummissjonijiet mill-Gvern mill-elezzjoni 'l hawn u min huma?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien infurmat li mill-Elezzjoni 'l hawn, fid-dikasteru tiegħi, ġew rikostitwiti is-Senior Appointments Advisory Committee u il-Kumitat tan-Nomini (Att dwar Ġieħ ir-Repubblika).
Rigward Bordijiet u Kummissjonijiet oħra, nistieden lill-Onor Interpellant biex jirreferi il-mistoqsijiet tiegħu lill-Ministri responsabbli.