Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #28164 Sitting 445 2016-11-01 Oral · Final From: GEORGE PULLICINO To: Ministeru għat-Turiżmu

ITS – Smart City

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu mistenni li jinfetaħ il-bini l-ġdid tal-ITS fi Smart City? Il-Ministeru għall-Edukazzjoni jew il-Ministeru għat-Turiżmu qed jikkonsidra li jkollu xi post ieħor temporarju bħala ITS kemm-il darba l-bini preżenti jitbattal u dak fi Smart City ma jkunx għadu lest?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi x-xoghol fuq il-campus il-ġdid ġewwa Smart City huwa mistenni illi jibda minnufih hekk kif jinħargu l-permessi mill-awtoritajiet kompetenti. Sa meta jitlesta l- campus il-ġdid, l-ITS se tibqa topera minn ġewwa l- campus eżistenti. Għaldaqstant, m’hemmx ħtieġa illi jiġu kkunsidrati postijiet oħra temporanji.
Leg 12 PQ #28173 Sitting 445 2016-11-01 Oral · Final From: SILVIO SCHEMBRI To: Ministeru għat-Turiżmu

Problema ma' kumpanija — każ ta' persuna

Question

Jista' l-Ministru jara li tiġi kkuntattjata l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward il-problema li għandha fuq każ tal-kumpanija li d-dettalji dwarha ukoll qed jingħataw separatament?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi din il-persuna, li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, kif ukoll persuni oħra fl-istess sitwazzjoni jew simili, ser ikunu qed jiġu kkuntattjati fil-mument opportun.
Leg 12 PQ #27969 Sitting 438 2016-10-28 Oral · Final From: SILVIO SCHEMBRI To: Ministeru għat-Turiżmu

Somma tal-Air Malta – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara li jiġi kkuntatjat l-individwu li d-dettalji dwaru qegħdin jingħataw separatament minħabba li għandu problema fuq is-somma tal-Airmalta?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-talba tal-individwu li d-dettalji dwaru qegħdin jingħataw separatament, ġiet mistħarrġa u ttieħdet deċiżjoni. L-individwu ġie mgħarraf permezz ta’ ittra li ntbgħatet personalment lilu, qabel saret din il-Mistoqsija Parlamentari.
Leg 12 PQ #28046 Sitting 431 2016-10-25 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għat-Turiżmu

Għawdex – applikazzjonijiet għal-lukandi

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 26889, fejn fit-tweġiba ngħad li hemm ħames applikazzjonijiet pendenti għal lukandi ġewwa Għawdex, jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru (separatament) ta' sodod jew żieda ta' sodod, skont il-każ, f'dawn l-applikazzjonijiet - żewġ applikazzjonijiet ta' lukandi ġodda ta' żewġ stilel, applikazzjoni ta' lukanda ta’ 4 stilel, oħra għall-estensjoni ta' lukanda ta' 4 stilel, applikazzjoni ġdida għall-Guest house u oħra għall-Hostel?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor.i Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #27450 Sitting 426 2016-10-12 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Taxxa tal-50 ċenteżmu għal kull turist – proġetti ffinanzjati

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema proġetti mistennija jkunu ffinanzjati mid-dħul li ser ikun hemm mit-taxxa ta' 50 ċenteżmu għal kull lejl għat-turisti, matul din is-sena u s-sena d-dieħla?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 460, datata 10 ta’ Ottubru.
Leg 12 PQ #26893 Sitting 425 2016-10-11 Oral · Final From: JOE FARRUGIA To: Ministeru għat-Turiżmu

Strateġija biex it-turisti jesperjenzaw il-kultura Maltija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemm strateġija biex it-turisti jesperjenzaw jew jiġu nkuraġġuti jesperjenzaw aktar il-kultura Maltija billi jersqu aktar lejn il-villaġġi u l-kampanja?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-politika tal-Gvern għat-turiżmu 2015-2020 tisħaq il-ħtieġa li pajjiżna jiġi proġettat fit-totalità tiegħu kollha lit-turisti li jżuruna. Dan sabiex inkunu nistgħu noffru d-diversità storika, kulturali, ambjentali u tal-pajsaġġ li joffri pajjiżna minkejja ċ-ċokon tiegħu. B’dan il-mod inkunu nistgħu nattiraw firxa aktar wiesgħa ta’ viżitazzjonijiet turistiċi li jiġu fostna sabiex jesperjenzaw lil Malta u Għawdex matul it-tnax-il xahar tas-sena. Mil-lat prattiku, qed naraw żvilupp ta’ prodott ġdid mill-aktar interessanti f’akkomodazzjoni żgħira fil-villaġġi u l-irħula tagħna. Dan qed jiġi sostnut bi proġetti ta’ mixjiet u attrazzjonijiet ġodda li jgħinu jrendu l-kampanja aktar aċċessibili għall-viżitaturi tagħna.
Leg 12 PQ #27525 Sitting 425 2016-10-11 Oral · Final From: ANTOINE BORG To: Ministeru għat-Turiżmu

MTA – individwu – training camps għal tfal Maltin

Question

B’referenza għall-kuntratt li ġie ffirmat lura fl-2014 bejn l-uffiċjali tal-Klabb tal-Futbol internazzjonali li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il training camp għal tfal Maltin fid-diversi nurseries imxerrda madwar Malta u Għawdex mexxa f’pajjiżna l-individwu li ismu qed jingħata separatment, matul l-2014, l-2015 u l-2016?? Jista’ jgħid fejn ġew organizzati dawn il-camps u kemm ħallas kull ġenitur biex ibnu/bintu setgħu jipparteċipaw?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-kuntratt ta’ Javier Zanetti huwa ta’ natura promozzjonali fuq is-suq ġeografiku Taljan. Għaldaqstant, il-kuntratt jinkludi it-tnehid ta’ football training camps f’Malta li huma mmirati dejjem għas-suq Taljan u miftuħin għall-parteċipazzjoni ta’ individwi Taljani żgħar jew kbar, b’mod esklussiv. L-istess ftehim ma jinkludi fih l-ebda attivita ta’ training camps għat-tfal Maltin. Madanakollu Javier Zanetti b’permezz tal-Fondazzjoni PUPI li hi fondazzjoni mwaqqfa mill-plejer stess immirata biex tgħin tfal u familji żvantaġġjati fl-Arġentina, kellu diversi laqgħat ma tfal li jattendu Football Nurseries f’Malta. Fi Frar li għadda ġie organiżżat training camp b’kollaborazzjoni bejn Zebbug Rangers FC Youth Nursery, Fondazzjoni PUPI u l-Awtorita Maltija għat-Turiżmu għal tfal bejn il-5 snin u l-15 il sena. Il-miżati ta’ €30 li nġabru minn kull parteċipant/a ingħataw donazzjoni lill-Fondazzjoni PUPI.
Leg 12 PQ #27526 Sitting 425 2016-10-11 Oral · Final From: ANTOINE BORG To: Ministeru għat-Turiżmu

MTA – avvenimenti sportivi, edukattivi u kulturali

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ avvenimenti sportivi, edukattivi u kulturali li saru barra minn xtutna u li ġew assistiti mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu bejn Jannar 2014 u Awwissu 2016?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Leg 12 PQ #27527 Sitting 425 2016-10-11 Oral · Final From: ANTOINE BORG To: Ministeru għat-Turiżmu

MTA – lista ta’ personalitajiet assistiti

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ personalitajiet Maltin li ġew assistiti direttament mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu waqt il-parteċipazzjoni tagħhom barra minn Malta bejn Jannar 2014 u Awwissu 2016?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Leg 12 PQ #458 Sitting 424 2016-10-10 Written · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Qawra / Buġibba — Perched beach

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-perched beach tal-Qawra/Buġibba jew partijiet minnu fil-fatt humiex riservati għal min ikun qed juża l-lukandi ta' madwar, u li persuni oħra ma jitħallewx jużaw din l-istess bajja? Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk persuni privati jistgħux jitkeċċew minn dan il-post mill-operaturi tal-lukandi?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, żewġ partijiet mill-Perched Beach huma riservati għal żewg lukandi fl-akkwata. Waħda topera minn naħa tax-xellug filwaqt li l-oħra topera minn naħa tal-lemin. Iż-żewġ lukandi ngħataw il-permessi sabiex joperaw dawn il-beach concessions mid-Dipartiment tal-Artijiet fl-2007. Fl-istess ħin hemm parti sostanzjali fin-nofs għall-użu tal-pubbliku u għalhekk il-pubbliku m’għandux għalfejn jitkeċċa minn fuq din il-bajja.
Leg 12 PQ #460 Sitting 424 2016-10-10 Written · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Turisti — Ħlas ta’ 50 ċenteżmu għal kull lejl– proġetti minn fondi miġbura

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-proġetti li mistennija li jiġu ffinanzjati mill-fondi miġbura mill-ħlas ta' 50 ċenteżmu għal kull lejl mit-turisti li jkunu f'Malta, billi l-proċess ta' permessi meħtieġa, jitlob li jiġi użat ammont ta' ħin qabel jiġu akkwistati l-istess permessi? Billi fl-okkażżjoni ta' ċerimonja f'Birżebbugia, dwar Għar Dalam, li għaliha fost l-oħrajn attenda l-Ministru, ingħad li l-fondazzjoni responsabbli minn dawn il-proġetti għandha bosta proġetti li jistgħu jiġu ffinanzjati b'dan il-mod. Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma dawn il-proġetti, u fejn jinsabu?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġetti li se jintgħażlu mill-Bord li twaqqaf għal dan il-għan, u li se jkunu ffinanzjati mill-fondi miġbura mill-Eko Kontribuzzjoni sabiex intejbu l-kwalità tal-prodott turistiku f’pajjiżna, jiġu mħabbra fil-mument opportun.
Leg 12 PQ #476 Sitting 424 2016-10-10 Written · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Għadira – ħsarat fis-sistema tad-dawl tal-festun

Question

Billi jidher li s-sistema tad-dawl tal-festun li hemm l-Għadira spiss qed ikollha ħsarat, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex isiru t tiswijiet neċessarji biex din il-ħsara ma tibqax tirrepeti ruħha?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li permezz tal-Fondazzjoni għall-Iżvilupp ta’ Żoni Turistiċi ittieħdet azzjoni minnufih sabiex id-dawl tal-festun tal-Għadira, li ġie nstallat mill-istess Fondazzjoni bħala parti mill-proġetti ta’ tisbieħ li qed jitwettqu fid-diversi żoni turistiċi f’pajjiżna, jiffunzjona.
Leg 12 PQ #493 Sitting 424 2016-10-10 Written · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Finanzi meħtieġa għat-toroq ta’ Buġibba u l-Qawra

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'rappreżentazzjonijiet għamel il-Ministeru, kemm mal-Ministru tal-Finanzi, kif ukoll ma' dak tat-Trasport biex il-finanzi meħtieġa għat-toroq ta' Buġibba u l-Qawra jiġu provduti fil-iqsar żmien possibbli? X'kienet ir-reazzjoni ta' dawn il-Ministeri għat-talbiet li saru?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 26248, datata 22 ta’ Ġunju 2016.
Leg 12 PQ #495 Sitting 424 2016-10-10 Written · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Stabbilimenti kummerċjali, bars u ristoranti — skart

Question

Billi jidher li numru ta' sidien jew amministraturi ta' stabbilimenti kummerċjali, kemm bars/restaurants, kif ukoll lukandi, jidher li mhux qed jimxu ma' dak li hu mistenni minnhom, u/jew qed iħallu l-iskart tagħhom wara l-bibien tard billejl, u dan jibqa' hemm sal-għada filgħodu, u fil-każ ta' xi lukandi qed iħallu wkoll skips jiġru fit-toroq, minflok jaraw li dawn jinżammu fejn ma jkunux jidhru mill-pubbliku, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex dawn l-istess operaturi jiġu mfakkra fl-obbligi tagħhom, u dan għall-benefiċċju tal-lokalitajiet fejn jinsabu u tagħhom stess?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, fil-bidu tas-sena, bagħtet ittra lil kull detentur tal-liċenzja ta’ stabbilliment tal-ikel tfakkarhom bl-obbligi legali tagħhom. Fosthom, kien hemm illi jrid ikollhom kuntrattur awtoriżżat għall-ġbir ta’ skart kif ukoll ġew imfakkra dwar il-regolamenti dwar l-iskart. Miżura oħra li qegħda tittieħed hija li kull applikant ta’ stabbilliment tal-ikel huwa mitlub jippreżenta kopja ta’ kuntratt għall-ġbir ta’ skart qabel ma tinħareg liċenzja. Waqt spezzjonijiet li jsiru mit-Taqsima tal-Infurzar, l-operatur jiġi mistoqsi biex jippreżenta kopja tal-kuntratt u/jew kopji ta’ rċevuti relatati ma’ ġbir ta’ skart.
Leg 12 PQ #530 Sitting 424 2016-10-10 Written · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Selmun Palace Hotel — għassa

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Lukanda Selmun Palace għadx għandha l-għassa magħha? Min qed jipprovdi din l-għassa, u issa li m'għadhiex għand l-Air Malta, min qed iħallas għal dan ix-xogħol?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-għassa għadha dik li kien hemm f’dawn l-aħħar snin. Ir-reponsabilità llum qiegħda għand il-Ministru tal-Finanzi..
Leg 12 PQ #531 Sitting 424 2016-10-10 Written · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Selmun Palace — amministrazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Palazz ta' Selmun għadux qed jiġi amministrat mill-Air Malta? Jekk le, min qed jieħu ħsieb dan l-istess Palazz?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Palazz ta’ Selmun m’għadux amministrat mill-Air Malta. Selmun Palace Hotel inxtrat mill-Gvern f’konformita mad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropeja f’każijiet simili.
Leg 12 PQ #546 Sitting 424 2016-10-10 Written · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Xemxija – bajja bir-ramel

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex waslu l-pjanijiet biex fix-Xemxija jkun hemm żvilupp ta' bajja bir-ramel?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 16580 u ninformah li filwaqt id-disinji huma lesti, ġie konkluż l-istudju ta’ impatt ambjentali u dalwaqt jibda l-proċess tal-evalwazzjoni tal-istudju mill-awtorijiet ambjentali.
Leg 12 PQ #547 Sitting 424 2016-10-10 Written · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

MTA – żmien il-Milied – tiżjin ta’ lokalitajiet turistiċi

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk din is-sena l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) hux ser tkun qiegħda żżejjen xi lokalitajiet turistiċi partikulari għal żmien il-Milied? Jekk iva, fejn?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ma tagħmel l-ebda tiżjin relatat mal-Festi tal-Milied.
Leg 12 PQ #548 Sitting 424 2016-10-10 Written · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

MTA – stabbilimenti turistiċi – tkabbir ta’ lukandi

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm stabbilimenti turistiċi talbu, u għandhom l-approvazzjoni tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA), biex ikabbru l-lukandi tagħhom? Fejn jinsabu dawn l-estensjonijiet approvati, u kemm ser iġibu magħhom żidiet fin-numru ta’ sodod? Kemm ser tkun iż-żieda, separatament għal kull kategorija?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-applikazzjonijiet għall-estenzjonijiet approvati fis-sena 2016 huma kif imniżżel fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #549 Sitting 424 2016-10-10 Written · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

ITS – trasport għall-istudenti

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar minn fejn huma, lokalità lokalità, is-sitt mitt student li ser ikunu qed jattendu l-ITS din is sena? X'tip ta’ trasport qed ikun provdut biex l-istudenti jattendu għal-lectures tagħhom?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, tabella bit-tagħrif dwar minn fejn huma is-642 istudent li qed jattendu l-ITS f’din is-sena skolastika. Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellant li l-maġġoranza tal-istudenti jużaw it-trasport pubbliku sabiex jivvjaġġaw lejn l-ITS. Hemm uħud ukoll li jużaw il-vetturi privati tagħhom. L-ITS fil-preżent ma joffrix trasport lejn u minn l-ITS ħlief għal dawk l-istudenti li jattendu tard filgħaxija għal-lezzjonijiet fl-ipproċessar u s-servizz tal-ikel fir-ristoranti tal-ITS. Dawn l-istudenti partikolari jitwasslu lejn darhom bit-trasport tal-ITS.