Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #26990 Sitting 567 2001-07-03 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Wied il-Għajn — Dwal

Question

Jogħġbu l-Ministru jara li jinbidlu l-bozoz mitfija u jsiru oħrajn ġodda fejn m'hemmx fil-front ta' Marsascala, speċjalment fil-parti ta' fejn il-Jerma?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni neċessarja.
Leg 9 PQ #26673 Sitting 566 2001-07-02 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Air Malta — Promozzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm ingħataw promozzjonijiet jew upgradings fl-AirMalta bejn Settembru 1998 u l-aħħar ta' April ta' din is-sena? Kemm minnhom ingħataw wara li kienet ħarġet sejħa apposta interna għalihom? (PQ waslet 18/5/2001)

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li bejn Settembru 1998 u t-30 ta' April ta' din is-sena kien hemm dawn il-promozzjonijiet jew upgradings fl-Air Malta; 153 wara sejħa għall-applikazzjoni 11 ħatriet ta' Group Heads u Heads 26 piloti 170 wara sostituzzjoni għal tlettax-il xahar.
Leg 9 PQ #26674 Sitting 566 2001-07-02 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Air Malta — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm bħalissa impjegati fl-Air Malta li ingħataw ħatra bħala acting għal grad ogħla u meta, bħala medja, se jagħlaq iż-żmien ta' sena f'ħatra bħal din li allura tikkonfermahom fi grad ogħla? (PQ waslet 18/5/2001)

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li fil-preżent hemm erbgħin impjegat ta' l-Air Malta li qed jagħmlu sostituzzjoni awtorizzata skond Artiklu 6.6.9 tal-ftehim kollettiv. Id-dati effettivi tagħhom ivarjaw minn Awissu 2001 u Ġunju 2002. Il-promozzjoni, kif kienet il-prattika dejjem, issir effettiva wara tlettax-il xahar.
Leg 9 PQ #26677 Sitting 566 2001-07-02 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Air Malta — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda fl-Air Malta, sena b'sena bejn Settembru 1998 u l-aħħar ta' April ta' din is-sena; (a) f'impjiegi permanenti; u (b) f'impjieg temporanju jew tas-sajf? (PQ waslet 18/5/2001)

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li n-numru ta' ħaddiema ġodda impjegati ma' l-Air Malta bejn April 1998 u Ġunju ta' din is-sena kien kif ġej: PERJODU PERMANENTI TEMPORANJU/PART-TIME April 1998 - Marzu 1999 40 211 Settembru 1998 - Marzu 1999 13 18 April 1999 - Marzu 2000 39 347 April 2000 - Marzu 2001 34 399 April 2001 - Ġunju 2001 47 22 Tajjeb jingħad li dawn il-figuri ma jinkludux ħaddiema barranin u ż-żieda fl-impjiegi staġjonali huwa riżultat ta' aktar xogħol matul dawn l-aħħar sentejn.
Leg 9 PQ #26679 Sitting 566 2001-07-02 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Air Malta — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm mill-impjegati ġodda fl-Air Malta ddaħħlu wara sejħa pubblika, kemm minnhom kienu qed jirreġistraw għax-xogħol u f'dan il-każ x'kienet il-medja ta' żmien li kien ilhom jirreġistraw qabel iddaħħlu ma' l-Air Malta? (PQ waslet 18/5/2001)

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li minn Settembru 1998 'l hawn, ġew impjegati tmienja u tletin persuna ma' l-Air Malta wara sejħa pubblika u ħamsa u disgħin persuna li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol mal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ. Rigward kemm dawn kien ilhom jirreġistraw, il-kumpanija nazzjonali ta' l-ajru ma żżommx rekord ta' dan it-tip.
Leg 9 PQ #26681 Sitting 566 2001-07-02 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Air Malta — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm impjegati ta' l-Air Malta li huma sekondati fil-ministeru tiegħu? Kemm ilhom fl-impjieg ma' l-Air Malta, kemm effettivament ħadmu f'xogħol tal-kumpannija u jekk ħadux promozzjonijiet tul iż-żmien ta' secondment? (PQ waslet 18/5/2001)

Response (BONNICI, JOSEF)

Bħalissa hemm żewġ impjegati ta' l-Air Malta sekondati mal-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi. Wieħed għandu grad ta' messaġġier u ilu sekondat sena u nofs. Il-persuna l-oħra, li ilha sokondata sentejn, għandha l-grad ta' messaġġier u fl-1999 kienet ingħatat promozzjoni għal telephone operator.
Leg 9 PQ #26806 Sitting 566 2001-07-02 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Maltacom — Għawdex

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jgħid jekk hux veru li hemm ħsieb li l-Maltacom titrasferixxi s-servizz tal-194 (overseas) għal Għawdex? Jekk hemm dan il-ħsieb, x'inhu l-iskop wara deċiżjoni bħal din? X'se jsir mill-ħaddiema tal-194 fl-eventwalita' li dan jiġi trasferit għal Għawdex?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li fil-preżent il-Maltacom qed tistudja diversi alternattivi dwar it-tħaddim tas-servizz tal-194, fosthom it-trasferiment ta' dan is-servizz għal Għawdex. Id-deċiżjoni ser tkun bażata fuq parametri finanzjarji peress li d-domanda għal dan is-servizz dejjem qed tonqos. Fl-eventwalita' li dan is-servizz ma jibqax jitħaddem mill-operaturi attwali, dawn l-impjegati jiġu allokati f'taqsimiet oħra tal-Maltacom skond il-ħtieġa.
Leg 9 PQ #26859 Sitting 566 2001-07-02 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Overtime

Question

Jista' l-Ministru jgħidilna kemm qiegħed isir overtime fil-generation u kemm-il siegħa ta' overtime il-ħaddiema qed jagħmlu fil-power stations imħaddma mill-Enemalta? a) Veru li hemm ħaddiema li qed jaħdmu aktar minn erba' u għoxrin siegħa? b) Veru li hemm ħaddiema li jidħlu għax-xogħol u ma jafux fi x'ħin joħorġu? c) Jista' l-Ministru jgħidilna kemm qed jinħela overtime fis-sezzjonijiet tal-Human Resources? d) Skond il-memo li ħareġ ic-chairman fit-23 ta' Novembru 1999 (kopja annessa separatament) ħadd ma jista' jagħmel overtime, din tgħodd għal kulħadd jew għal ċerti ħaddiema?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li matul dawn l-aħħar xhur is-sahra totali fil-power stations (generation) kienet bejn wieħed u ieħor disat elef siegħa fix-xahar. Dwar il-partijiet l-oħra tal-mistoqsija, tajjeb jingħad li a. Hu każ rari ħafna li ħaddiem jaħdem erbgħa u għoxrin siegħa meta wieħed jikkunsidra li s-sistema tax-shift hi mfassla proprju sabiex ma tinħoloqx din il-possibilta'. b. Fis-sezzjoni ta' l-Operations, ħaddiem ma jistax jitlaq mill-post tax-xogħol jekk ma jiġix mibdul għar-raġuni ovvja biex l-impjant ma jitħalliex bla superviżjoni. Għaldaqstant, meta persuna tirraporta li ma kinitx ser taddenti għax-xogħol minħabba mard, il-ħaddiem li kien ser jinbidel jibqa' hemm sakemm jinstab ħaddiem ieħor li jkun jista' jieħu postu. c. Kuntrarjament għal dak li qed jiġi allegat, fis-Sezzjoni tar-Riżorsi Umani ma hemm l-ebda ħela ta' sahra. L-introduzzjoni ġdida tas-sistema ta' punching ġabet aktar xogħol u għalhekk inħasset il-ħtieġa ta' aktar nies biex din il-funzjoni titħaddem b'mod effettiv. d. jekk wieħed jaqra sewwa l-kontenut ta' l-imsemmi memorandum, ma kienx hemm projbizzjoni tas-sahra fejn hu meħtieġ tassew, iżda li jkun hemm l-approvazzjoni bil-quddiem meta jkun hemm il-ħtieġa li ssir xi sahra.
Leg 9 PQ #26871 Sitting 566 2001-07-02 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Crane

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-crane il-kbir li hemm mal-baċir nru.1 ta' Bormla, jitneħħa? Jekk fl-affermattiv, jista' jagħti ndikazzjoni meta dan jista' jseħħ?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li bħala parti mill-iżvilupp ta' l-area madwar il-baċir numru wieħed, il-krejnijiet li hemm ħdejn l-istess baċir jaf ikun hemm bżonn jitneħħew minn fejn huma. Dan isir meta jibda l-iżvilupp ta' l-imsemmija area.
Leg 9 PQ #26873 Sitting 566 2001-07-02 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Petrol u Diesel

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba u b'kemm ammont fi flus il-prezz tal-petrol u d-diesel għola mill-1990 sal-lum

Response (BONNICI, JOSEF)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 11691 waqt is-Seduta numru 190.
Leg 9 PQ #26942 Sitting 566 2001-07-02 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Maltacom

Question

Jista' l-Ministru jara li jitneħħew il-wires zejda tal-Maltacom li hemm quddiem ir-residenza tal-persuna li l-partikularijiet tagħha qed jintbagħtu separatament min din il-mistoqsija?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba ta' l-Onorevoli Membru ġiet mgħoddija lill Maltacom sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni relattiva.
Leg 9 PQ #26945 Sitting 566 2001-07-02 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta

Question

Jista' l-Ministru jara li jitneħħew il-wires zejda ta' Enemalta li hemm quddiem ir-residenza li d-dettalji jinsabu separatament min din il-mistoqsija?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba ta' l-Onorevoli Membru ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni relattiva.
Leg 9 PQ #26948 Sitting 566 2001-07-02 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Melita Cable

Question

Jista' l-Ministru jara li jitneħħew il-wires żejda tal-Melita Cable li huma quddiem ir-residenza tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbatu separatament?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Melita Cable hija kumpanija privata u għaldaqstant ma taqax taħt il-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi. Ir-regolatur f'dan il-qasam jaqa' taħt il-Ministeru għat-Trasport u Telekomunikazzjoni.
Leg 9 PQ #26962 Sitting 566 2001-07-02 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Tarzna

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ħalla qliegħ ix-xogħol li għamlet it-tarzna fuq il-vapur La Salle? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rapport dwar qliegħ u spejjes li saru fuq il-vapur imsemmi?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ir-rapport mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa ta' natura kummerċjali u għaldaqstant ma jkunx fl-interess tat-Tarzna ta' Malta li dan jiġi ppubblikat. Madanakollu inserraħ ras l-Onorevoli Interpellant li dan ix-xogħol kien ta' fejda mhux żgħira għal din l-azjenda u ħalla frott ħafna iżjed minn bosta xogħol ieħor li daħlet għalih fil-passat. Fil-fatt huwa stmat li dan il-proġett ħalla profitt ta' Lm1 miljun, waqt li l-infieq ieħor fil-pajjiż mhux konness mat-Tarzna huma stmat li kien maż-żewġ miljun lira.
Leg 9 PQ #26972 Sitting 566 2001-07-02 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

WSC

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari nru. 26742?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma għadha mhux qed tħaddem is-sistema ta' telemetry. Tajjeb jingħad li l-Korporazzjoni kienet waqqfet il-kuntratt mal-kuntrattur oriġinali peress li anke wara li kien ingħata żmien twil biex jirranġa s-sitwazzjoni, dan wera li ma kienx ser jagħti sistema tajba u sodisfaċenti li taqdi l-bżonnijiet tal-Korporazzjoni. Il-hardware u l-istrumenti li ġew provduti kienu ċċertifikati bħala aċċettabbli mill-Korporazzjoni, pero' is-software ma kienx. Ta' dik il-parti li kienet sodisfaċenti, il-Korporazzjoni ħallset 140,840 Euros, jiġifieri erbgħin fil-mija biss tal-parti tal-kuntratt li kellha tħallas hi, waqt li l-Injoni Ewropea ħarġet sittin fil-mija tal-kumplament, jiġifieri 505,809 Euros. Sabiex iġġib is-sistema tiffunzjona tajjeb, il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma ħadet dawn il-miżuri: 1. ikkoreġiet il-wiring u l-wiring diagrams 2. iċċekkjat l-operat, u fejn kien hemm bżonn sewwiet, ta' tmenin fil-mija ta' l-istrumenti u kkalibrathom 3. irranġat il-pożizzjoni u l-wiring tar-Radio Base Station u ċċekkjat ir-radios kollha 4. qed tirranġa l-provvista ta' sample u drains għall-istrumenti analitiċi kollha 5. ittestjat u sewwiet ħdax-il outstation tad-distribuzzjoni. Dawn għandhom jibdew joperaw sa l-aħħar ta' Lulju fuq sub system għalihom. 6. ippreparat specifications u dalwaqt ser toħroġ għall-offerti għax-xiri ta' software u xi engineering ieħor meħtieġ wara l-bidla tas-software prinċipali. Il-flus li l-Korporazzjoni ma ħallsitx lill-kuntrattur ser jiġu użati għal dan ix-xiri.
Leg 9 PQ #26977 Sitting 566 2001-07-02 Oral · Final From: FRANCIS AGIUS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Senior Officers

Question

Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni rigward riżultat ta' eżami (intern) bil-miktub fl-MIA li ilu li sar minn Frar 2001, wara li qabel kien sar interview f'Gunju 2000 u kors f'Ottubru 2000, għal Senior Officers fl-istess MIA?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li r-riżultat ta' l-eżami li qed issir riferenza għalih ġie ppubblikat u fil-fatt fis-26 ta' Ġunju 2001 twaħħal man-notice board li hemm fil-bini tal-Kumpanija.
Leg 9 PQ #26978 Sitting 566 2001-07-02 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Post-Persons

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari nru. 26738?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li mill-aħħar eżami għall-Postal Operators li kien sar f'Mejju ta' din is-sena, għaddew tnejn u ħamsin u dan l-eżami jibqa' validu sal-31 ta' Diċembru li ġej. Sa llum ġew impjegati tmien pustiera. Vakanzi fil-grad ta' pustier jimtlew minn żmien għal żmien skond il-ħtieġa.
Leg 9 PQ #26665 Sitting 565 2001-06-27 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta — Tower Ladder

Question

Jista' l-Ministru jgħid min hija d-ditta li qed tipprovdi t-tower ladders fl-Enemalta? Jista' jgħid kemm ilu jsir dan l-użu u sal-lum kemm ammontaw il-kontijiet xahar b'xahar? (PQ waslet 16/5/2001)

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li d-ditta li tipprovdi t-tower ladders lill-Korporazzjoni Enemalta hija "Ta' Falzon Land Rovers Limited". Din id-ditta ilha tipprovdi dan is-servizz minn Awissu 1999. It-tower ladders dejjem inkrew wara li jkunu saru sejħiet għal offerti. Il-ħlasijiet li saru lil din id-Ditta, kull sena, kien kif ġej: 1999 - bejn Awissu u Novembru Lm 8,303 2000 - bejn Jannar u Diċembru Lm31,835 2001 - bejn Jannar u Ġunju Lm21,251 Ta' min jgħid li dawn il-ħlasijiet jinkludu l-vetturi bix-xufier, il-fuel u l-ispejjeż l-oħra. Tajjeb jingħad ukoll li l-ħlas isir biss meta jinkrew il-vetturi.
Leg 9 PQ #26667 Sitting 565 2001-06-27 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta — Għoti ta' Demm

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-iskema ta' ġurnata off għal ħaddiema li jmorru jagħtu d-demm fl-Enemalta mhux qed tiġi pprattikata? Jista' jgħid jekk itteħditx deċiżjoni li din l-iskema titneħħa? (PQ waslet 16/5/2001)

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li ma kien hemm l-ebda tibdil fil-proċedura li għandha tiġi segwita mid-donatur tad-demm waqt il-ħin tax-xogħol, ħlief li t-talba għandha tiġi mressqa u approvata mill-Manager tad-Diviżjoni fejn jaħdem id-donatur.