Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra meta se jingħata l-pagament tas-sussidju li jmiss lill-bdiewa full-time mogħti fuq ir-raba’ maħdum?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi nisab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li bħal ma ġara fis-snin preċedenti, il-pagamenti inkwistjoni huma mistennija li jsiru f’Diċembru li ġej.
Jista’ jgħid għalfejn is-sussidju tal-bdiewa full-time għall-ħxejjex li ddaħħlu l-pitkalija matul is-sena 2013 għadu ma ngħatax? Jista’ jgħid meta dan se jingħata?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi skont l-informazzjoni miġbura mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, minkejja li l-vot tal-Special Market Policy Programme for Maltese Agriculture (SMPPMA) fl-2013 kellu l-fondi neċessarji (€2.3 miljun) sabiex ikopri s-sussidji għas-setturi tat-tadam, dwieli, frott u ħxejjex, dawn il-fondi ntużaw mill-amministrazzjoni preċedenti fil-perjodu Jannar - Frar - Marzu 2013 (qabel l-elezzjoni ġenerali), sabiex jagħmlu tajjeb għall-infieq u arrear payments f’setturi oħra li ma kienx hemm flus ivvutati għalihom, fosthom:
Arretrati dovuti lis-settur tal-ħalib - €171,538
Pagamenti ta’ ħlasijiet dovuti lill-Ta’ Qali Producers Group
lill-bdiewa membri tagħhom - €203,824
Drafting
tad-Dokument (National Agricultural Policy) - €90,100
Part payment għall-
pig vaccination scheme
dovut lill-K.I.M. - €40,000
Ħlas ta’ sussidju ta’ 1.75% fuq bejgħ mill-pitkalija - €103,753
Ħlas ta’ sussidju ta’ 1.75% fuq bejgħ mill-FCCS - €22,547
Ħlasijiet dwar studji fuq
bio-digester
- €108,808
Ħlasijiet lid-ditta
EUROPA
(4th and final installment)
- €30,208
Arretrati ta’ sussidji dovuti fl-2011 fuq tkabbir ta’ dwieli - €415,030
Arretrati ta’ sussidji dovuti fl-2011 fuq ħxejjex u frott - €170,068
Għajnuna għat-tadam għall-iproċessar dsovuti
għas-sena 2012 - €573,491
Spejjes Mixxelani - €194,059.82
Total ta’ €2,123,426.82
B’riżultat ta’ din l-amministrazzoni ħażina ta’ fondi, mill-flus allokati (€2.3 miljun) għas-sussidju li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant, kien baqa’ biss bilanċ ta’ €176,573 biex jagħmlu tajjeb għal:
1. pagamenti dovuti għas-sussidji fuq frott u ħxejjex tal-2012 (€737,000). Dan il-pagament issa tħallas mill-voti allokati fil-Baġit 2014.
2. għajnuna addizzjonali tal-2012 fuq dwieli (€760,000) u
3. sussidju ta’ 1.75% lill-Pitkali (€170,000), u
4. is-sussidju dovut fuq ħxejjex u frott, tas-sena 2013 (li huwa stmat li jlaħħaq il-fuq minn €700,000)
Qegħdin isiru bosta taħdidiet mal-Ministeru tal-Finanzi bil-għan li jsir provvediment adekwat għall-baġit għas-sena 2015.
Din hija s-sitwazzjoni u il-wirt li ħallewlna l-amministrazzjoni preċedenti. Hija ta’ mistħija kif l-Oppożizzjoni trid tagħmel kapital minn sitwazzjoni li ħalliet warajha hija stess.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk persuni li qed imorru l-uffiċċju tal-agrikultura, fil-pitkalija, biex jiċċekkjaw dwar sussidji, jew biex jaraw dwar xi diffikultajiet oħra li qed jiltaqgħu magħhom, hux meħtieġ mingħandhom li jippreżentaw il-Karta tal-Identità, fl-uffiċċju nnifsu, mas-security li hemm fil-bieb, ukoll jekk ikunu diġa għaddew mill-gate prinċipali? X' inhi r-raġuni għall-ġbir ta' din l-informazzjoni, biex bniedem ikun jista' jinqeda?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Pitkalija joperaw żewġ entitajiet differenti - l-Uffiċċju Amministrattiv tal-Pitkalija, kif ukoll Uffiċċju tal-Aġenzija tal-Pagamenti fejn il-bdiewa japplikaw għas-sussidji fuq l-art li tinħadem.
Mal-bieb tal-Uffiċċju tal-Agenzija Tal-Pagamenti hemm preżenti uffiċjal tas-sigurta` li jitlob il-Karta tal-Identita` u d-dettalji mill-klijenti – l-isem, l-indirizz u nota fuq l-informazzjoni li tkun qed tintalab - sabiex dawk il-persuni li jieħdu servizz mill-Aġenzija tal-Pagamenti jiġu rregistrati fis-sit elettroniku
servizz.gov
.
Dan qed isir biex jinżamm rendikont tal-informazzjoni kollha li tinħareġ lill-pubbliku.
Il-Karta tal-Identita` tista’ tintalab lill-klijenti meta jkunu quddiem l-uffiċjal amministrattiv, minħabba obbligi taħt l-Att tal-Protezzjoni tal-Informazzjoni (2001). Dan sabiex jiġu evitati każijiet fejn tingħata informazzjoni lil terzi persuni mhux awtorizzati, bħal f’ċirkustanzi fejn per eżempju l-art involuta tkun qed tinħadem minn xi ħadd li mhux is-sid u li għalkemm ikollu l-awtorita` biex jagħmel dan, il-Karta tal-Identita` tkun bżonjuża biex isiru l-verifiki necessarji.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' kontrolli qed isiru fil-gate tal-pitkalija, kemm waqt li n-nies ikunu deħlin, kif ukoll waqt li jkunu ħerġin? Jista' jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' bejjiegħa li huma awtoriżżati li jidħlu fil-pitkalija, u x'tip ta' kontroll isir fuq il-bdiewa li jkunu deħlin fl-istess pitkalija?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li jiena infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li l-proċedura ta’ kontrolli hija li kull min jidħol fil-Pitkalija jrid jgħaddi minn ħdejn is-security li hemm max-xatba fejn jiġi kkonfermat illi x-xerrejja għandhom permess validu, waqt li l-bdiewa għandhom il-biegħa u li għandhom numru tal- FRC (Farmers Registration Card). Is-Security jieħdu ħsieb ukoll illi x-xerrejja (li hemm 700 irreġistrati attivi) ma jidħlux jew joħorġu mill-Pitkalija qabel il-ħin li suppost. Intant il-pubbliku ngenerali jistgħu jidħlu nhar ta’ Tnejn u nhar ta’ Ħamis minn nofsinhar il-quddiem.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu mistenni li tkun il-produzzjoni tal-majjal lokali matul din is-sena, għal dak li jikkonċerna l-konsum lokali?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, il-produzzjoni tal-majjal lokali tiddependi minn kemm tkun id-domanda u s-sitwazzjoni tas-suq għal-laħam tal-majjal fil-pajjiżi l-oħra ta’ l-Unjoni Ewropea.
Billi fil-gazzetti qed ikun hemm numru ta’ artikli li jitkellmu dwar farms illegali, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’investigazzjoni għamel il-Ministeru dwar dawn l-allegati farms illegali, u jekk saret din l-investigazzjoni, x’irriżulta? X’passi ħa l-Ministeru sa issa, jekk instabu tali farms illegali? Jista’ jgħid fejn jinsabu dawn l-istess farms?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi dak li jifhmu bih id-dipartimenti bħala irziezet ‘illegali’ għandu x’jaqsam mat-tip ta’ infrastruttura preżenti fuq ir-razzett, sabiex ikun jista` jiġi ġestit, skond l-obligi veterinarji (ta’ benesseri ta’ annimali u ndafa) kif ukoll dawk ambjentali (tan-nitrati), kif ukoll mal-prattiċi ta’ ġestjoni li jkunu qegħdin jiġu osservati mir-raħħal matul is-sena. Dan ifisser li d-Direttorat tal-Agrikoltura, kif ukoll it-taqsima veterinarja, jikkontrollaw dawn l-elementi matul is-sena fuq bażi kontinwa. Fl-2012 id-Direttorat wettaq survey komprensiv biex jevalwa x’infrastrutturi jeżistu għall-ġestjoni tad-demel, kif ukoll sabiex jindika lir-raħħala x’meħtieġ isir sabiex ikunu konformi bis-sħih. Dan ġie ikkumplimentat ukoll permezz ta’ taħrig fuq l-irziezet minn nies kwalifikati u dan fil-qafas tal-proġett ‘infonitrates’. Id-Direttorat tal-Agrikoltura bħala awtorita` kompetenti taħt il-liġi tan-nitrati jispezzjona u jieħu passi skond il-liġi fuq dawk l-irziezet li ma jkunux konformi, u dan isir fuq bażi ta’ kampjun ta’ riskju annwali kif ukoll meta jirċievi rapporti mill-pubbliku.
Infurmat ukoll li sebgħin fil-mija tal-irziezet b’xi nuqqasijiet jinsabu Malta filwaqt li tletin fil-mija tal-irziezet jinsabu Għawdex.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħol ingħata mill-Ministeru jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament bejn l-2004 u Marzu 2013, sena b’sena? Jista’ jgħid għal kull każ, x’kien ix-xoghol, jekk ix-xogħol ingħatax b’direct order jew tender u kemm kienet l-ispiża għal kull każ?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli, il-kumpanija msemmija, bejn is sena 2004 u Marzu 2013, ingħatat b’kollox 32 kuntratt, 2 b’tender u 30 b’direct order. L-ammont laħħaq is-somma ta €119,882.70, hekk kif muri fit-Tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Minstru jagħti tagħrif dwar kemm hemm persuni li huma reġistrati li jrabbu n-naħal, kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex? Kemm hi stmata li hi l-produzzjoni tal-għasel minn dawn il-persuni? Jista' jagħti tagħrif dwar kemm hu stmat li hu l-konsum tal-għasel?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, li mad-Direttorat tal-Agrikoltura hemm 232 beekeepers reġistrati bejn Malta u Għawdex, li bejniethom għandhom 3342 kolonja tan-naħal. Huwa stmat li kull kolonja tipproduċi 13-il Kg għasel fis-sena li allura jammontaw għal madwar 43,446 Kg għasel f’Malta u Għawdex.
Id-direttorat m’għandux informazzjoni dwar il-konsum tal-għasel lokali.
Mellieħa, Mġarr u San Pawl il-Baħar — talbiet ta' siġar
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema talbiet kellu l-Ministeru, matul din is-sena biex jitqaċċtu jew jiġu rilokati siġar mil-lokalitajiet tal-
Mellieħa, Mġarr u San Pawl il-Baħar? Kemm minn dawn it-talbiet saru mill-kunsilli lokali rispettivi u dawk li ġew approvati li jitneħħew fejn kienu?
Response (BRINCAT, LEO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 9595 u nfakkar li l-Ministeru tiegħi mhux l-awtorità kompetenti li tagħti permess biex jitqaċċtu jew jiġu rilokati siġar, ħlief fil-każ tal-palm li jaqgħu taħt ir-responsabilità tad-Direttorat tas-Saħħa tal-Pjanti u dan minħabba każijiet ta’ mard.
Skont kif infurmat, mill-ewwel ta' Jannar sa' l-aħħar ta' Mejju ta’ din is-sena, b'kollox kien hemm 52 siġra tal-palm li ġew maqlugħa, tnejn minnhom fiż-żona ta’ Binġemma, wara talba waħda mill-Kunsill Lokali tal-Imġarr. Ma kien hemm l-ebda talba oħra għalkemm 12-il palma oħra inqalgħu mill-Mellieha u 38 inqalgħu minn San Pawl il-Baħar.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm talbiet għall-għajnuniet biex jinbnew ġibjuni matul l-aħħar ħmistax-il xahar? Kemm minn dawn it-talbiet ġew approvati?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li fl-aħħar ħmistax il-xahar ma kienx hemm talbiet għall-għajnuniet biex jinbnew ġibjuni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' carnet de chasse maħruġa kull sena mill-2009 'l hawn inkluż s'issa għall-2014?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk hix l-intenzjoni tal-Gvern li jiżviluppa low carbon development strategy u jekk din l-istrateġija hix se twassal sal-2050 bħalma għamlu pajjiżi oħra Ewropej?
Call for application għall-post fuq l-Hard Standing ta' Marsaxlokk
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk ħarġitx call for application għall post fuq l-hard standing ta' Marsaxlokk? Jista' jikkonferma li l-persuna li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ġiex impjegat biex jaħdem fuq l-hard standing ta' Marsaxlokk? Jista' jgħid x'inhuma l-kundizzjonijiet li bihom qed jaħdem?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewli, ma ħarġet l-ebda call for application għall-post fuq il-hard standing ta’ Marsaxlokk kif ukoll li l-persuna msemmija fil-mistoqsija ma ġiex ingaġġat fuq dan il-post tax-xogħol.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — Bordijiet tal-għażla
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni għall-pożizzjonijiet vakanti ħarġu fi ħdan id-diversi awtoritajiet/dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima mit-13 ta' Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u għal liema pożizzjonijiet ħarġu dawn l-applikazzjonijiet? Jista’ jgħid kemm-il bord tal-għażla nħatar biex jiġu mimlija dawn il-pożizzjonijiet? Jista’ jgħid minn min kienu ffurmati dawn il-bordijiet tal-għażla? Jista’ jgħid min kien iċ-chairman u l-membri ta' dawn il-bordijiet? Il-membri ta' dawn il-bordijiet inħatru minn fost uffiċjali pubbliċi jew minn barra s-servizz pubbliku? Jekk xi membri ta' dawn il-bordijiet inħatru minn barra s-servizz pubbliku, fuq liema kriterji saret din il-ħatra? Jista’ jgħid xi kwalifiki għandu kull membru ta' kull bord tal-għażla? X' rimunerazzjoni għandu kull membru tal-bord tal-għażla? Kemm ħa flus f'rimunerazzjonijiet kull membru ta' kull bord għal kull bord li ġie maħtur fih? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' persuni li nħatru f’kull pożizzjoni vakanti?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-bordijiet imsemmija jinħatru mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku (PSC) bħal ma kien jiġri dejjem. Bl-approvazzjoni tal-PSC dawn il-bordijiet qed ikunu magħmula minn Ċermen li jkun uffiċjal pubbliku u żewġ membri li jkunu uffiċjali pubbliċi rtirati fi gradi kategorija A. Din hija sistema li bdiet fis-snin li għaddew u li l-amministrazzjoni preżenti kompliet timxi fuqha. Fil-każ ta’ diretturi jew gradi ogħla l-bord tal-għażla jkun magħmul kif indikat mill-Public Administration Act.
Rigward kriterji u kwalifiki, il-kompetenzi tal-membri tal-bordijiet huma varji u utli għall-oqsma li jaqgħu taħt l-bordijiet, minn aspetti differenti. Kull membru għandu esperjenza li tkun t’għajnuna fil-ħidma li jiffaċċja kull bord.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm bdiewa li din is-sena bagħtu prodotti agrikoli barra minn Malta? Liema kienu l-prodotti li ġew hekk esportati? Lejn liema swieq ġew mibgħuta (pajjiż pajjiż) il-prodotti li tneħħew mis-suq lokali?
Importazzjoni ta' ħut mhux minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm persuni li impurtaw ħut li kien ġej minn pajjiżi mhux tal-Unjoni Ewropea? Minn liema pajjiżi kien il-ħut li daħal fis-suq Malti u li ma kienux ġejjin minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea? X'tip ta' ħut ġie impurtat, u f'liema swieq twassal wara li għadda minn Malta?
Response (BRINCAT, LEO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jispeċifika għal-liema perjodu qed jirreferi għalih, u jekk il-Mistoqsija tirrigwardax ħut frisk jew xort’oħra.
Jista' l-Onr Ministru jagħti tagħrif dwar kif u meta hu permissibli li jintuża l-islurry fl-għelieqi Maltin? X'inhi l-proċedura li tista' tintuża biex jingħataw permessi għal dan l-iskop? Min hu responsabbli minn ħruġ ta' tali permessi?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tingħata meta jiġu konklużi d-diskussjonijiet bejn l-awtoritajiet u l-istakeholders ewlenin.
Persuni li jaħdmu f'setturi marbuta mal-agrikoltura
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm persuni kwalifikati (kemm mill-MCAST, kif ukoll mill-Università) li jaħdmu fid-diversi setturi li huma marbuta mal-agrikultura, u dan mad-dipartimenti u l-entitajiet l-oħra li jaqgħu taħt il-Ministeru? F'liema setturi huma speċjalizzati dawn il-persuni, skont is-settur li jaħdmu fih?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont tagħrif miġbur mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, in-numru ta’ persuni kwalifikati (kemm mill-MCAST, kif ukoll mill-Università) li jaħdmu fid-diversi setturi marbuta mal-agrikoltura huma ta’ 93. Dawn il-persuni huma ikkwalifikati f’diversi oqsma, fosthom fl-Agro-Eco System Management, fil-Veterinary Medicine, fl-Animal Husbandary, fl-Animal Management u oħrajn. Dawn il-persuni qegħdin jaħdmu f’setturi varji fil-Ministeru skont l-esiġenzi u l-ħtiġijiet.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostennibli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — konsulenzi
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar il-konsulenzi legali u/jew ħatriet oħra li ngħataw lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u/jew lid-ditta tiegħu mill-Ministeru, dipartimenti u/jew azjendi u korpi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-bidu tal-Leġiżlatura sal-lum? Jista’ jagħti l-ħlas abbinat, meta nħarġet is-sejħa għall-applikazzjoni (jekk kien hemm) u f’kemm minn dawn l-entitajiet hemm il-Union li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ukoll involuta bħala union rikonoxxuta?
Response (BRINCAT, LEO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jispeċifika għal-liema ditta qed jirreferi għaliha fil-mistoqija.
Segretarju parlamentari għall-Biedja u s-Sajd — konsulenzi
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar il-konsulenzi legali u/jew ħatriet oħra li ngħataw lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u/jew lid-ditta tiegħu mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari dipartimenti u/jew azjendi u korpi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-bidu tal-Leġiżlatura sal-lum? Jista’ jagħti l-ħlas abbinat, meta nħarġet is-sejħa għall-applikazzjoni (jekk kien hemm) u f’kemm minn dawn l-entitajiet hemm il-Union li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ukoll involuta bħala union rikonoxxuta?
Response (BRINCAT, LEO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jispeċifika għal-liema ditta qed jirreferi għaliha fil-mistoqija.