Segretarju Permanenti u Diretturi Ġenerali — laqgħat
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għal kemm laqgħat attendew is-Segretarju Permanenti, jew id-Diretturi Ġenerali u diretturi varji fi ħdan il-Ministeru barra minn pajjiżna tul l-ewwel ħames xhur ta’ din is-sena u jista’ jindika x’kienet in-natura tagħhom?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li matul l-ewwel ħames xhur ta' din is-sena, id-Diretturi Ġenerali u d-Diretturi varji fi ħdan il-Ministeru tiegħi attendew għal 19-il laqgħa barra l-pajjiż. In-natura tal-laqgħat hi kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Ngħarraf ukoll lill-Onor. Interpellant li fl-istess perjodu s-Segretarju Permanenti ma attendiex laqgħat barra minn pajjiżna.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — persuni impjegati
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-persuni impjegati ma' xi dipartiment jew kwalunkwe entità oħra li taqa' taħtu minn Marzu 2013? Jista' jgħid kemm minn dawn kienu persuni uffiċjalment rikonoxxuti bħala persuni b'diżabilità?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Peress illi hemm ħafna tipi ta' impjiegi kemm mad-Direttorati/Dipartimenti kif ukoll mal-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi, nitlob lill-Onor. Interpellant jiċċara għal liema impjiegi qiegħed jirreferi, jiġifieri jekk hux dawk relatati mat-tagħlim dirett, jew dawk amministrattivi/tekniċi/industrijali u impjiegi oħra.
Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward Licence B tad-dawl?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-individwu indikat mill-Onor. Interpellant ġie kkuntattjat biex issir laqgħa mad-dipartiment kkonċernat sabiex jingħata tagħrif dwar il-każ tiegħu.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru jikkunsidrax li l-ground tal-Iskola Primarja ta’ San Pawl il-Baħar, jiġi wżat bħala parking area, b’mod partikolari fix-xhur tas-sajf? Jista’ jgħid dwar jekk hemmx skejjel oħra li għandhom il-grounds tagħhom miftuħa għal tali parking?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat għal Servizzi Edukattivi u l-Kulleġġ Maria Reġina ma jirrakkomandawx li l-bitħa tal-Iskola Primarja ta’ San Pawl il-Baħar tiġi wżata bħala parking area. F’din l-aħħar sena saret manutenzjoni estensiva ta’ din l-area, sabiex tiġi żviluppata f’area aktar akkoljenti għall-iżvilupp edukattiv tal-istudenti. Qed jiġi ppjanat aktar investiment ta’ riżorsi f’din il-bitħa sabiex jiġu żviluppati areas li jippromwovu l-qari u anke tixrid ta’ logħob tradizzjonali għat-tfal.
Fir-rigward ta’ skejjel oħra li huma miftuħin għal parking, attwalment, hija biss l-iskola Sekondarja tar-Rabat Għawdex li tkun miftuħa għal parkeġġ wara l-ħin tal-iskola.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni jaħdmu fuq bażi part-time sal-aħħar ta’ Marzu 2015? Jista’ jindika kemm minnhom kellhom l-impjieg part-time bħala xogħol primarju? Kemm minnhom kellhom part-time u full-time job? Kemm minnhom kienu nisa u kemm minnhom kienu rġiel?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant dwar in-numru ta' ħaddiema rġiel u nisa li jaħdmu fuq bażi part-time fl-aħħar ta' Diċembru 2014, li huma l-aħħar figuri ppubblikati, hu kif se nsemmi:
Għandhom xogħol
part-time
bħala xogħol primarju
Għandhom kemm xogħol
part -time
kif ukoll xogħol
full-time
Total ta' ħaddiema li għandhom xogħol
part-time
R
ġ
iel
13,946
15,689
29,635
Nisa
20,111
7,691
27,802
Total
34,057
23,380
57,437
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – ħaddiema fuq kuntratt definit
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u fl-entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, kemm kien hemm persuni jaħdmu fuq kuntratt ta’ xogħol definittiv sal-aħħar tas-sena 2014? Jista’ jindika kemm kuntratti huma minn sitt xhur għal sitt xhur, kemm minn sena għal sena u kemm iktar? Jista’ jindika kemm kienu ta’ sess maskil u kemm ta’ sess feminil?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bit-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – kuntratti ta’ xogħol ta’ tindif jew sigurtà
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u fl-entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu kemm kien hemm kuntratti għal xogħol ta’ tindif jew sigurtà sal-aħħar tas-sena 2014? Jista’ jindika kemm persuni kienu effettivament ingaġġati fuq dawn il-kuntratti u jaħdmu fil-Ministeru u l-entitajiet l-oħra kollha inkluż il-korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni dwar kemm kien hemm kuntratti għal xogħol ta’ tindif jew sigurtà sal-aħħar tas-sena 2014 fil-Ministeru, inkluż id-Direttorati u l-Kulleġġi, u l-entitajiet li jiffurmaw parti mid-dekasteru tiegħi, qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attendenza tal-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol għal laqgħat barra minn Malta
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għal liema laqgħat barra mill-pajjiż u fl-Unjoni Ewropea huwa previst li se jattendi fis-sitt xhur li jibdew mal-presidenza l-ġdida tal-Unjoni Ewropea?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li se nattendi l-laqgħa informali għall-Ministri tax-Xogħol u l-Affarijiet Soċjali fil-Lussemburgu fis-16 u s-17 ta’ Lulju.
Laqgħat oħra li se jsiru fis-sitt xhur li jmiss li jibdew mal-presidenza l-ġdida tal-Unjoni Ewropea huma:
- Il-laqgħa għall-Ministri tal-Isport li se ssir fis-6 u s-7 ta’ Lulju u li se jattendi għaliha l-Onor. Chris Agius.
- Il-laqgħa informali tal-Kunsill tal-Kompetittività tal-20 u l-21 ta’ Lulju. L-Onor. Chris Agius se jkun qed jattendi t-tieni ġurnata ċioé fil-21 ta’ Lulju fejn se tiġi diskussa r-riċerka u l-innovazzjoni.
Għadu ma ġiex deċiż min se jattendi għal-laqgħat tal-Kunsill għall-Ministri tax-Xogħol u l-Affarijiet Soċjali tal-5 u s-6 ta’ Ottubru u tas-7 u t-8 ta’ Diċembru. Għadu ma ġiex deċiż lanqas min se jattendi għal-laqgħa tal-Kunsill għall-Ministri tal-Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport tat-23 u l-24 ta’ Novembru.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tqassmu tablets s'issa fl-iskejjel? F'liema lokalitajiet?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li għadhom ma tqassmu l-ebda tablets fl-iskejjel għaliex l-inizjattiva One Tablet Per Child għadha kemm temmet il-fażi tal-proġett pilota. Bħalissa qed issir l-analiżi tar-riċerka estensiva li saret waqt il-proġett pilota u dak li se joħroġ mir-riċerka se jiggwida d-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu dalwaqt sabiex, kif tħabbar diġa', it-tablets jingħataw lill-istudenti kollha tar-Raba' Sena tal-iskejjel tal-iStat, tal-Knisja u Indipendenti f'Ottubru 2016.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx skemi miftuħin mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ biex jgħinu fl-impjiegi ta' ħaddiema ġodda? Jista' jgħid liema huma dawn l-iskemi u kemm għajnuna tingħata fuq il-paga u l-bolla tal-istess ħaddiema ġodda?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fl-1 ta’ Ġunju, 2015 il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ nediet l-iskema Access to Employment (A2E). Għalissa din l-iSkema fetħet biss għall-impiegi ta’ persuni b`diżabilità. Meta jkunu se jiġu impjegati persuni li jikkwalifikaw f’dan il-grupp, min ikun se jħaddem huwa eliġibbli li japplika għal sussidju sa massimu ta’ €125 fil-ġimgħa meta l-impjieg ikun full-time (40 siegħa). Meta l-impjieg ikun part-time (20/25/30 siegħa) is-sussidju jkun kalkulat pro-rata. Barra minn hekk, min iħaddem jista’ jitlob eżenzjoni mill-ħlas tal-parti tal-bolla tiegħu b’relazzjoni mal-impjieg tal-persuna b’diżabilità.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16896, jista' l-Ministru jgħid kemm intgħażlu għalliema mill-21 li applikaw għall-Paid Study Leave?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li huwa ppjanat li l-lista tal-benefiċċjarji tkun ippubblikata sal-aħħar ta’ Ġunju.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn raħħala full-time u part-time reġistrati f'kull raħal f'Malta u Għawdex? Jista’ jpoġġi lista ta' dawn ir-raħħala fuq l-Mejda tal-Kamra?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ ma żżomx tagħrif dwar raħħala distint minn dak tal-bdiewa. L-informazzjoni hi kif tidher fit-tabella li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 16872.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn sajjieda full-time u part-time reġistrati f'kull raħal f'Malta u Għawdex? Jista’ jpoġġi lista ta' dawn is-sajjieda fuq l-Mejda tal-Kamra?
Response (BARTOLO, EVARIST)
B'risposta għal din il-mistoqsija, ninsab infurmat li l-istatistika li tidher fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra hija skont il-formoli ta` bidu ta` mpjieg li rċeviet il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ li l-okkupazzjoni tax-xogħol tagħhom hija bħala Fishermen u Deep Sea Fishery Workers. Din l-informazzjoni hija sal-aħħar ta` Diċembru 2014, li huma l-aħħar figuri ppubblikati. Fit-tabella jidher in-numru ta` sajjieda full-time u part-time maqsuma f`kull raħal f’Malta u Għawdex.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' bdiewa, full-time u part-time rispettivament li llum huma reġistrati mad-Dipartiment tal-Agrikoltura? Minn liema lokalitajiet ġejjien dawn il-bdiewa, f'Malta u Għawdex?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ ma jkollhiex informazzjoni dwar min hu reġistrat mad-Dipartiment tal-Agrikoltura. Il-Korporazzjoni tiġbor l-informazzjoni tagħha skont il-formoli ta' bidu tal-impjieg, kif tidher fit-tabella li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentri 16872.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 16535, jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont committed li jingħataw f’għajnuna meta jitlesta’ xogħol fuq il-ground rispettiv tagħhom kull wieħed mill-clubs tal-futbol f’Għawdex tal-Għarb, Għajnsielem, Qala u SK Victoria Wanderers? Jista’ jikkonferma li l-pagamenti lill-clubs ta’ Xagħra, Nadur, Oratory Youths, Kerċem Ajax, Sannat Lions, Victoria Hotspurs u Munxar Falcons fil-fatt saru u dawn il-clubs ma fadlilhom jieħdu xejn? Jista’ jgħid għaliex skema li kien hemm ivvutati għaliha nofs miljun euro fl-aħħar budget ta’ Gvern preċedenti tnaqqset għall-280,000 ewro?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-għajnuna li ser jingħataw kull wieħed mill-erba' klabbs tal-futbol f’Għawdex huma kif ġej:
Għarb - €85,000
Għajnsielem - €80,000
Qala - €120,000
SK Victoria Wanderers - €15,000 (fuq club house)
Nikkonferma li l-klabbs ta’ Xagħra, Nadur, Oratory Youths, Kerċem Ajax, Sannat Lions, Victoria Hotspurs u Munxar Falcons ħadu l-pagamenti u ma fadlilhom jieħdu xejn.
Dawn il-flus u l-pagamenti li diġà saru lis-seba' klabbs l-oħra li l-fondi għalihom għaddew lill-GFA kif spjegat fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 16535, jammontaw għal nofs miljun euro.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 14309, jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn bdiewa full-time u part-time reġistrati f'kull raħal f'Malta u Għawdex? Jista’ jpoġġi lista ta' dawn l-bdiewa fuq l-Mejda tal-Kamra?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li fl-istatistika li żżomm il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ ma jkunx hemm distinzjoni bejn bdiewa u raħħala. Skont il-formoli ta' bidu ta' mpjieg li rċeviet il-Korporazzjoni, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi n-numru ta' bdiewa u raħħala li jaħdmu f'kull lokalità f'Malta u f'Għawdex fl-aħħar ta' Diċembru 2014, li huma l-aħħar figuri ppubblikati.
Ħaż-Żebbuġ Victoria Shooting Range — esproprjazzjoni ta' art
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-art tal-Gvern li fuqha hemm il-Victoria Shooting Range fil-limiti ta’ Ħaż-żebbuġ hijiex waħda mill-artijiet li ngħataw lill-privat bħala kumpens wara l-espropju tal-binja li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Jekk iva, ġewx infurmati l-persuni li jmexxu l Victoria Shooting Range?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Skema ta’ taħriġ Enhancing Employability through training
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 16110, jista' l-Ministru jgħid għalfejn żgħażagħ qegħda li qed jieħdu sehem fl-iskema ta' taħriġ tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ imsejħa Enhancing employability through training reġgħu, għat-tieni darba, ma ħadux l-għajnuna finanzjarja ta' 80% tal-paga minima għax-xahar ta' Mejju?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Nifhem li l-Onor. Interpellant qiegħed jirreferi għall-iskema Traineeship Scheme. Taħt din l-iskema ta’ taħriġ, il-ħlas tal-allowance huwa bbażat fuq skeda ta’ attendenza għal perjodi maqsumin f’erba’ ġimgħat.
Nifhem ukoll li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-ħlas dovut għax-xahar ta’ Mejju, jiġifieri għal perjodu bejn is-27 ta’ April u l-24 ta’ Mejju, 2015.
Trainees għandhom ġimgħa wara l-għeluq tal-perjodu ta’ erba’ ġimgħat sabiex jippreżentaw dokumentazzjoni tal-attendenzi tagħhom kompluti u korretti. Il-ħlas tal-allowance jinħareġ fid-data tal-għoxrin (20) tax-xahar ta’ wara d-data tal-għeluq ta’ dan il-perjodu, u dan sabiex il-Korporazzjoni tkun tista’ tivverifika l-korrettezza tad-dokumentazzjoni u taħdem il-ħlas dovut. Għall-perjodu msemmi l-ħlas se jkun qiegħed isir fl-20 ta’ Ġunju, 2015.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk għas-sajf 2015 hux se ssir skema mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ li tagħti l-opportunità lill-istudenti Għawdxin li jaħdmu f’Għawdex stess għal tmien ġimgħat fix-xhur tas-sajf kif kien sar fis-snin li għaddew? Jekk iva, meta se jinħarġu l-applikazzjonijiet u kemm se jkunu l-istudenti Għawdxin li se jibbenefikaw minnha? Kemm se tkun ir-remunerazzjoni li se jingħataw l-istudenti għal dan ix-xogħol?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li ser issir skema simili għal dik imsemmija fil-mistoqsija iżda din mhux se tkun amministrata mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ. Għaldaqstant, nitlob lill-Onor. Interpellant jindirizza din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx kors fuq bażi full-time għal LSAs sabiex jiġi żgurat li dawn ikunu mħarrġa biex jaħdmu ma’ studenti b’tipi differenti ta’ bżonnijiet edukattivi?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-korsijiet li ġew organizzati għal-LSAs kienu fuq bażi part-time, jiġifieri dawn saru wara l-ħin tal-iskola.
It-taħriġ li qed jingħata lil-LSAs ikopri diversi temi marbuta mal-edukazzjoni inklussiva. Dan sabiex ikun żgurat li l-LSAs ikunu mħarrġa kif xieraq biex jaħdmu u jissapportjaw studenti li jkollhom xi forma ta' diżabbiltà fiżika jew xi kundizzjonijiet oħra, fosthom l-awtiżmu u l-ADHD.