Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #10826 Sitting 168 1999-11-01 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Areas turistiċi — Embellishment committee

Question

B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari numru 10622 li ġiet riferuta lilek mill-Ministru tat-Turiżmu, jista' l-Ministru jgħid il-membri fuq l-Embellishment Committee lil min jirrappreżentaw, kull persuna separatament?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-Embellishment Committees ta' Buġibba, Tas-Sliema u ta' San Ġiljan jippresedihom il-Perit Robert Musumeci, filwaqt li dak tas-South jippresedieh il-Perit Joe Falzon. Il-membri l-oħra f'kull wieħed minn dawn il-kumitati huma: Sliema Embellishment Committee - is-Sinjuri Michael Aquilina (Ministeru għall-Ambjent), Joe Bondin (settur turistiku), Albert Bonello Dupuis (Kunsill Lokali), Vincent Camilleri (settur turistiku), Anthony Chircop (settur turistiku), Patrick Grixti (Awtorita' tat-Turiżmu), George Micallef (settur turistiku), Joe Preca (settur turistiku), George Schembri (settur turistiku), Alan Vella (Awtorita' ta' l-Ippjanar), Julian Zammit (settur kummerċjali). South Embellishment Committee - is-Sindki ta' Marsascala, Marsaxlokk u Birżebbuġa flimkien ma' diversi tekniċi mit-Taqsima tax-Xogħlijiet. Buġibba Embellishment Committee - is-Sinjuri Michael Aquilina (Ministeru għall-Ambjent), George Micallef (settur turistiku), is-Sindku ta' San Pawl il-Baħar, Winston Zahra (settur turistiku). St. Julian's Embellishment Committee - is-Sinjuri Michael Aquilina (Ministeru għall-Ambjent), Peter Bonello (Sindku ta' San Ġiljan), David Camilleri (settur turistiku), Paul Camilleri (settur turistiku), Philip Fenech (settur kummerċjali), Patrick Grixti (Awtorita' tat-Turiżmu), George Micallef (settur turistiku), Alan Vella (Awtorita' ta' l-Ippjanar).
Leg 9 PQ #10835 Sitting 168 1999-11-01 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għall-Ambjent

Marsa — Post ta' rikreazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 10692 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Ġustizzja u Kunsilli Lokali u ġiet riferuta lilek ċioe': Jista' jgħid x'inhuma l-proġetti tal-gvern ċentrali għall-post ta' rikreazzjoni fil-Marsa, peress li ż-żgħażagħ ta' dawk l-inħawi jilmentaw li m'għandhomx lok ta' rikreazzjoni?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Hu ppjanat li matul is-sena 2000 isir xogħol ta' titjib fil-ġnien pubbliku, "Ġnien Sitta t'Awissu". Hu mistenni li jsiru taħdidiet mal-Kunsill Lokali tal-Marsa biex jiġi deċiż kif l-aħjar isir dan ix-xogħol.
Leg 9 PQ #10869 Sitting 168 1999-11-01 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Ambjent

Wied il-Għajn — Toroq

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 10685 li oriġinarjament kienet saret lill-Ministru tat-Trasport u Kommunkikazzjoni u ċioe' jista' l-Ministru jelenka l-lista tat-toroq li se jiġu rranġati f'Wied il-Għajn? Meta hu maħsub li jibda x-xogħol u meta hu maħsub li jintemm? Kemm hi prevista l-ispiża totali biex jiġu rranġati dawn it-toroq?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li t-toroq li ser jiġu rranġati f'Wied il-Għajn huma dawn: Triq il-Miklem Malti Triq il-Mintba Triq Patri Wistin Born Triq l-Imriekeb Triq iċ-Ċervjola Triq il-Qawwara Triq il-Menhir Triq ta' Gidwet Triq il-Munxar Triq il-Maħsel Triq Hurd's Bank Triq l-Artillieri Triq il-Batterija taż-Żonqor Triq Għaxqet l-Għajn Triq il-Bajja Triq is-Sliem Parti minn Triq il-Vajrita N/S fi Triq iċ-Ċervjola Parti minn Triq id-Dolmen Parti minn Triq il-Baħrija N/S fi Triq il-Gidwet Car Park u parti mill-promenade fil-bajja ta' San Tumas Dan ix-xogħol mistenni jibda fi Frar/Marzu 2000 u jkun lest sa Ottubru 2000. L-istima ta' dawn ix-xogħlijiet tammonta għal madwar Lm510,000.
Leg 9 PQ #10890 Sitting 168 1999-11-01 Oral · Final From: FRANCIS AGIUS To: Ministeru għall-Ambjent

Wied il-Għajn — Triq San Franġisk - Drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni għaliex is-sistema tad-drenaġġ fi Triq San Franġisk ġewwa Wied il-Għajn għadha ma saritx, minkejja li ilha snin ippjanata u mfassla?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li dan il-main ma sarx għaliex hemm razzett f'nofs it-triq u sabiex jitqabbad il-main irridu ngħaddu minn ġo nofs din il-propjeta' li għadha ma waqgħetx għand il-Gvern.
Leg 9 PQ #9635 Sitting 167 1999-10-27 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Mtarfa — Triq Santa Luċija - Xogħlijiet

Question

Peress li r-residenti jridu jkunu jafu għaliex ix-xogħlijiet fi Triq Santa Luċija (il-qadima) fl-Imtarfa kienu bdew xhur ilu u waqfu, jista' l-Ministru jinfurmani bis-sitwazzjoni?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Peress li l-funzjoni li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant hi waħda minn dawk mgħoddija lill-Kunsilli Lokali, nissuġġerilu li jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.
Leg 9 PQ #9636 Sitting 167 1999-10-27 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Mtarfa — Ġrieden u ħmieġ

Question

Peress li ħafna residenti fl-Imtarfa qed jilmentaw li żdiedu l-ġrieden u l-ħmieġ fl-inħawi, jista' l-Ministru jirrimedja bi programm ta' xogħol sabiex dawn l-ilmenti tar-residenti jiġu rimedjati?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Peress li l-funzjoni li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant hi waħda minn dawk mgħoddija lill-Kunsilli Lokali, nissuġġerilu li jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.
Leg 9 PQ #9323 Sitting 165 1999-10-26 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għall-Ambjent

Ta' Qali — Park Nazzjonali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inkera l-Park Nazzjonali ta' Ta' Qali għal attivita' li saret fis-6 ta' Ġunju, 1999?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li s-somma globali li hi mitluba għall-attivita' li saret fis-6 ta' Ġunju 1999 tammonta għal Lm1,050.
Leg 9 PQ #10609 Sitting 164 1999-10-26 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru għall-Ambjent

Raħal Ġdid — Tindif

Question

Jista' l-Ministru in vista tad-domanda parlamentari numru 8646 jinforma lill-Kamra meta huwa previst li jibda xogħol ta' manutenzjoni fil-ħajt li hemm qabel il-mina ta' Għajn Dwieli inti u dieħel il-Kottonera u ċioe' minn Raħal Ġdid sakemm tilħaq il-mina billi dan qiegħed jagħti il-ħin kollu dehra tassew negattiva tal-post?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li x-xogħol imsemmi ser jibda fi żmien tliet ġimgħat.
Leg 9 PQ #10610 Sitting 164 1999-10-26 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru għall-Ambjent

Bormla — Triq Santa Tereża - Spralli

Question

Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra meta l-aħħar li sar it-tindif regolari u sħiħ ta' l-ispralli li jinsabu quddiem il-ħwienet fi Triq Santa Tereża f'Bormla billi m'hijiex l-ewwel darba li dawn ikunu misduda in vista tal-proġetti preżentament għaddejjin u l-ilmijiet li jinġabru jikkaġunaw ħsarat konsiderevoli? F'każ li dan għadu ma sarx kompletament, jista' jieħu nota sabiex dan ix-xogħol jiġi esegwit?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Peress li l-funzjoni li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant hi waħda minn dawk mgħoddija lill-Kunsilli Lokali, nissuġġerilu li jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.
Leg 9 PQ #10623 Sitting 164 1999-10-26 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Park Nazzjonali — Management Committee

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn liema lokalitajiet huma l-membri li ġew magħżula fuq bażi personali għall-kopożizzjoni tal-Management Committee tal-Park Nazzjonali ta' Ta' Qali?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-membri li ġew magħżula fuq bażi personali għall-kompożizzjoni tal-Management Committee tal-Park Nazzjonali ta' Ta' Qali huma minn dawn il-lokalitajiet: Sur Robert Abela San Ġiljan Sur Ronnie Galea Swieqi Sur Anthony Bezzina High Ridge
Leg 9 PQ #10525 Sitting 163 1999-10-25 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għall-Ambjent

Distrett Nru. 4 — Trab iswed

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu s'issa in konnessjoni ma' l-inkonvenjent serju kkawżat minn xita ta' trab iswed li qed jolqot diversi rħula fin-nofs inhar ta' Malta fosthom Ħal Tarxien, Raħal Ġdid, Santa Luċija, il-Fgura u l-Marsa? Jaf il-Ministru li minn tests li saru fuq sample miġbur mill-kunsilli lokali fil-laboratorju ta' l-Universita' ta' Malta jirriżulta li dan fih kontenut qawwi ta' ħadid li qed jagħmel ħsara liċ-ċittadini ta' dawn l-inħawi? Qed jiġi nvestigat jekk dan it-trab hux qed joħroġ minn fabbrika li tqatta' l-ħadid f'dawn l-inħawi? Jekk fl-affermattiv, x'irriżulta? Jekk fin-negattiv, tista' ssir din l-investigazzjoni?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent ħa passi fir-rigward ta' l-emissjoni ta' trab b'kontenut għoli ta' ħadid. Dan il-każ jinstab pendenti quddiem il-Qorti. Rigward il-problema ta' trab iswed li qed jolqot il-parti msemmija mill-Onorevoli Interpellant, ninsab infurmat li d-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent qiegħed f'kuntatt ma' kumpanija Ingliża b'esperjenza twila fil-materja biex il-fenomenu jiġi studjat u tinstab l-oriġini tat-trab iswed.
Leg 9 PQ #10593 Sitting 163 1999-10-25 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru għall-Ambjent

Pieta' — Ħamiem

Question

Jista' l-Ministru jara x'jista' jsir dwar il-kwantita' ta' ħamiem li jittajjru fuq il-Pieta' peress li dawn qed joħolqu ħafna ħmieġ b'detriment għas-saħħa tar-residenti? Jistgħu jingħataw struzzjonijiet biex dawn il-ħamiem jittajjru biss minn ħdejn il-baħar biex jitnaqqas kemm jista' jkun l-inkonvenjent?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #10616 Sitting 163 1999-10-25 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għall-Ambjent

Birgu — Triq il-Kottonera

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 10521 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Ġustizzja u Gvern Lokali u li issa ġiet riferuta lilek u cioe': tista' tgħid għalfejn bankina fi Triq Kottonera, Birgu, inqalgħet tliet xhur ilu u sal-lum għadha maqlugħa u mkissra? Jaf il-Ministru li f'din it-triq hemm ħafna residenti anzjani, u allura hi perikoluza għalihom barra l-fatt li hemm ukoll skola fl-istess triq?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li x-xogħol ta' tiswija fuq il-bankina msemmija (li tinsab fi triq arterja) qiegħed jitwettaq mit-Taqsima tax-Xogħlijiet fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent. Il-bankina nqalgħet fuq ordni tal-Kunsill Lokali (wara li rċieva bosta ilmenti mill-istess residenti tat-triq) sabiex jitneħħew siġar kbar tal-ficus li l-għeruq tagħhom kienu qed jikkawżaw ħsarat fis-sistemi ta' l-ilma u drenaġġ tat-triq kif ukoll ħsarat fir-residenzi privati. Ladarba t-triq hija arterja, kien intlaħaq ftehim li x-xogħol ta' reinsatatement isir mill-Gvern Ċentrali u dan qiegħed isir bħalissa.
Leg 9 PQ #10619 Sitting 163 1999-10-25 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għall-Ambjent

Marsa — Triq is-Sebħ - Kanal

Question

Jista' l-Ministru jara li jsir kanal taħt il-bankina fi Triq is-Sebħ, Marsa biex l-ilma tal-btieħi tad-djar ta' Triq Għabex, Marsa jkun jista' jmur dirett fil-main tad-drenaġġ?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Peress li l-funzjoni li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant hi waħda minn dawk mgħoddija lill-Kunsilli Lokali, nissuġġerilu li jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.
Leg 9 PQ #10370 Sitting 162 1999-10-20 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Ambjent

Ambjent — Dħaħen fl-arja

Question

Jista' l-Minstru jgħid x'inhu jsir mid-Dipartiment ta' l-Ambjent biex jiġi żgurat li ma jkunx hemm dħaħen velenużi minn vetturi, ċmieni, eċċ. fl-arja? X'kontrolli jsiru u x'passi jittieħdu biex dan jiġi mrażżan?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi mhux fil-poter legali tad-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent li jiġi żgurat li ma jkunx hemm dħaħen velenużi minn vetturi, ċmieni, eċċ fl-arja. Madankollu, d-dipartiment jinvestiga kull ilment li jkollu f'dan ir-rigward u jgħaddi l-ilment għall-attenzjoni tal-Pulizija u d-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika skond il-ħtieġa. Kien hemm każijiet fejn dan irriżulta f'persuni li ttellgħu l-Qorti.
Leg 9 PQ #10083 Sitting 161 1999-10-20 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għall-Ambjent

Manoel Island — Oġġetti ta' valur

Question

Billi ġewwa l-Port ta' Marsamxett ħdejn Manoel Island hemm ħafna oġġetti ta' valur storiku, jista' l-Ministru jgħid jekk il-materjal illi jkun tħammel waqt ix-xogħol fuq il-proġett ta' Manoel Island huwiex se jiġi ċċekjat jew le? Jekk iva, kif u minn min?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi s-suġġett jiġi trattat waqt il-proċess biex joħroġ il-permess mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar.
Leg 9 PQ #10507 Sitting 160 1999-10-19 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Ċirkewwa — Mollijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-proġett tal-mollijiet ġodda ġewwa ċ-Ċirkewwa?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob l-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #9736 Sitting 159 1999-10-19 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għall-Ambjent

Ambjent — Persuni nieqsa fuq il-post tax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu ħaddiema fid-dekasteru tiegħu nieqsa minn fuq il-post tax-xogħol tagħhom mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-lum? Min liema dipartimenti kienu dawk irrapportati?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li b'effett mill-5 ta' Settembru 1998 in-numru ta' ħaddiema fit-Taqsima tax-Xogħlijiet li nstabu nieqsa minn fuq il-post tax-xogħol tagħhom huwa ta' 55. Dawn kienu: Manufacturing and Servicing Department 4 Finance and Administration Department 2 Drainage Department 17 Construction and Maintenance Department 4 Central Districts Office 22 Maintenance of Roads Infrastructure 6 ---- TOTAL 55 ---- Fid-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent inqabdu ħdax-il ħaddiem nieqsa minn fuq il-post tax-xogħol u dawn kollha impjegati tas-Sezzjoni tal-Countryside.
Leg 9 PQ #9737 Sitting 159 1999-10-19 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għall-Ambjent

Ambjent — Vetturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm nefaq sal-lum il-ministeru u d-diversi dipartimenti li jaqgħu taħtu biex il-vejikoli tad-dipartiment jiġu rranġati ħali jkunu up to standard għal VRT?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li ma ntefqu l-ebda flus għall-vejikoli tal-Ministeru għall-Ambjent, id-Diviżjoni tax-Xogħlijiet jew tad-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent partikolari biex dawn jiġu rranġati ħalli jkunu "up to standard" għal VRT. Tajjeb wieħed jgħid li l-vetturi jsirulhom it-tiswijiet meħtieġa skond il-bżonn li jinqala' minn żmien għal żmien biex jinżammu fi stat tajjeb.
Leg 9 PQ #10457 Sitting 159 1999-10-19 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Park Nazzjonali — Management Committee

Question

B'riferenza għall-kompożizzjoni tal-Management Committee tal-Park Nazzjonali ta' Ta' Qali, fuq liema kriterji ġew magħżula l-persuni li huma membri fil-kapaċita' personali tagħhom?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ħassejt illi l-persuni magħżula jistgħu jagħtu kontribut validu fuq dan il-kumitat.