Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #16121 Sitting 301 2000-05-24 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Patata — Exportazzjoni

Question

Jirriżultalu l-Ministru li tbiddel il-kuntratt ta' l-esportazzjoni tal-varjeta' Alpha għal din is-sena minn 6,000 tunnellata għal 4,000 biss? Jista' jgħid jekk l-ewwel 3,000 tunnellata Alpha baqgħux koperti mill-prezz ta' Lm18.00 il-qantar qabel jitnaqqsu l-ispejjeż, kif kienu koperti taħt il-kuntratt ta' l-amministrazzjoni preċedenti?

Response (ZAMMIT, NINU)

Iva. Dan sar fl-aħjar interess tal-bdiewa. Sar arrangament sabiex l-esportazzjoni tal-patata setgħet tkompli b'rittmu normali. Għal darba oħra nfisser lill-Onor. Interpellant li l-prezz ta' l-ewwel 3000 tunnellata tal-varjeta Alpha titħallas bir-rata TOTALI (inkluż spejjeż ta' trasport, ippakkjar, eċċ) ta' 30.6NLG kull 25Kg. B'exchange rate ta' 5.5NLG mal-Lira Maltija, dan ifisser prezz totali ta' madwar LM18.00 kull qantar (eżattament ta' LM17.66,2 kull qantar inkluż l-ispejjeż) Kull tunnellata patata għandha spiża ta' trasport, ippakkjar, eċċ ta' madwar LM64 kull tunnellata. Għaldaqstant, dan ifisser li l-prezz imħallas fuq l-ewwel 3000 tunnellata ikun ta' madwar LM12.58 kull qantar u mhux ta' LM18.00 kif żbaljatament dejjem itenni l-Onor. Interpellant. Barra minnhekk, l-istess Onor. Interpellant kien intrabat li jbiegħ l-aħħar 500 tunnellata bil-prezz ta' 16NLG kull 25Kg.Meta jinqatgħu l-ispejjeż, dan ifisser prezz nett ta'LM4.15,5 kull qantar lill-bidwi. L-Onor. Interpellant għandu jkun konxju ukoll li dawn huma prezzijiet ta' suq fejn ma jiqalgħux problemi minħabba xi nuqqas fil-kwalita' tal-patata esportata.
Leg 9 PQ #16122 Sitting 301 2000-05-24 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Majjal

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba ġiet posposta l-qatla tal-majjal bejn Jannar ta' din is-sena u l-15 ta' Mejju? X'kienu r-raġunijiet li għalihom ġiet sospiża l-qatla?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi fil-perjodu msemmi l-qatla tal-majjal ġiet sospiża darba biss. Dan sakemm issewwiet il-ħsara li kien hemm fil-convejor tal-makkinarju.
Leg 9 PQ #16123 Sitting 301 2000-05-24 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Agrikoltura — Skimmed Milk

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena, kienu jixtru l-iskimmed milk mid-dipartiment ta' l-agrikoltura?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-informazzjoni għada qed tinġabar u r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #16116 Sitting 300 2000-05-24 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Imtarfa — Xogħlijiet - Kumpens

Question

B'riferenza għat-talba tal-kumpens tal-bidwi - ismu qed jintbagħat separatament - sabiex jitħallas għad-danni li sofra kawża ta' xogħlijiet li saru fl-Imtarfa bypass Ref: L438/83/VOL I, jista' l-Ministru jara li d-dipartiment ta' l-artijiet iħallas il-pagamenti dovuti lill-bidwi msemmi? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi l-istima għall-kumpens dovut lill-bidwi msemmi, għal-xogħolijiet li saru fuq Mtarfa bypass, intbagħtet mid-Dipartiment ta' l-Agrikoltura lid-Dipartiment ta' l-Artijiet fit-28 t'Awissu, 1987, kif kien id-dmir ta' dan id-Dipartiment li jagħmel. Sabiex jgħin lil dan il-bidwi jitħallas ser tinġibed l-attenzjoni tad-Dipartiment ta' l-Artijiet għal fatt li l-kumpens għadu ma ngħatax.
Leg 9 PQ #16118 Sitting 300 2000-05-24 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Patata — Exportazzjoni

Question

Peress li fl-aħħar esportazzjoni deher ċar li l-proċess ta' l-esportazzjoni tal-patata kien aħjar b'varjeta' waħda, jista' l-Ministru jgħid għaliex daħħal varjeta' oħra u se jkompli jdaħħal varjeta' oħra? Kemm fil-fatt se jkun it-tunnellaġġ ta' l-Alpha u tas-Sante' għall-istaġun li ġej, u fuq liema raġunijiet il-Ministru se jerġa' jbiddel dan il-kuntratt?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fl-aħħar esportazzjoni (fl-1999) deher ċar li kien hemm suq attrajenti għall-patata tal-varjeta Sante' tant li l-bdiewa tħallsu prezz rekord. Għadhom ma sarux l-arranġamenti dwar l-esportazzjoni tal-patata tal-varjeta' Sante' għall-istaġun li ġej.
Leg 9 PQ #16119 Sitting 300 2000-05-24 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Patata — Exportazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex jekk il-varjeta' Sante' hija aħjar mill-Alpha, saru arranġamenti sabiex din tiġi esportata fl-ewwel erba' ġimgħat biss? X'jiġri jekk l-esportazzjoni tas-6000 tunnellata tkun tal-varjeta' Sante' u ma tilħaqx fl-ewwel erba' ġimgħat?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-patata tal-varjeta' Sante' hija aktar bikrija mill-Alpha (mhux aħjar) u hemm suq għaliha qabel tibda l-Alpha. Jidher li s-suq hu limitat għal-madwar 2,000 tunnellata jekk titwassal fis-suq qabel l-Alpha.
Leg 9 PQ #16120 Sitting 300 2000-05-24 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Patata — Aġenti Olandiżi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il laqgħa saret ma' l-aġenti Olandiżi tal-patata minħabba l-aħħar problemi li nqalgħu matul l-esportazzjoni ta' din is-sena?

Response (ZAMMIT, NINU)

Tlieta.
Leg 9 PQ #16099 Sitting 299 2000-05-23 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Esportazzjoni tal-Patata — Tunellaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid min informa lill-aġenti Olandiżi sabiex mas-6,000 tunellata Alpha jieħdu 2,000 tunellata Sante? Meta ddiskuta dan it-tibdil l-Agricultural Export Marketing Board u meta approva din it-talba u f'liema data?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor Interpellant illi kienu l-istess importaturi Olandiżi li talbu sabiex tiġi esportata 2,000 tunnellata Sante' qabel l-Alpha. Il-ftehim li ntlaħaq fi Frar ta' din is-sena kien diskuss diversi drabi fil-laqgħat ta' l-'Agricultural Produce Export Marketing Board'.
Leg 9 PQ #16100 Sitting 299 2000-05-23 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Esportazzjoni tal-Patata — Għaqdiet tal-Bdiewa

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani liema kienu dawk l-għaqdiet tal-bdiewa li talbu lill-ministeru u lill-Agricultural Export Marketing Board sabiex flok l-Alpha jesporta l-varjeta Sante? X'kienu r-raġunijiet li esprimew dawn l-għaqdiet u l-bdiewa għal dan it-tibdil fil-varjeta' tal-patata ta' l-esportazzjoni?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kienu diversi bdiewa individwali li permezz tal-kitba tagħhom għall-patata taż-żriegħ talbu li l-varjeta' Sante' tiġi esportata fil-bikri qabel l-Alpha. Fl-istess waqt l-importatur għamel l-istess talba w offra prezzijiet aħjar minn ta' l-Alpha. Ir-raġunijiet kienu li s-Sante' hija bikrija, sabieħa, għamiela w hemm domanda għaliha fis-suq Olandiż.
Leg 9 PQ #15945 Sitting 298 2000-05-23 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Chadwick Lakes — Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti breakdown tax-xogħlijiet li saru fuq il-bini tas-selħiet tal-ħitan tas-sejjieħ b'riżultat tal-proġett ta' riabilitazzjoni taċ-Chadwick Lakes?

Response (ZAMMIT, NINU)

M'għandi xejn xi nżid mar-risposta li tajt għal-mistoqsija parlamentari numru 15921.
Leg 9 PQ #16096 Sitting 298 2000-05-23 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Biedja — Esportazzjoni tal-Patata

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani bl-aħħar żviluppi dwar l-esportazzjoni tal-patata, u cioe għaliex il-bdiewa qed jgħidu li l-aħħar tunnellaġġ mhux se jiġi esportat?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi saru l-arranġamenti meħtieġa sabiex jiġu esportati 1,100 tunnellata ta' Alpha wara li ġie assigurat li l-kwalita' kienet aċċettabli. B'hekk b'kollox ser ikun ġew esportati 5,100 tunnellata Alpha apparti 1,283 tunnellata Sante', b'total ta' 6,383 tunnellata patata.
Leg 9 PQ #16097 Sitting 298 2000-05-23 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Biedja — Patata 'Sante' u 'Alpha'

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani kemm kien il-prezz medju tal-varjeta' Sante li ġiet esportata fl-ewwel erba' ġimgħat ta' dan l-istaġun? Jista wkoll jinfurmani kemm kien il-prezz medju tal-varjeta' Alpha li ġiet esportata fl-ewwel erba' ġimgħat ta' dan l-istaġun?

Response (ZAMMIT, NINU)

Fl-interess ta' kulħadd, għadu kmieni sabiex ngħati l-informazzjoni mitluba.
Leg 9 PQ #16098 Sitting 298 2000-05-23 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Esportazzjoni tal-Patata — Laqgħat

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani kemm u meta saru laqgħat ma' l-Agricultural Export Marketing Board matul dawn l-aħħar ġimgħat sabiex ġew diskussi u analizzati l-problemi u d-diffikultajiet li nqalgħu fil-proċess ta' l-esportazzjoni tal-patata lejn l-Olanda? Jista' l-Ministru jinfurmani x'problemi ġew diskussi u x'deċiżjonijiet ħa l-board?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul dawn l-aħħar ġimgħat saru konsultazzjonijiet kontinwi bejn il-Ministeru w l-'Agricultural Produce Export Marketing Board' sabiex jiġu diskussi u analiżżati l-problemi, d-diffikultajiet u l-andament fil-proċess ta' l-esportazzjoni tal-patata lejn l-Olanda. Saru wkoll diversi laqgħat formali. Wara li l-Board kien sodisfatt li l-kwalita' tal-patata kienet aċċettabbli, ta l-parir li tiġi esportata.
Leg 9 PQ #15921 Sitting 297 2000-05-22 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Chadwick Lakes — Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti breakdown tax-xogħlijiet li saru fuq il-bini tas-selħiet tal-ħitan tas-sejjieħ b'riżultat tal-proġett ta' riabilitazzjoni taċ-Chadwick Lakes? Jista' jgħid għaliex ix-xogħlijiet waqfu matul din is-sena?

Response (ZAMMIT, NINU)

Kif suppost jaf l-Onor. Interpellant, matul din is-sena ma sarux xogħolijiet f'dan il-proġett għax il-fondi ġew ivvotati għal xogħol ieħor b'priorita akbar. Madanakollu, saru diversi xogħolijiet ta' tindif f'dan il-wied.
Leg 9 PQ #15922 Sitting 297 2000-05-22 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Sajjieda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' sajjieda li rreġistraw qabda akbar ta' ħut matul l-ewwel erba' xhur tas-sena, xahar b'xahar?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi n-numru ta' sajjieda li rreġistraw qabda akbar ta' ħut matul Jannar kien 54, matul Frar 42, f'Marzu 71 u f'April 51.
Leg 9 PQ #15923 Sitting 297 2000-05-22 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Ħut — Importazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' spezzjonijiet li saru fuq il-containers tal-ħut importat mid-dipartiment tas-sajd? X'inhi r-raġuni li f'ċerti każi u ċerti containers partikolari qed imur dejjem l-istess uffiċjal tas-sajd? Min tah din l-awtorita' u għaliex?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-1 ta' Jannar sat-30 ta' April ta' din is-sena saru 95 ispezzjoni u release ta' containers u pparteċipaw il-Fisheries Officers kollha, u dawn jkunu dejjem akkumpanjati minn uffiċjali tad-dwana. L-awtorita' sabiex il-Fisheries Officers ikunu preżenti għar-release tal-containers hija awtorita' istituzzjonali li hija mgħotija lilhom bil-grad li għandhom.
Leg 9 PQ #16151 Sitting 297 2000-05-22 Oral · Final From: MICHAEL ASCIAK To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Birkirkara — Funtani

Question

Jista' l-Ministru jara li l-funtana fil-ġnien wara l-Bażilika ta' Sant'Elena u dawk fi ġnien l-istazzjon jiġu servisjati għaliex ilhom ma jaħdmu żmien twil billi difettużi?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-funtani li jinsabu fil-ġonna ta' Birkirkara jaqgħu taħt ir-responsabilta' diretta tal-Kunsill Lokali. Fil-każ ta' dik fil-ġnien ta' wara l-Bażilika ta' Sant' Elena, xi snin ilu kienet ġiet irranġata iżda wara kienet il-mira ta' vandaliżmu w tkissir. Issa ma tistax titranġa mingħajr investiment ġdid. Fil-każ taż-żewġ funtani li jinsabu fil-ġnien ta' l-istazzjon id-Dipartiment ta' l-Agrikoltura pprovda l-assistenza biex titranġa waħda minnhom. Għad jonqos li jistabu xi spare parts biex tissewwa l-oħra.
Leg 9 PQ #15903 Sitting 296 2000-05-17 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

UE — Biedja

Question

Jista' l-Ministru jinformani liema huma dawk l-oqsma tal-biedja li se jiġu żvantaġġjati bis-sistema tal-politika komuni tal-biedja tal-UE, tant li l-gvern diġa' ddikjara li se jitlob għajnuna speċjali/derogi sabiex dawn is-setturi varji tal-biedja lokali jiġu protetti?

Response (ZAMMIT, NINU)

Il-fatt li l-gvern jitlob għajnuna speċjali/derogi (Specific Supply Arrangements / Specific Support Measures) fil-qasam tal-biedja m'hux għaliex il-qasam ikun żvantaġġjat taħt il-Politika Agrikola Komuni ta' l-UE, imma biex jiġi assikurat l-aħjar sistema possibli taħt din il-Politika għall-benefiċċju tas-settur Malti. F'dan ir-rigward ninforma l-Onor. Interpellant li qed isir studju dwar il-Politika Agrikola Komuni u Setturi partikolari li jirrigwardaw l-industrija ta' l-ikel.
Leg 9 PQ #15904 Sitting 296 2000-05-17 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

UE — Sajd

Question

Jista' l-Ministru jinformani liema huma dawk l-oqsma tas-sajd li se jiġu żvantaġġati bis-sistema tal-politika komuni tal-biedja tal-UE, tant li l-gvern diġa' ddikjara li se jitlob għajnuna speċjali/derogi sabiex dawn is-setturi varji tal-biedja lokali jiġu protetti?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bis-sistema tal-politika komuni tal-biedja ta'l-UE l-ebda qasam tas-sajd ma jista' jiġi żvantaġġat.
Leg 9 PQ #15905 Sitting 296 2000-05-17 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Industrijali lokali ta' l-ikel

Question

Jista' l-Ministru jinformani liema huma dawk l-oqsma ta' l-industrija lokali ta' l-ikel li se jiġu żvantaġġati bis-sistema tal-politika komuni tal-biedja ta' l-UE, tant li l-gvern diġa' ddikjara li se jitlob għajnuna speċjali/derogi sabiex dawn is-setturi varji tal-biedja lokali jiġu protetti?

Response (ZAMMIT, NINU)

Il-fatt li ll-gvern jista jitlob għajnuna speċjali/derogi (Specific Supply Arrangements/Specific Support Measures) fil-qasam tal-biedja m'hux għaliex il-qasam ikun żvantaġġjat taħt il-Politika Komuni ta' l-UE, imma biex jiġi assikurat l-aħjar sistema possibli taħt din il-Politika għall-benefiċċju tas-settur Malti. F'dan ir-rigward ninforma l-Onor. Interpellant li qed isir studju dwar il-Politika Agrikola Komuni u setturi partikolari li jirrigwardaw l-industrija ta' l-ikel u l-industrija ta'l-ipproċessar tal-laħam.