B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 12692, niċċara li qed nirriferi għal diretturi fis-servizz pubbliku, għal ri-appointments li saru din is-sena u għal dawk li ma ġewx riappuntati din is-sena?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li din is-sena il-Kuntratti ta’ żewġ Diretturi Ġenerali ġew imġedda kif jidher hawn taħt:
Il-post ta’ Direttur Ġenerali (Servizzi Agrikoli u Żvilupp Rurali) ġie imġedded mit-22 ta’ Marzu 2005 sal-20 ta’ Lulju 2005;
Il-post ta’ Direttur Ġenerali (Konservazzjoni u Kontroll tas-Sajd) ġie imġedded mill-10 ta’ Mejju 2005 sad-9 ta’ Awissu 2005.
Peress li l-indikazzjonijiet fil-pjan propost mill-MEPA għan-naħa t'isfel ta' Malta - partikolarment għal Marsascala - mhumiex ċari biżżejjed għal kulmin mhux tekniku, jista' jinvestiga hux possibbli li l-indikazzjonijiet bil-kuluri differenti jiġu indikati bl-isem tat-toroq individwali u cioe' per eżempju:
Triq il-Gardiel - ħames sulari (
five floors
) u
semi basement
;
Triq iż-Żefran - Sitt sulari (six floors) and basement;
li jekk hu possibbli, jiġu indikati fit-tweġiba għal din id-domanda?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Peress li hemm xi toroq li għandhom aktar minn "height limitation" waħda l-aħjar mezz hu li dan jintwera fuq mappa.
F'dan ir-rigward, fejn hemm bżonn ta' xi spjegazzjoni ikun aħjar li wieħed jikkuntattja l-uffiċjali responsabbli għat-tfassil ta' dan il-pjan fl-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA), jew il-perit tiegħu biex dawn ikunu jistgħu jwieġbu għal xi mistoqsijiet u jispjegaw x'qed jipproponi l-Pjan.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 12029, jista' iwieġeb bil-fatti s-sitwazzjoni llum separatament minn dawk li jista' ikun hemm kuntestazzjoni fuqhom?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandix x’ inżid aktar mat-tweġiba li ngħatat għal Mistoqsija Parlamentari Numru 12029.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 12361, jista' il-Ministru jinformana bil-progress tal-verifika?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li t-talba ta’ 335 siegħa li saru bħala overtime minn impjegati fid-Diviżjoni ta’ l-Ikel u Servizzi Veterinarji ġew ivverifikati u ġew mgħoddija għall-pagament.
Overtime ieħor qiegħed jiġi vverifikat.
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tad-development brief għas-sit tal-ħażna ta' fuel fil-Qajjenza, l/o Birżebbuġa li ġie approvat mis-sotto-kumitat tal-kabinett dwar proġetti ta' żvilupp urban?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. Minħabba konsiderazzjonijiet ambjentali din l-informazzjoni qed tingħata taħt forma ta’ compact disc.
Jista' il-Ministru jgħid kemm qiegħed jamministra fondi mill-Unjoni Ewropea l-Ministeru tiegħu, sija pre-accession u accession funds?
Kemm entitajiet, awtoritajiet, aġenziji jew nies taħt id-dekasteru tiegħu qed jibbenefikaw minn dawn il-fondi? Għal liema proġetti jew inizjattivi qed jintużaw dawn il-fondi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Ministru jara li dwar mistoqsija parlamentari 12001 il-ħamrija li kellha tintefa' b'enforcement action mid-dipartiment ta' l-artijiet fil-fatt titpoġġa għax minn ritratt li qed jintbagħat separatament, jidher li għadu ma sar xejn?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jagħti spjegazzjoni għaliex is-siġar taż-żebbuġ li tħawlu f'Ta' Qali mhumiex marbutin skond is-sengħa? Għaliex mhumiex jissaqqew? Għaliex huma imħawlin f'xulxin u għaliex mhumiex imnaddfa mill-ħaxix ħażin?
Barra minnhekk, jista' il-Ministru jara li s-siġar li għandhom mal-50 sena u li jinsabu f'Ħas-Saptan, Għar Dalam u ħdejn il-mina ta' Bormla fil-Fgura u li huma totalment abbandunati, jitnaddfu mill-ħaxix ħażin minħabba periklu tan-nar, jara li jinżabru minn nies tas-sengħa u li jitbexxu kontra l-mard? Jista' jara wkoll is-siġar taċ-ċawsli li hemm fil-wied ta' Ħal Qormi maġenb l-Għammieri li qegħdin bil-periklu tan-nar?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li ġewwa Ta’ Qali hemm diversi żoni fejn ġew imħawla s-siġar taż-żebbuġ. Jekk l-Onor. Interpellant jista’ jagħti deskrizzjoni aktar speċifika għal liema siġar qed jirreferi nkun nistgħa nagħtih tweġiba aktar eżatta.
Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija rigward is-siġar li jinsabu f'Ħas-Saptan, Għar Dalam u ħdejn il-mina ta' Bormla fil-Fgura mhux minnu li dawn huma totalment abbandunati.
It-talba biex dan ix-xogħol ta' tindif mill-ħaxix ħażin, żabra kif ukoll bexx kontra l-mard kienet għaddiet lill-Environment Landscaping Consortium Ltd, u dan huwa pproġettat li jsir skond il-programm tax-xogħol.
Jista' il-Ministru jgħid kemm diretturi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu ġew riappuntati u min huma?
Jista' jgħid kemm diretturi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu ma ġewx riappuntati u min huma?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant tiċċara għal liema kategorija ta’ diretturi qed tirreferi, jiġiefieri jekk hux għal Diretturi fis-Servizz Pubbliku jew għal diretturi ta’ bordijiet ta’ entitajiet pubbliċi. L-Onorevoli Interpellant għandha tiċċara ukoll għal liema perjodu qed tirreferi.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 10108, jista' il-Ministru jgħid x'kien ir-riżultat ta' l-analiżi li sar darba fix-xahar mill-MUS, u dan f'dawn l-aħħar sitt xhur, xahar b'xahar separatament? Jista' ipoġġi kopja ta' dawn ir-riżultati fuq il-mejda tal-Kamra?
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-art totali li taqa' fil-konfini ta' kull kunsill lokali? Kemm mill-art hi diġa' mibnija - built-up area - f'kull lokalita' u kemm mill-art diġa' mibnija hi residenzjali jew semi-industrijali, industrijali, eċċ.?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Ta' min jinnota li :
a) L-inħawi indikati bħala mibnija jinkludu faċilitajiet urbani oħra inklużi toroq fiż-żoni ta' l-iżvilupp. Jeskludu inħawi li jistgħu jinbnew iżda li għadhom ma ġewx żviluppati. Dawn il-figuri huma riċenti billi ġew maħduma fuq ritratti mill-ajru meħuda fis-sena 2004;
b) Il-kolonna "art industrijali" tinkudi art industrijali li qegħdin fl-iskemi ta’ l-iżvilupp jew f'żoni li huma immaniġġjati mill-Malta Industrial Parks. Din il-figura tinkludi kemm il-bini kif ukoll it-toroq;
c) Il-kolonna "art mhux industrijali" tinkudi il-bini li hemm fl-iskemi ta' l-iżvilupp, imma li jeskludu dawk il-faċilitajiet industrijali li jinsabu fl-iskemi ta' l-iżvilupp.
Jista' il-Ministru jgħid, issa li l-iżvilupp tal-Bank of Valletta f'Santa Venera tlesta, kemm kien l-ammont ta' flus li dan il-bank poġġa għad-dispożizzjoni ta' l-awtorita' ta' l-ippjanar biex wara li jitlesta x-xogħol ikunu wżati għal xi proġett jew embellishment fil-lokalita'? Saru konsultazzjonijiet mal-kunsill lokali Santa Venera dwar dan? X'kienu d-deċiżjonijiet?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-iżvilupp imsemmi kien ġie approvat b'kundizzjoni fejn l-applikant kien marbut b'garanzija bankarja ta' LM50,000, sabiex ikopri l-bini mill-ġdid ta' Wignacourt Gatejew ir-riabilitazzjoni ta' l-Akwadott skond id-diskrezzjoni / l-approvazzjoni ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA), u sabiex ikopri it-titjib tar-roundabout ta' Mdina Road/Fleur de Lys Road.
Saru xi diskussjonijiet mal-Kunsill Lokali ta' Santa Venera, iżda ma kien hemm l-ebda eżitu finali u l-kwistjoni għadha pendenti.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew ordnati li jsiru riċevimenti fil-ministeru tiegħu għas-snin 2004 u 2005? Min kienu d-dolċiera, x'kienet l-okkażjoni u kemm ġew jiswew?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma saru ebda riċevimenti formali fil-Ministeru fis-sena 2004 u din is-sena.
Jista' il-Ministru jindika kemm-il sular mil-livell tat-triq se jkollha l-plot li qed tinbena qrib id-Delta showroom, Naxxar Road, San Ġwann. 'il fuq mill-knisja?
Jista' il-Ministru jgħid meta se tirċievi l-fondi dovuti lilha bħala bidwi part-time il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, u dan fl-art li għandha bħala bidwi fil-limiti tal-Hofra, Għargħur? Jista' il-Ministru jara li dan il-każ jiġi riżolt bla aktar dewmien?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li id-Dipartiment jikkomunika d-deċiżjoni direttament ma’ l-applikant.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-MEPA hux se tagħti permess lill-għaqda tal-kumitat festi esterni, Santa Venera sabiex jinħaraq in-nar ta' l-art minn Triq il-Kbira San Ġużepp biswit l-akwadott u Casa Leone?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 12321, fejn qal li Triq San Nikola, Bormla hija responsabbilta' tal-kunsill lokali, jikkonferma li din hija triq arterjali u allura responsabbilta' tal-gvern ċentrali?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jista’ l-Oonor. Interpellant jispeċifika aħjar għal liema parti qiegħed jirreferi.
Affarijiet Rurali u Ambjent — Chief executive officers
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma s-salarji taċ-chief executive officers ta' l-awtoritajiet, fondazzjonijiet, korporazzjonijiet, kummissjonijiet, aġenziji, istituti u kumpanniji li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li s-salarju taċ-Chairman ta’ l-Awtorità dwar l-Ambjent u l-Ippjanar huwa ta’ onorarja annwali ta’ Lm 10,000, filwaqt li s-salarju taċ-Chief Executive Officer tal-kumpannija WasteServ Malta Ltd huwa ta’ Lm 14,000 fis-sena.
Jista' il-Ministru jagħti breakdown tal-grading tal-laħam tal-majjal lokali għax-xhur ta' Jannar, Frar, Marzu u April ta' din is-sena, xahar b'xahar? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għall-istess perijodu għall-aħħar ħames snin, sena b'sena separatament?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li peress li l-grading tal-laħam tal-majjal lokali huwa ta’ natura kummerċjali, m’hijiex etika li tingħata din l-informazzjoni