Jista' l-Prim Ministru jara li l-każ li hemm pendenti fl-ismijiet li qed jintbagħtu separatament fejn jittratta każ ta' avukata li fiċ-ċirkostanzi hi u l-familja tagħha sofrew u għadhom isofru ħafna fuq kwestjoni li ġiet ħafna u ħafna fl-idea tiegħi inutilment minfuħa mill-awtoritajiet, jara li jreġġa' kollox lura u jara li jsir dak mistħoqq favur din l-istess avukata u l-familja tagħha li fuq kollox diġa' saritilha ħafna ħsara kemm fil-professjoni u fis-soċjeta' għal
xejn? Il-Prim Ministru ma jarax li jekk jibqa' hekk sieket din l-inġustizzja fiċ-ċirkostanzi se tkompli titwal?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien infurmat li l-każ li għalih qed jirreferi l-Onorevoli
Membru jirrigwarda proċeduri ta' dixxiplina li saru fuq
avukatessa, li kienet uffiċjal pubbliku, mill-kap tad-
dipartiment tagħha. Dawn kienu proċeduri li jirrigwardaw
allegata insubordinazzjoni. Din l-uffiċjal irriżenjat mis-
servizz u għażlet li l-proċeduri dixxiplinarji ma
jitkomplewx kontra tagħha. Iżda għamlet ċitazzjoni fil-
Qorti fuq punt preliminari li nqatet kontra tagħha, u wara
li appellat, il-Qorti ta' l-Appell ikkonfermat l-ewwel
deċiżjoni. Issa għamlet kawża Kostituzzjonali fuq l-istess
punt, tilfitha fl-ewwel stanza u hemm Appell quddiem il-
Qorti Kostituzzjonali fuq l-istess punt.
Jidher li kienet l-avukatessa li nefħet il-każ u ġabet
fuqha l-konsegwenzi li qed issemmi, bil-ħafna proċeduri li
għażlet li tiftaħ fil-Qorti. F'dan l-istadju wieħed irid
issa jistenna li jiġi deċiż l-Appell Kostituzzjonali.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-Bord ta' Inkjesta mwaqqaf mid-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali dwar il-każ tal-Gżira ħass illi m'għandux jieħu aktar konjizzjoni tal-każ sakemm din il-kwestjoni tibqa' sub-judice?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Permezz ta' ittra datata 31 ta' Awissu 1998 lill-Onor
Freddie Portelli, Ministru tad-Djar u Kunsilli Lokali, ic-
Chairman tal-bord maħtur mill-istess Ministru fisser li l-
proċeduri legali mibdija quddiem il-Qorti Ċivili rrendew
il-pożizzjoni tal-bord prekarja u għaldaqstant diffiċli li
jasal għall-konklużjonijiet mixtieqa.
Fl-istess ittra ġie ritenut li: Minħabba li din il-
kwistjoni issa tinsab sub judice il-bord iħoss li ma
għandux jieħu aktar konjezzjoni tal-Każ.
Wara bidla fl-amministrazzjoni, il-Prim Ministru, bħala
Ministru responsabbli mill-Kunsilli Lokali qabel li l-
Investigazzjonijiet mibdija minn dan il-bord għandhom jiġu
posposti sakemm jiġu konklużi l-proċeduri legali, u dan
peress li dawn il-proċeduri jistgħu jwasslu għall-proċeduri
ulterjuri permezz tal-Pulizija jekk jinstabu provi sodi
dwar dan.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk jistax ikun hemm xi forma ta' sentencing policy biex ma jerġax ikollna każ bħal dan l-aħħar fejn organizzatur ta' rave party li fuq sensiela ta' akkużi li dwarhom instab ħati, spiċċa weħel il-multa redikola ta' Lm100?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-liġi stess toħloq il-parametri li fihom qorti tista
tagħti sentenza. Jien infurmat illi l-Avukat Ġenerali
intavola appell mis-sentenza msemmija mill-Onorevoli
Interpellant, u ma jidhirx għalhekk li jkun xieraq li
nikkummenta oltre f'dan l-istadju.
Jista' l-Prim MInistru jgħid jekk huwiex il-ħsieb tal-gvern li skond ix-xewqa tal-Kunsill Lokali ta' San Ġiljan, Palazzo Spinola jiġi mgħoddi lill-kunsill biex jintuża, kemm bħala uffiċini tal-kunsill u kemm bħala civic centre? Jekk fin-negattiv, jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhu l-ħsieb tal-gvern fl-użu ta' Palazzo Spinola?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Palazzo Spinola qiegħed temporanjament jintuża mill-
Ministru tat-Turiżmu sakemm jitlesta l-Auberge d'Italie.
It-talba tal-Kunsill Lokali ta` San Ġiljan tkun tista` tiġi
kunsidrata fil-kuntest tal-politika introdotta mill-Gvern
preżenti ta` devoluzzjoni lokali favur il-Kunsilli Lokali.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm intnefaq bħala hospitality mid-dekasteru li għalih hu responsabbli mill-5 ta' Settembru 1998 sa l-10 ta' Novembru 1998, maqsuma skond il-Ministeru, Segretarjat, dipartiment jew enti?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li mill-5 ta' Settembru 1998 sa l-10 ta'
Novembru 1998 in-nefqa fuq hospitality fid-dikasteru tiegħi
kienet kif tidher hawn taħt:
Lm Lm
Uffiċċju tal-Prim Ministru
Segretarjat Privat 3,195
Uffiċċju tas-Segretarju 17
Permanenti
Dipartiment għat-Tiftix għaż- 457
Żejt
Management Efficiency Unit 35
3704,00
Forzi Armati ta Malta 1194,01
Stamperija tal-Gvern 31.15
L-Awtorita tax-Xandir 830.80
Dipartiment tal-Kunsilli 152.31
Lokali
MITTS 74.68
Diviżjoni tal-Gustizzja 23.45
TOTAL 6,010.40
Jista' l-Prim Ministru jikkonferma lil din il-Kamra li l-uffiċċji preżentement okkupati mill-Avukat Ġenerali huma żgħar wisq u hemm bżonn li jinsab post alternattiv fejn ikun hemm l-uffiċċju sħiħ miġbur bil-possibbilta' ta' żieda ta' avukati u mpjegati oħra?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nikkonferma dak li jgħid l-Onorevoli Interpellant fil-
mistoqsija tiegħu. Ninsab infurmat li l-post fejn għandu
jsir l-uffiċċju l-ġdid diġa ġie individwat u l-pjanti huma
lesti u ħarġu l-permessi neċessarji. Din is-sena ġiet
ivvotata somma żgħira biex biha jkompli jsir ix-xogħol
preliminari u hu ttamat li x-xogħol propja jinbeda fis-sena
2000.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'tip u x'livell ta' kordinament beħsiebu jżomm il-Gvern ma' l-Unions tal-ħaddiema tal-Gvern fl-inizjattivi strateġiċi varji imsemmija fil-Collective Agreement tal-ħaddiema tal-Gvern, bil-għan li jiżgura li jkollu n-numru adattat ta' ħaddiema bil-ħiliet meħtieġa biex iwettqu r-responsabiltajiet tal-Gvern?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jiena nfurmat illi, kif maqbul f'paragrafu 1.2 tal-Ftehim
Kolletiv, il-kordinament biex jitwettqu l-inizjattivi
strateġici msemmija fil-Ftehim, sejjer isir permezz ta'
negozjati u diskussjonijiet bejn l-Uffiċċju tiegħi u l-
Unions.
Jista jagħti l-każ illi f'materji settorali d-
diskussjonijiet isiru f'livell ta' Ministeru.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhuma l-pjani li għandu l-Gvern biex jiżviluppa l-ħiliet tal-ħaddiema tal-Gvern?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
L-iżvilupp tal-ħila tal-ħaddiema tal-Gvern huwa eżerċizzju
kontinwu koordinat fuq bażi ġenerali mill-iStaff
Development Organisation fl-Uffiċċju tiegħi.
B'mod partikulari ninsab infurmat li s-sena d-dieħla sejjer
isir eżerċizzju li jiffoka fuq il-kapaċitajiet tal-ħaddiema
fil-gradi ndustrijali u kif dawn il-kapaċitajiet jistgħu
jiġu żviluppati u wżati b'mod aktar effiċenti u effettiv.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhuma t-tibdiliet organizattivi li se jwettaq il-Gvern fis-servizz pubbliku biex jilħaq l-istrateġiji tiegħu?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-Gvern bi ħsiebu jasal li jwettaq il-pjani strateġiċi
tiegħu fis-Servizz Pubbliku permezz ta' miri li għandu kull
Ministeru u li fuqhom il-Ministeri għandhom jibnu l-
business plans tagħhom.
Biex dan iseħħ qegħdin ukoll jittieħdu passi biex jiġi
assigurat illi l-postijiet fl-għola karigi ta' kull
ministeru jiġu adekwatament mimlija.
Peress li jidher li fil-Collective Agreement għall-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku m'hemmx provvedimenti għal study leave eċċ, jista' l-Prim Ministru jikkonferma dan?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-Ftehim Kollettiv jipprovdi għal benefiċċji ġodda, jew
titjib fil-benefiċċji eżistenti bħal pre-retirment leave,
xogħol b'sigħat imnaqqsa, responsibility break, u żieda fis-
sick leave.
Hemm iżda benefiċċji oħrajn li ma nbidlux, fosthom l-istudy
leave. Dan huwa benefiċċju stabbilit u regolat minn
kapitlu għaxra ta' l-Estacode li jagħti dettalji kif
jingħata dan il-leave kemm bi ħlas u kemm bla ħlas.
Jista' l-Prim Ministru jinforma l-Kamra jekk kemm-il darba jistax jiġi kkonsidrat li l-ħlasijiet ġewwa r-reġistri superjuri u inferjuri ġewwa l-Qrati ta' Malta jsiru permezz ta' l-użu tal-credit cards li qed jiġu wżati mill-poplu?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li l-Awtoritajiet tal-Qorti huma lesti li
jikkunsidraw l-effiċjenza fil-ġbir tal-multi. Iżda l-użu
tal-credit cards għall-pagamenti ta' ħlasijiet allokati
lill-Gvern trid l-ewwel tiġi studjata sew mill-Ministru tal-
Finanzi qabel tkun tista tiġi applikata.
Jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra dwar jekk hemmx l-awtorizazzjoni rikjesta sabiex il-kunsill lokali jew aħjar is-Sindku ta' Ħal Safi, jagħmel ir-rampi fi: (1) Triq San Gwann, Safi (ħdejn Mon Cherie Confectionery); (2) Triq Dun Gużeppe Caruana, Safi (wara d-dar tal-Kappillan)?
Jekk dawn saru mingħajr il-permessi neċessarji, jista' l-Prim Ministru jindika x'passi se jittieħdu sabiex tali abbużi jiġu eradikati?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta' Safi li l-Kunsill
għandu l-permessi meħtieġa kemm għar-rampi kif ukoll għat-
tabelli li jindikaw li hemm dawn ir-rampi.
Sadanittant infakkar lill-Onorevoli Interpellant li, kif
intqal f'tweġibiet għal mistoqsijiet simili, il-Kunsill
Lokali huma korpi statutorji ta' Gvern Lokali, u
għaldaqstant awtonomi. L-Onorevoli membru huwa mitlub li
jigbor kull tagħrif ieħor relatat mall-mistoqsija tiegħu
mill-istess Kunsill.
B'riferenza għall-perjodu mill-5 ta' Settembru 1998 u l-10 ta' Novembru 1998 u għad-dekasteru li għalih il-Prim Ministru hu responsabbli, jista' jagħti lista ta' kuntratti li ngħataw b'direct order u għal kull kuntratt jindika; (a) x'kien il-kuntratt; (b) min għamel l-ispecifications; (c) min kienu l-persuni li għamlu l-award; (d) lil min intalbu quotations; (e) kemm kienet kull quote; (f) min rebaħ il-kuntratt; (g) ingħatawx xi extensions fuq il-kuntratt oriġinali u jekk fl-affermattiv, fiex kienu jikkonsistu u kemm kien il-valur totali tagħhom?
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm suppliers/kuntratturi li kienu jagħtu s-servizz tagħhom lill-istess dekasteru/Ministeru qabel il-5 ta' Settembru, 1998 u twaqqfu mill-Gvern preżenti? Liema kienu u x'servizz/prodott kienu joffru? Għalfejn twaqqfu? Min tqabbad minflokhom?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li fid-dikasteru tiegħi ebda suppliers jew
kuntratturi li kienu jagħtu s-servizz tagħhom qabel il-5 ta'
Settembru 1998 ma twaqqfu.
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba
għall-kumplament tal-Mistoqsija.
Mill-5 ta' Settembru, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm saru elezzjonijiet każwali għall-kunsilli lokali? F'liema belt/raħal? F'kemm-il każ ma kienx hemm nominazzjonijiet? F'kull belt/raħal ġewx co-opted membri fejn ma kienx hemm nominazzjonijiet? Kemm minn dawn kienu maħtura minn kandidati li kienu ħadu sehem fl-elezzjonijiet oriġinali? F'liema bliet/irħula mistennija jsiru l-elezzjonijiet għall-kunsilli lokali s-sena d-dieħla? Meta se jsiru? Kemm huwa stmat li jqumu dawn l-elezzjonijiet?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li mill-5 ta' Settembru sas-16 ta' Novembru
1998 saru tlettax-il sejħa għan-nominazzjonijiet biex
jimtlew vaganzi ta' Kunsilliera f'dawn il-lokalitajiet:
Paola (2), Fgura, Rabat Għawdex (2), Marsascala, Qormi,
Lija, Birkirkara (2), Swieqi, Nadur u Siġġiewi.
Ma kienx hemm nominazzjonijiet għal-lokalitajiet ta' Fgura,
Lija, Marsascala u Paola. S'issa ġew co-opted tliet membri
fil-lokalitajiet ta' Fgura, Marsa u Paola rispettivament.
Minn dawn il-membri wieħed biss tal-Fgura ħa sehem bħala
kandidat fl-elezzjonijiet ta' qabel.
Fl-14 ta' Marzu 1999 se jsiru elezzjonijiet tal-Kunsilli
Lokali fil-lokalitajiet ta' Valletta, Isla, Żebbuġ (Malta),
Żejtun, Balzan, Dingli, Fontana, Għajnsielem, Għasri, Iklin,
Kirkop, Marsa, Mellieħa, Mqabba, Nadur, Pembroke, Qrendi,
San Ġiljan, San Pawl il-Baħar, Santa Venera, Ta Xbiex,
Xewkija u Żurrieq.
Huwa stmat li l-ispiża ta' dawn l-elezzjonijiet titla għal
Lm300,000.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk minn meta twaqqfet sal-lum, x'rapporti u xi pjani ta' azzjoni ħejjiet il-Management Efficiency Unit? Fiex waslu f'dik li hi implimentazzjoni d-diversi inizjattivi li ħadet l-MEU?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li x-xogħol li għamlet l-MEU minn Jannar
1997 'l hawn kien ikkummissjonat jew mill-Prim Ministru jew
mis-Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru;
jew minn Segretarji Permanenti fil-ministeri l-oħra; jew
inkella minn tlett Kumitati tal-Kabinett li kienu ġew
imwaqqfa dwar oqsma differenti tas-servizz pubbliku mill-
Amministrazzjoni preċedenti.
Ix-xogħol tal-MEU huwa dak ta' konsulenza u mhux ta'
inizjattiva u sta għall-operaturi l-oħra tal-Gvern li ssir
l-implimentazzjoni.
Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista tal-
inizjattivi u proġetti li ħadet sehem fihom l-MEU bejn id-
19 ta' Jannar 1997 sat-30 ta' Novembru 1998.
Jista' l-Prim Ministru ġentilment jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-AFM tingaġġa suldati fiż-żmien qarib? Meta kien l-aħħar ingaġġ li sar u kemm kienu daħlu?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li hemm il-ħsieb li ssir sejħa għal ingaġġ
ta' suldati fil-Forza Regolari tal-Forzi Armati ta' Malta
matul l-1999. L-aħħar sejħa li saret kienet f'Mejju tal-
1996 u kienu ġew ingaġġati 91 rekluta.
Jista' l-Prim Ministru ġentilment jgħid jekk l-AFM għandhiex bċejjeċ tal-baħar li jimpurtaw spare parts mir-Russja?
Jekk ir-risposta hi fl-affermattiv, il-Prim Ministru ma jaħsibx li minħabba l-prezz ta' dawn l-ispare parts, ir-running cost m'huwiex cost effective?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li l-Forzi Armati ta' Malta għandhom bċejjeċ
tal-baħar li fuqhom hemm magni magħmula fir-Russja. Meta
jkun hemm bżonn ta' tiswija ta' dawn il-bċejjeċ tal-baħar u
jkun hemm bżonn ta' xi spare parts, dawn jieħdu ħsiebhom
min ikun ingħata l-kuntratt biex isewwi.
Il-Kondor Patrol Boats huma cost effective.
Jista' l-Prim Ministru jelabora dwar id-diskussjonijiet li kellu mal-Prim Ministru Taljan d'Alena dwar l-ittraffikar ta' l-immigranti illegali? Se jitwaqqaf xi pjan ta' azzjoni?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Fost affarijiet oħra, l-Prim Ministru Taljan u jien
rrevedejna l-istat tan-negozjati li hemm għaddejin bħalissa
u li għandhom iwasslu għall-koperazzjoni bilaterali għall-
kontroll tat-traffikar ta' immigranti llegali u money
laundering kif ukoll koperazzjoni bejn is-servizzi taż-
żewġ naħat. Aħna qbilna li dawn il-ftehim għandhom jiġu
konklużi mill-aktar fis possibbli sabiex din il-
kooperazzjoni tiġi attwata.
Referibbilment għall-perjodu l-1 ta' Novembru 1998 sat-30 ta' Novembru 1998 u għad-dikasteru li għalih hu responsabbli, jista' l-Prim Ministru jagħti lista ta' kuntratti li saru ta' għamara ta' uffiċini li ngħataw b'direct order u għal kull kuntratt jindika: (1) min kienu l-persuni li għamlu l-award; (2) lil min intalbu quotations; (3) kemm kienet kull quota; (4) min rebah il-kuntratt; (5) ingħatawx extensions fuq il-kuntratt oriġinali u jekk fl-affermattiv; (6) fiex kienu jikkonsistu u; (7) kemm kien il-valur totali tagħhom?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u risposta tingħata
f'seduta oħra.