B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 1908, jaf il-Prim Ministru li l-Kunsill Lokali ta' San Ġiljan ilu li għamel talba biex juża l-Palazzo Spinola bħala uffiċini mill-1993? Jidhirlu il-Prim Ministru li għadda żmien biżżejjed biex wieħed ikompli jikkonsidra din it-talba? Jista' l-Prim Ministru jgħid f'din il-konsiderazzjoni hijiex se tingħata lil Kunsill ta' San Ġiljan li wara kollox huwa l-gvern lokali ta' dan il-lokal?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-propjeta`
msemmija kienet tappartjeni lill-Knisja Maltija (Abazzia
Spinola) u għalkemm kienet għaddiet fil-pussess tal-Gvern
Malti permezz ta` Dikjarazzjoni Presidenzjali għal
skopijiet pubbliċi, kienet ġiet ippreżentata kawża fil-
Qorti Maltija mill-Awtoritajiet Ekklesjastiċi.
Wara li dan is-sit kien użat mill-Malta International
Business Authority (MIBA), fi Frar 1997 il-Ministeru tat-
Turizmu kien ħa pussess ta` dan il-bini billi kellu l-ħsieb
li Palazzo Spinola jinbidel f'ċentru tal-World Tourism
Organisation.
Il-linja ta` politika ta` dan il-Gvern rigward użu ta`
artijiet/propjeta` pubbliċi hija dik ta` aktar devoluzzjoni
lill-Kunsilli Lokali u għaldaqstant it-talba ta` dan il-
Kunsilll rigward dan is-sit tista` tiġi kkunsidrata f'dan
il-kuntest.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 1741 imwieġba mill-Ministru għall-Politika Soċjali, jista' l-Prim Ministru jagħtini informazzjoni dwar x'passi qiegħed jieħu l-M.P.O. dwar dawn il-ħaddiema?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Kif wiegħed il-Gvern fid-diskors tal-Budget tal-1992, il-
ħaddiema kollha meqjusa bħala rregolari jew temporanji
ġew mogħtija impjieg fiss b'effett mill-1 ta' Jannar, 1992.
Dan l-arranġament kien ikopri dawk il-ħaddiema li kienu jew
riedu jidħlu fl-iskema ta' l-Awżiljari sal-31 ta' Awissu,
1991.
Ġara iżda illi daħlu wara din id-data madwar disgħin
ħaddiem ieħor li allura mhumiex koperti b'dan l-
arranġament u, qabel ma l-impjieg ta' dawn jiġi
regolarizzat, wieħed irid jara sew l-implikazzjonijet ma l-
Awtorita Nazzjonali tax-Xogħol u l-Korporazzjoni ta' l-
Impjiegi u Taħriġ.
Dawn l-implikazzjonijiet qegħdin jiġu mistħarrġa, wkoll fil-
qafas tal-wegħda tal-Gvern fil-Programm Elettorali li
ħaddiema li ilhom snin twal jaħdmu bħala casuals isiru tal-
fiss.
Jista' l-Prim Ministru jgħid f'liema stadju wasal it-tħaffir għaż-żejt f'Kerċem u x'inhuma l-indikazzjonijiet mogħtija mill-esperti kemm tal-gvern u kemm tal-Kumpannija Saipem?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li t-tħaffir tal-bir f'Kerċem wasal fond
ta' madwar 7000m. L-indikazzjonijiet mogħtija mill-esperti
kienu u għadhom inkoraġġanti u għaldaqstant, jekk ma
jinqalgħux diffikultajiet jew ċirkustanzi mhux mistennija,
il-bir ser jiġi ttestjat fil-ġimgħat li ġejjin. Wara li
jitlestew dawn it-testijiet, inkunu nafu aħjar jekk il-bir
għandux potenzjal kummerċjali jew le.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' persuni li se jiddaħħlu fil-Forzi Armati s-sena d-dieħla in vista ta' risposta parlamentari li diġa' ngħatat?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
F'dan l-istadju huwa ppjanat li jiġu reklutati madwar mitt
suldat fl-1999.
Jista' l-Prim Ministru jgħid fejn hemm vakanzi ta' kunsilliera fil-kunsilli lokali f'Malta?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li sal-Ġimgħa, 11 ta' Diċembru 1998 f'Malta
kien hawn vakanza waħda ta' kunsillier, fil-Kunsill Lokali
ta' Lija.
F'Għawdex kien hemm oħra, fil-Kunsill Lokali ta' Sannat.
Jista' l-Prim Ministru jara li meta l-pulizija tressaq u takkumpanja lil xi persuna/i fil-qorti ma daħħalhomx mill-bieb prinċipali tal-qorti qisha qed tagħmel xi show bihom? Dawn jistgħu jidħlu mill-bieb ta' wara li hemm fi Strait Street?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
L-Onor Interpellant hu mitlub li jagħmel id-domanda lill-
Ministru responsabbli għall-Intern.
Jista' l-Prim Ministru jagħti lista tal-persumni li qegħdin jaqdu d-dmirijiet tagħhom fis-segretarjati tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari?
Jista' l-Prim Ministru jindika wkoll id-dipartimenti jew azjendi parastatali li ġejjin minnhom, il-grad tagħhom, id-dmirijiet li qegħdin jaqdu issa u x'allowance qegħdin jirċievu?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba mogħtija
minni għall-Mistoqsijiet Parlamentari Numru 81, 290 u 647.
Il-proċess biex jiġu ffirmati l-kuntratti tal-persuni li
għandhom jaqdu dmirijiet fis-Segretarjat Privat tiegħi u
f'dak tas-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tiegħi issa
beda imma għadu ma ġiex konkluż. Għalhekk, risposta sħiħa
għal din il-mistoqsija f'dak li jirrigwarda il-Ministeru
tiegħi tingħata f'xi seduta oħra.
Jekk l-Onor Interpellant jixtieq dettalji dwar staff
f'Segretarjati Privati oħra, nistiednu jagħmel il-
mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġew sospiżi ħaddiema fis-Servizz Ċivili, sena b'sena mill-1992 'il hawn? Kemm minn dawn ġie eventwalment terminat l-impjieg tagħhom? X'kienet ir-raġuni tas-sospensjoni f'kull każ? Kemm-il persuna sospiża eventwalment kompliet bix-xogħol tagħha fis-Servizz Ċivili?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat illi t-tip ta' każijiet li fihom impjegati
tal-Gvern jistgħu jiġu sospiżi u eventwalment jiġu
nterdetti huma:
każijiet dwar reati serji ta' dixxiplina li jiġu
nvestigati mill-Bord tad-Dixxiplina tal-Kummissjoni dwar is-
Servizz Pubbliku; u
każijiet kriminali fil-Qorti li fihom ikunu nvoluti
uffiċjali pubbliċi.
It-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa miġbur
fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 1531?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
B'referenza għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 1531,
ninsab infurmat li 24 Kunsill addottaw policy biex ma
jsirx tipjip fl-uffiċini u s-swali tal-konferenzi tagħhom.
Dawn huma:
Żebbuġ (Malta), Żejtun, Birkirkara, Fgura, Floriana,
Għajnsielem, Gharb, Għasri, Għaxaq, Kirkop, Mellieħa,
Mġarr, Nadur, Naxxar, Paola, Pembroke, Qrendi, San Ġwann,
Santa Luċija, Santa Venera, Ta' Xbiex, Tarxien, Xagħjra,
Żurrieq.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien hawn persuni li ttellgħu l-qorti din is-sena u kien hemm divjett tal-publikazzjoni ta' l-isem? X'tip ta' reati kienu akkużati f'kull każ?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li ma tinżammx statistika dwar in-numru ta`
persuni li ttellgħu il-Qorti din is-sena. Dan peress li l-
kawżi kriminali għadhom ma ġewx kompjuterizzati. Lanqas ma
tinżamm statistika dwar id-divjett tal-pubblikazzjoni ta` l-
isem u dwar it-tip ta` reati li kienu akkużati f'kull każ.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm persuni membri tal-Forzi Armati llum?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-Forzi Armati ta' Malta hija komposta minn 87 uffiċjal,
1535 suldat regolari, 215 ħaddiema pajżana tal-Gvern u 55
Riservisti Voluntiera, cioe total ta' 1892. Din kienet il-
pożizzjoni fil-11 ta' Diċembru 1998.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn bħalissa konsulenti jaħdmu mal-gvern?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat illi sakemm ġiet miġbura din l-
informazzjoni, kien hemm 3 konsulenti mpjegati mal-Gvern
fuq kuntratt - tnejn full-time u wieħed part-time.
Hemm ukoll 21 Adviser, 8 full-time u 13 part-time.
Minn dawn l-24 konsulenti/advisers wieħed biss ġie mpjegat
mill-5 ta Settembru 'l hawn.
Dawn il-figuri ma jinkludux konsulenti oħra (per eżempju
tobba fil-Ministeru tas-Saħħa) li jiġu mpjegati wara
proċess differenti li jgħaddi mill-Kummissjoni tas-Servizz
Pubbliku.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hawn żgħażagħ f'bordijiet governattivi li għandhom inqas minn 30 sena? Minn dawn kemm hemm nisa u kemm hemm irġiel? Kemm hemm minnhom li qed jieħdu xi forma ta' onorarja? Il-Gvern għandu l-ħsieb li jkompli jinnomina żgħażagħ f'bordijiet governattivi?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jiena nfurmat li fil-preżent, fil-bordijiet li jaqgħu taħt
ir-responsabbilta tad-dikasteru tiegħi ma hemm l-ebda
persuna li għandha inqas minn 30 sena.
Nistieden lill-Onor Membru biex jagħmel mistoqsijiet simili
lid-diversi Ministri rigward bordijiet oħrajn. Kif diga
għidt meta weġibt il-Mistoqsija Nru 1195, meta jsiru n-
nomini għal bordijiet tal-Gvern tingħata attenzjoni li
zgħażagħ li jikkwalifikaw jiġu nominati.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il transfer sar mill-elezzjoni sal-lum f'kull dipartiment tal-gvern u x'kienet ir-raġuni wara kull transfer? X'inhi l-opinjoni tal-gvern preżenti dwar it-transfers ta' l-impjegati tiegħu, speċjalment meta dawn ikunu transfers politikament vendikattivi?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Dan il-Gvern ma jagħmilx transfers politikament
vendikattivi u kien il-Gvern immexxi minni li ħadem bis-
sħiħ sabiex idaħħal sistemi ta' tmexxija fid-Dipartimenti
tal-Gvern li jkunu bbażati fuq ir-rikonċiljazzjoni
nazzjonali.
Ninsab infurmat li mill-elezzjoni ta' Settembru sat-23 ta'
Novembru, 1998 ingħataw b'kollox 126 transfer. Din il-
figura tinkludi dawk it-transfers li ngħataw minn
dipartiment għall-ieħor fl-istess Ministeru u li saru bl-
approvazzjoni tas-Segretarju Permanenti fil-Ministeru
rispettiv.
Dawn it-transfers jidhru fl-iskeda li qiegħed inpoggi fuq
il-mejda tal-Kamra.
Irrid ngħid li 25 minn dawn it-transfers kienu ħaddiema
Għawdxin li telgħu Għawdex fis-sezzjoni tax-Short Term
Benefits tad-Dipartimenti tas-Sigurta Soċjali.
It-transfers l-oħra saru jew fuq talba tal-impjegati
nfushom jew minħabba esiġenzi tas-servizz.
Jista' l-Prim Ministru jgħid xi ħsieb għandu l-gvern għall-użu ta' Villa Francia f'Ħal Lija li kienet tħalliet bħala wirt lill-istat?
Jikkonferma li l-bini sejjer lura ħafna u anki nsterqu ħafna affarijiet minn din il-villa?
Jikkonsidra li l-gvern jgħaddiha biex tiġi wżata minn Edward de Bono bħala ċentru internazzjonali għat-tixrid tal-ħsieb ġdid u l-kreattivita' li de Bono interessat iwaqqaf f'Malta?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien infurmat li, sa fejn hu magħruf, xejn ma nsteraq minn
Villa Francia minn meta l-Gvern ħadha f'idejh. Sar ukoll
xi xogħol ta' manutenzjoni.
Rigward l-ewwel u l-aħħar parti tad-domanda ta' l-Onorevoli
Membru, il-Gvern qiegħed jikkonsidra l-aħjar użu ta' din il-
Villa.
Billi fil-media tħabbar li fl-aħħar laqgħa mal-Prim Ministru Taljan ġie diskuss it-tiftix għaż-żejt li qed isir f'Kerċem, jista' l-Prim Ministru jiżvela lil din il-Kamra l-materja li tqanqlet? X'inhu l-interess tal-Prim Ministru Taljan dwar dan?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Diġa ddikjarajt fil-pubbliku li l-aħbar li fil-laqgħa mal-
Prim Ministru Taljan issemiet b'xi mod it-tfittxija għaż-
żejt hija biss invenzjoni ta' l-Orrizzont. Nikkonferma
din id-dikjarazzjoni.
Jista' l-Prim Ministru jgħid fiex wasal il-proċess ta' l-għażla biex jinħatru l-assistenti diretturi fid-dipartimenti differenti tal-gvern?
X'vakanzi jeżistu għal assistenti diretturi?
Tista' tipprovdi lista ta' fejn teżisti vakanza f'kull dipartiment?
Min hu mdaħħal fil-proċess ta' l-għażla?
B'liema kriterji se jinħatru l-assistenti diretturi?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jiena nfurmat illi l-proċess ta' l-għażla biex jinħatru l-
Assistenti Diretturi jinsab fi stadju avvanzat.
Minħabba t-tibdil fid-dekasteri qegħda ssir re-evalwazzjoni
tal-vakanzi f'dawn il-pożizzjonijiet.
Billi għad baqa xi dettalji li għad iridu jiġu determinati
dwar il-proċess ta' l-għażla minix f'pożizzjoni li nagħti
aktar informazzjoni f'dan l-istadju.
B'riferenza għall-perjodu mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-10 ta' Novembru, 1998 u għad-dekasteru li għalih il-Prim Ministru huwa responsabbli, jista' jgħid: (a) kemm hemm mobile phones użati; (b) kemm minn dawn huma mixtrija u kemm mikrija mingħand min u b'liema prezz/rati; (c) minn min qed jintużaw dawn il-mobile phones f'kull każ; (d) kemm minn dawn il-mobile phones bdew jiġu użati mill-5 ta' Settembru 1998 'l hawn?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Wara diversi lmenti minn diversi kunsilli lokali fuq il-konfini tal-lokal tagħhom u wara li diversi kunsilli ma ħarġux sodisfatti b'dak li ddeċidiet il-kummissjoni li twaqqfet apposta biex teżamina dawn l-ilmenti, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li tittieħed xi inizjattiva fil-futur qarib biex din il-problema tiġi solvuta?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Talbiet għat-tibdiliet fil-konfini tal-lokalitajiet huma
regolati mill-Artikolu 3(3) ta' l-Att ta' l-1993 dwar il-
Kunsilli Lokali li jipprovdi hekk:-
Tibdil fil-konfini ta' lokalitajiet għandu jsir biss
f'ċirkostanzi eċċezzjonali u biss mill-Kummissjoni
Elettorali, wara konsultazzjoni mal-Ministru, il-Kunsill
Loklai konċernat u, fejn hu possibbli, mar-residenti
lokali. Il-Kummissjoni Elettorali għandha tagħmel dan it-
tibdil permezz ta' avviz legali fil-Gazzetta.
Dan ifisser li l-Kummissjoni Elettorali bħala awtorita
indipendenti u awtonoma, għandha ġurisdizzjoni esklussiva
fid-deċiżjonijiet tagħha dwar talbiet fit-tibdiliet tal-
konfini.
Jista' l-Prim Ministru ġentilment jikkonferma li l-arma li allegatament qatlet lir-Raymond Caruana fil-Ġudja naqset mill-iStrong Room tal-Qorti? Jekk ir-risposta hi fl-affermattiv, meta naqset?
Jikkonferma l-Prim Ministru li r-rapport dwar il-frame ups li fih kien jissemma l-frame up ta' Pietru Pawl Busuttil naqas ukoll mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru fi żmien il-Prim Ministru Dr. Alfred Sant?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nikkonferma li l-arma li allegatament qatlet lil Raymond
Caruana fil-Gudja kienet waħda mill-oġġetti li naqsu mill-
Istrong Room tal-Qorti fis-serqa li saret fit-18 ta`
Settembru 1993.
Nassumi li l-Onor Interpellant qed jirreferi għar-rapport
ta' Inkjesta li kien għamel l-Imħallef Godwin Muscat
Azzopardi. Dan ir-rapport kien naqas fi żmien l-
amministrazzjoni preċedenti u għadu nieqes.