Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #3030 Sitting 49 1999-01-13 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsill Lokali — Raħal Ġdid

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jagħti kumpens lill-Kunsill Lokali ta' Raħal Ġdid biex fi Ġnien Pawlu Boffa jiġu rranġati l-funtani?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali Paola għamel talba lit- Taqsima ta' l-Artijiet fi ħdan il-Ministeru ta' l-Intern sabiex l-imsemmi ġnien jgħaddi f'idejn il-Kunsill Lokali fi stat tajjeb inklużi ż-żewġ funtani. Din it-talba sejra tiġi kunsidrata fil-kuntest tal-politika ta' devoluzzjoni lokali introdotta minn dan il-Gvern u li permezz tagħha l-Gvern irid jinkoraġixxi proġetti lokali billi jgħaddi f'idejn il-Kunsill Lokali propjeta li sal- lum hi amministrata minnhu u li tista tiġi amministrata aħjar mill-Kunsill Lokali.
Leg 9 PQ #2918 Sitting 47 1999-01-11 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Tribunal għall-Investigazzjoni ta' l-Inġustizzji — Deċiżjonijiet

Question

S'issa, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ħarġu deċiżjonijiet mit-Tribunal għall-Investigazzjoni ta' l-Inġustizzji mindu twaqqaf? Liema każi ġew deċiżi u f'kull każ x'kienet id-deċiżjoni? Kemm fadal każi pendenti?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li minn meta twaqqaf it-Tribunal għall- Investigazzjoni ta' Inġustizzji sal-24 ta' Diċembru 1998, ingħataw 77 sentenza finali u 12-il sentenza parzjali. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra, lista tal-każi kollha deċizi u d-deċizjoni mogħtija mit-Tribunal f'kull każ. Sas-6 ta' Jannar 1999 kien hemm 1173 applikazzjonijiet pendenti.
Leg 9 PQ #2949 Sitting 47 1999-01-11 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

OPM — Tenders

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 2170?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba f'mistoqsijiet numru 2170 u 2949.
Leg 9 PQ #3001 Sitting 47 1999-01-11 Oral · Final From: HELEN D'AMATO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MPO — Kuntatti mal-Commonwealth

Question

B'riferenza għal dak li qalet l-Onor. Helena Dalli nhar il-Ġimgħa 18 ta' Diċembru, 1998 fil-Parlament waqt li kienet qed titkellem dwar l-Approprjazzjoni għas-sena 1999, jista' l-Prim Ministru jgħid x'kuntatti għamel l-MPO mal-Commonwealth dwar esperti biex jgħinu biex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fir-rigward ta' l-amministrazzjoni tal-pajjiż? X'riżultati konkreti ħallew dawn l-kuntatti?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jiena nfurmat illi fit-30 ta' Settembru 1997, il-Management and Personnel Office bagħat proposta dettaljata lill- Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent dwar għajnuna teknika li seta jibbenefika minnha l-Gvern Malti. Il-proposta intitolata Strategy for increasing the representation by women in decision making positions in the Maltese public sector kellha tintbagħat lill-Commonwealth Fund for Technical Co-operation għal deċiżjoni finali. Fil- proposta ġew mitluba s-servizzi ta' espert fuq Gender Policy fis-settur pubbliku, u kien ġie propost ukoll li l- espert tkun stazzjonata fis-Segretarjat Parlamentari għad- Drittijiet tan-Nisa għal perjodu ta' tliet xhur, preferibbilment fil-bidu ta' l-1998. Sa llum jidher li l-Commonwealth Secretariat qatt ma bagħat risposta, u għalhekk s'issa l-ebda espert tagħhom ma ġiet Malta biex tagħti għajnuna teknika lill-Gvern fuq Gender Policy.
Leg 9 PQ #3004 Sitting 47 1999-01-11 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Valletta — Palazz tal-President - Turretta

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhu jsir sabiex is-saqaf tat-Turretta fil-Palazz, il-Belt ma jibqax fi stat ta' periklu għall-ħaddiema tal-AFM?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li diġa sar xogħol ta' manutenzjoni fit- Turetta fil-Palazz fl-aħħar ta' Diċembru 1998, fejn sar xogħol ta' waterproofing tas-soqfa. Xogħlijiet oħra meħtieġa ser isiru mill-iżjed fis possibli.
Leg 9 PQ #2023 Sitting 46 1998-12-21 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Dipartimenti governattivi — Karozzi ġodda

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk iddaħħlux karozzi ġodda tal-kiri mill-elezzjoni tal-5 ta' Settembru, 1998 sal-lum ta' kumpanniji oħra li ma kenux qabel jagħmlu xogħol f'dipartimenti ta-gvern? Jekk iva, kemm ġew mikrija karozzi u min hija l-kumpannija?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li fid-dekasteru tiegħi mill-5 ta' Settembru 1998 'il hawn inkrew dawn il-karozzi: Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru 1 John's Garage, Ħamrun 3 Autorentals Ltd, St Julians Diviżjoni tal-Ġustizzja 1 Autorentals Ltd, St Julians Qrati tal-Ġustizzja 15 Mexico Garage, Marsa Dipartiment tal-Kunsilli Lokali 9 Joe's Garage, Żabbar
Leg 9 PQ #2858 Sitting 46 1998-12-21 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Ċivili — Ħlasijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-ħlas ta' Lm78 kull sena għas-snin 1996, 1997 u 1998 u ta' Lm156 kull sena għas-snin 1999 u 2000 hux se jitqies bħala parti mis-salarju għal fini ta' komputazzjoni tal-pensjoni tat-Teżor skond Cap. 93 tal-Liġijiet ta' Malta?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Kif provdut f'paragrafu 5 tal-Ftehim Kollettiv, il- ħlasijiet ta' LM78 u LM156 mhumiex ser ikunu nkorporati fis- salarji. Madanakollu, fl-istess Ftehim, hemm provdut ukoll illi sejrin isiru arranġamenti ad hoc u fuq bażi personali għal dawk l-uffiċċjali pubbliċi li rtiraw jew se jirtiraw mis-sena 1996 sas-sena 2000 biex dawn il-ħlasijiet jiġu riflessi fil-pensjoni fuq bażi pro-rata.
Leg 9 PQ #2865 Sitting 46 1998-12-21 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli lokali

Question

Peress li d-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali għamel studju dwar il-costing attwali ta' servizzi u responsabbiltajiet kollha devoluti lill-kunsilli lokali, jista' l-Prim Ministru jpoġġi dan l-istudju u analisi fuq il-Mejda tal-Kamra tad-Deputati?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

L-istudju dwar il-costing attwali tal-kuntratti f'idejn il- Kunsilli Lokali li għalih qed jirreferi l-Onorevoli Membru tlesta iżda l-eżerċizzju għad irid jiġi evalwat internament. Kopja tiegħu tkun tista` titpoġġa fuq il- Mejda tal-Kamra darba l-istudju jitlesta mill-fażijiet kollha tiegħu.
Leg 9 PQ #2867 Sitting 46 1998-12-21 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

OPM — Segretarju Parlamentari

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk is-Segretarju Parlamentari fl-uffiċċju tiegħu ltaqax ma' kunsilli lokali? Jekk ir-risposta hi fl-affermattiv, ma' min iltaqa' s'issa? Dawn il-laqgħat se jitkomplew b'mod regolari?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Is-Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tiegħi qed jiltaqa` mall-Kunsilli Lokali kollha u sallum ikun fadal il-Kunsill ta` Dingli, Għargħur, Ħamrun, Marsaxlokk u Qrendi li ngħataw appuntament iżda ħassruh. Meta jsiru l-laqgħat kollha huwa l-ħsieb li dawn jitkomplew kull meta jkun hemm bżonn.
Leg 9 PQ #2753 Sitting 42 1998-12-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Ċivili — Impjegati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma dawk il-ministeri li ħadu l-inizjattiva biex iwaqqfu xi mekkaniżmu biex jispjezzjonaw l-ħaddiema tal-gvern fuq il-post tax-xogħol ħalli jiġi żgurat li qed jagħtu s-servizz li huma mħallsa għalih?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat illi fid-dekasteru tiegħi jeżisti mekkaniżmu soddisfaċenti biex jara illi l-ħaddiema jagħtu s- servizz mistenni minnhom. L-impjegati kollha għandhom is- supervisuri rispettivi tagħhom li jagħmlu dan ix-xogħol ta' sorveljanza. Jekk l-Onor Membru jixtieq informazzjoni dwar Ministeri oħra huwa mitlub jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #2747 Sitting 41 1998-12-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli Lokali — Belt Valletta

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'ħidma qiegħed jagħmel il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta biex iżżomm il-belt nadifa peress li qed ikun hemm ħafna lmenti fuq il-ħmieġ fil-belt kapitali tagħna?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta għandu tliet kuntratti biex jiġi mnaddaf il-lokal. Għandu kuntratt biex jinġabar l-iskart domestiku u biex jitbattlu l-iskips ta' kuljum. Għandu kuntratt ieħor biex jinkinsu t-toroq residenzjali darba kuljum, u ieħor biex isir it-tindif u jinġabar l-iskart miċ-ċentru kummerċjali kif ukoll biex titnaddaf ir-rotta mnejn jgħaddu l- karozzini. L-Onorevoli Membru seta jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill- Kunsill tal-lokalita konċernata billi l-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali.
Leg 9 PQ #2247 Sitting 39 1998-12-16 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

OPM — Għamara ġdida

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk inkrietx xi għamara ġdida għall-uffiċċju tiegħu f'Kastilja u għall-uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari tiegħu u jekk il-Ministri u s-Segretarji Parlamentari oħrajn krewx għamara ġdida? Jekk iva, mingħand min inkriet din l-għamara antika? Kemm qed iħallas kull ministeru għal din l-għamara?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li ma nkriet l-ebda għamara ġdida jew antika għall-Uffiċċju tiegħi jew għall-uffiċċju tas- Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tiegħi. Rigward il-kumplament tal-mistoqsija nitlob lill- Interpellant jitlob l-informazzjoni mitluba direttament mill-Ministri l-oħra.
Leg 9 PQ #2706 Sitting 38 1998-12-15 Oral · Interim From: JOE CILIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Ċivili — Impjegati

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti lista ta' l-impjegati barranin, full timers, part-timers, dawk impjegai fuq xogħol ta' konsulenza eċċ, fi ħdan is-Servizz Pubbliku? Jista' l-Prim Ministru jgħid f'liema dipartiment qed iservu l-imsemmija persuni? Jista' l-Prim Ministru jgħid minn liema pajjiż ġejjin dawn il-persuni? Kemm hu s-salarju bażiku ta' dawn l-impjegati? X'benefiċċji oħra għandhom inklużi l-allowances? Meta jispiċċa l-kuntratt tagħhom? X'qed jagħmel il-Gvern biex jittrenja persuni Maltin biex eventwalment jieħdu post dawn il-barranin?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

L-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar u tingħata tweġiba f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #2279 Sitting 37 1998-12-15 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

AG — Cleaners

Question

Jista' l-Prim Ministru jieħu passi sabiex jiġi aċċertat li jkun hemm cleaners fl-uffiċini ta' l-Avukat Ġenerali tal-Main Guard faċċata tal-Palazz, peress li f'dan il-bini ilu ma jkun hemm tindif minn cleaners sa minn Ottubru 1996 u tali tindif huwa ormai impellenti u noċiv għas-saħħa ta' l-impjegati?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li skond l-Avukat Ġenerali dan ma kellux ilmenti mill-istaff tiegħu dwar l-istat ta' ndafa fl- uffiċċju tal-Main Guard. Ma dan kollu hu ser jistħarreġ il- kwistjoni u jara x'hemm bżonn isir, għalkemm għandu jingħad illi mhux minnu li ilu ma jsir tindif kif imsemmi mill- Onorevoli interpellant.
Leg 9 PQ #2722 Sitting 37 1998-12-15 Oral · Interim From: CHRIS AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Qrati — Inkjesti maġisterjali pendenti

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm inkjesti maġisterjali pendenti li għadhom ma għalqux? Għal-liema maġistrat jappartjenu l-akbar numru ta' inkjesti li għadhom ma għalqux? Kemm inqatgħu kawżi ċivili quddiem il-Qorti tal-Maġistrati bejn Novembru 1997 u Novembru 1998 fil-perijodu bejn l-1995 u 1996? Kemm inqatgħu sentenzi mill-Prim Awla, Qorti ta' l-Appell Ċivili għall-istess perijodi? Kemm saru u nqatgħu ġurijiet matul l-istess perijodi msemmija? Kemm ingħataw deċiżjonijiet kriminali ta' kompetenza ta' aktar minn sitt xhur ħabs għall-istess perijodi u kemm hemm minnhom li ilhom diferti għas-sentenza għal aktar minn tliet snin?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #1932 Sitting 36 1998-12-14 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli Lokali — Rabat

Question

Billi l-Kunsill Lokali tar-Rabat, Malta ilu s-snin jgħid lill-komunita' ta' Ta' Duna li se jirranġa, jasfalta u/jew jagħti t-tarmak l-Għalqa ta' Kola li tinsab fejn ir-Roman Villa, jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra x'qed jikkawża verament il-posponimenti ta' dawn ix-xogħlijiet? Hemm xi rimedju kif din il-problema tiġi rimedjata? Jekk iva, x'inhuma? Peress li qed jinħoloq inkonvenjent kbir bit-trabijiet lir-residenti ta' l-inħawi u qed iħalli impatt negattiv ma' l-eluf kbar ta' turisti li minn sena għal oħra jżuru dawn l-inħawi storiċi tar-Rabat, jista' l-Prim Ministru jara li jirrimedja b'soluzzjoni qabel il-festa ta' San Ġużepp li tiġi ċċelebrata nhar id-19 ta' Marzu, 1999?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infumrat mill-Kunsill Lokali tar-Rabat (Malta) b'dan li ġej: (a) il-Kunsill applika fl-1995 għall-permess ta` żvilupp ta` din l-art permezz ta` applikazzjoni P.A. 3707/95. Dan il-permess għadu mhux maħruġ; (b) għalkemm diġa ħarġet proklama tal-President għall- akkwist ta` l-art, billi din l-art hija propjeta` privata, is-sidien qed joġġezzjonaw li jsir xi forma ta` żvilupp f'dan il-post; (c) il-Kunsill huwa ppreparat li jagħmel minn kollox biex jitnaddaf dan il-post appena joħroġ il-permess meħtieġ biex jibda x-xogħol.
Leg 9 PQ #2331 Sitting 36 1998-12-14 Oral · Final From: JOE CILIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Ċivili — Impjiegi

Question

B'riferenza għall-aħħar diskors tal-Budget fejn intqal li qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali l-impiegi fis-settur pubbliku żdiedu b'mod "li nfetħu l-bibien berah", jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt żdiedu l-impiegi? X'kategoriji kienu u f'liema dipartimenti kienu?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jien infurmat illi waqt li f'Awissu 1998 iddaħħlu 245 ħaddiem ġdid mal-Gvern, fit-tlett xhur ta' qabel iddaħħlu biss bejn 29 u 34 impjegat ġdid f'kull xahar. Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tlett skedi bid- dettalji ta' dawn l-impjiegi li saru matul il-perjodu msemmi.
Leg 9 PQ #2558 Sitting 35 1998-12-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Ċivili — Impjegati

Question

Rigward il-ftehim kollettiv għall-impjegati tas-Servizz Pubbliku għas-snin 1999-2001, jista' l-Prim Ministru jgħid x'se jsir konkretament biex iseħħ bil-fatti dak li hemm f'punt 1.1.1. fejn hemm rikonoxxuti l-aspettattivi leġittimi taċ-ċittadini Maltin għall-kwalita' aħjar tas-servizz mill-impjegati tas-Servizz Pubbliku? Xi progress jista' jirrapporta dwar l-effiċjenza tas-Servizz Pubbliku dwar dak li ntqal fil-Budget għall-1994 li ż-żidiet fil-pagi ta' l-impjegati tal-gvern "Dan għandu jittraduċi ruħu f'effiċjenza akbar, produttivita' akbar u servizz aħjar lil pubbliku"? Jaħseb il-Prim Ministru li dak li ntqal fil-Budget għall-1994 seħħ?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Biex iseħħu l-inizzjattivi strateġiċi tal-Gvern li hemm elenkati f'paragrafu 1.1. tal-Ftehim Kollettiv, il-Gvern flimkien mal-Unions, sejjer jieħu l-passi kollha neċessarji biex jindirizza b'impenn il-bżonnijiet li jidhru miġbura f'paragrafu 1.3. tal-Ftehim. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija l-Onor Membru jidher li qiegħed jirreferi għar-Riforma li saret b'seħħ mill-1 ta' Jannar 1991. Permezz ta din il-bidla, is-Servizz Pubbliku ttrasforma ruħu minn fuq s'isfel - kemm għall-kapijiet li jinħatru fuq kuntratt u kemm għall-impjegati aktar l-isfel li, permezz tar-Riforma nġabru fi gruppi aktar omoġenji bil- ħatriet u promozzjonijiet isiru fuq bażi ta' mertu aktar milli anzjanita. Sar ukoll investiment kbir fl- informatika u fit-taħriġ tal-ħaddiema u dan irriżulta f'effiċjenza akbar u f'servizz aħjar. Għalkemm dejjem jibqa lok għal titjib, it-tweġiba għall- aħħar parti tal-mistoqsija hija fl-affermattiv.
Leg 9 PQ #2560 Sitting 35 1998-12-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku — Impjegati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'se jsir matul is-snin 1999-2001, sena b'sena, b'mod konkret biex isseħħ 1.3.3. li hemm imniżżel fil-ftehim kollettiv tas-Servizz Pubbliku dwar taħriġ għall-impjegati pubbliċi biex ikollhom is-snajja' meħtieġa biex jagħmlu b'mod aktar effiċjenti ix-xogħol preżent u futur tagħhom? Kemm se jintnefaq fuq dan it-taħriġ? F'liema qafas se jsir dan it-taħriġ? Min se jmexxih?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Il-programm li qiegħed ifassal il-Gvern għat-taħriġ tal- impjegati pubblici huwa wieħed estensiv u li huwa mifrux fuq is-setturi kollha fis-Servizz Pubbliku. Minbarra s-somma ta' Lm87,000 ivvutata għall-iStaff Development Organisation fl-Uffiċċju tiegħi biex jitwettaq dan it-taħriġ fuq bażi wiesgħa, ġew ivvutati wkoll Lm825,000 għal taħriġ settorali li jitmexxa mill-Ministeri konċernati. It-taħriġ fuq bażi service-wide li jitmexxa mill-iStaff Development Organisation ikopri korsijiet speċjalizzati għall-Kapijiet tad-Dipartimenti, korsijiet ta' proċedura, finanzi, riżorsi umani u information technology fost oħrajn. Parti minn dan it-taħriġ isir f'istituzzjonijiet barra minn Malta. Kif weġibt għall-mistoqsija numru 2342 sejjer ukoll jitkompla l-eżerċiżżju li jiffoka fuq il-kapaċitajiet tal- ħaddiema ndustrijali u kif dawn il-kapaċitajiet jistgħu jiġu żviluppati u wżati b'mod aktar effiċjenti u effettiv. Għal dan l-iskop biss ġew ivvutati Lm5,000.
Leg 9 PQ #2596 Sitting 35 1998-12-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja — Każ ta' persuna

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid fiex wasal il-każ imqajjem mill-persuna li isimha qed jintbagħat separatament quddiem il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja? Kien hemm xi żviluppi wara l-ittra li ntbagħtet lill-Kummissjoni mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru nhar l-4 ta' Novembru, 1998 (Ref. No. OPM/J/33/98)? Għaliex id-deċiżjoni li kellha tingħata mill-Kummissjoni dwar il-każ nhar it-3 ta' Diċembru, 1998 baqgħet ma ngħatatx? Meta se ssir is-subbasta ta' l-immobbli ta' l-avukat (Ref. 91/98) li hu nvolut f'dan il-każ?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

L-Onorevoli Interpellant jifhem illi skond l-Art 7 ta' l- Att XI tal-1994, il-proċeduri quddiem il-Kummissjoni għall- Amministrazzjoni tal-Ġustizzja u tal-Kumitat għall-Avukati, fi ħdanha, huma koperti bis-sigriet. Il-Kummissjoni tirċievi lmenti u mbgħad tikkomunika r- riżultati ta' indaġni tagħha sija lil min ikun għamel l- ilment kif ukoll lil min ikun sar l-ilment dwar l-aġir tiegħu. Tiġi mgħarrfa wkoll il-Kamra ta' l-Avukati. F'ċerti każijiet id-deċizjoni ssir pubblika. Dwar proċeduri ġudizzjarji - b'mod partikolari, il- proċeduri tas-subbasta - la hi kompetenti l-Kummissjoni u lanqas ma jindaħal l-eżekuttiv.