Jista'l-Prim Ministru, li taħtu jaqgħu l-kunsilli lokali, jara li trejqa fi Blokk 5, Fuq San Pawl, Bormla tiġi rranġata peress li tinsab fi stat perikoluż għar-residenti? Jista' l-Prim Ministru jgħid x'isir meta ċerti kunsilli lokali ma jkollhomx il-fondi sabiex jagħmlu ċertu xogħlijiet ta' dan it-tip?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli Lokali
huma korpi statutorji ta' gvern lokali u fil-qadi tal-
funzjonijiet tagħhom jaġixxu skond il-prijoritajiet,
esiġenzi u l-mezzi tagħhom.
Għaldaqstant nissuġġerixxi l-Onorevoli Membru li jirreferi
l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill tal-lokalita billi l-
funzjoni li qed jirreferi għaliha, fil-fatt hija waħda mir-
responsabbilitajiet tal-Kunsilli.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' uffiċjali fi grad ta' operations manager mas-Servizz Ċivili u f'liema skala ta' pagi qegħdin?
Kemm minn dawn l-uffiċjali qegħdin fi skala ogħla min oħrajn ta' l-istess grad fuq bażi personali?
Jista' l-Prim Ministru jgħid meta din l-anomalija se tiġi rranġata?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jiena nfurmat li mal-Gvern hemm sitt impjegati fil-grad ta'
Operations Manager.
Tnejn minn dawn huma fuq skala ta' salarju 7 u l-erbgħa l-
oħra fi skala 6 fuq bażi personali.
Dawk li qegħdin fuq skala 6 huma ex-Works Managers II li
fil-qafas ta' l-eżerċizzju korrettorju tpoġġew, bħal oħrajn
bħalhom li qabel kienu temporanjament fuq skala 8, fuq
skala 6 iżda dan b'effett mill-1 ta' Jannar 1996.
Dan l-arranġament kien approvat f'Marzu tal-1997.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li ta s-Sur Henry Frendo għar-riżenja tiegħu mill-Kunsill Lokali ta' H'Attard? Jista' l-Ministru jpoġġi kopja ta' l-ittra tar-riżenja fuq il-Mejda tal-Kamra li ta lill-kunsill?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta` Gvern Lokali u
l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant tista`
tinkiseb mill-Kunsill Lokali relattiv li lilu hija
ndirizzata l-ittra msemmija mill-Onor. Interpellant.
Jikkonsidra l-Prim Ministru li kulmin jiġi liberat mill-Qorti fuq akkużi ta' natura kriminali, għandu jkollu d-dritt li jitlob kumpens mill-Istat - anke sa ċertu limitu mpost b'liġi - għal kwalunkwe żmien li jkun għamel taħt arrest preventiv? Jikkonsidra li jkun idoneu li jitwaqqaf kumitat jew kummissjoni sabiex jevalwa l-implikazzjonijiet ġuridiċi ta' tali suġġeriment?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-materja in kwistjoni fiha ħafna problemi kemm ġuridici u
finanzjarji u għalhekk wieħed irid jistudja fid-dettal dawn
il-fatturi qabel ma ssir xi deċiżjoni dwar kumpens.
Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-Bye laws kollha approvati mill-gvern u esegwiti mill-kunsilli lokali minn Settembru 1998 sal-lum?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Minn Settembru 1998 sa llum ġew pubblikati żewġ Bye-Laws
kif ġej:
1. K.L.B.L 53/3/98 - Bye-Laws ta` l-1998 dwar Reklami fuq
Għamara tat-Toroq (Kunsill Lokali San Ġwann);
2. K.L.B.L. 8/4/98 - Bye Laws ta` l-1998 dwar Użu ta`
Faċilitajiet (Kunsill Lokali Żabbar).
Sta għall-Kunsill Lokali konċernat li jesegwixxi il-Bye
Laws proposti mill-Kunsill stess.
Ma narax il-bżonn li npoġġi dawn il-Bye-Laws fuq il-mejda
ta` din il-Kamra peress li dawn ġew ippubblikati fil-
Gazzetta tal-Gvern tat-3 ta` Settembru 1998.
Jista' l-Prim Ministru jagħti l-ismijiet tal-persuini kollha li huma fis-segretarjat privat tiegħu u tas-segretarju parlamentari li jaqa' taħtu? Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhu x-xogħol ta' kull wieħed u f'liema impjieg kienu l-aħħar qabel ġew fis-segretarjat?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-proċess biex jiġu ffirmati l-kuntratti/ftehim tal-
persuni li għandhom jaqdu dmirijiet fis-Segretarjat tiegħi
u f'dak tas-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tiegħi
għadu mhux konkluż.
Qed nehmeż l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant
dwar dawk il-persuni f'dawn iz-żewġ Segretarjati Privati li
diġa iffirmaw il-kuntratt/ftehim. Aktar dettalji fuq ir-
responsabbiltajiet assoċjati mal-pożizzjonijiet ta' dawn l-
individwi jinsabu fid-dokument Engagement of Staff for
Private Secretariats li tpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra fit-2
ta' Novembru 1998.
Risposta sħiħa għal din il-mistoqsija u għal mistoqsijiet
oħra simili tingħata f'xi seduta oħra.
Referibbilment għall-perjodu l-1 ta' Novembru 1998 sat-30 ta' Novembru 1998 u għad-dikasteru li għalih hu responsabbli, jista' l-Prim Ministru jagħti lista ta' kuntratti li saru ta' għamara ta' uffiċini li ngħataw b'direct order u għal kull kuntratt jindika: (1) min kienu l-persuni li għamlu l-award; (2) lil min intalbu quotations; (3) kemm kienet kull quota; (4) min rebah il-kuntratt; (5) ingħatawx extensions fuq il-kuntratt oriġinali u jekk fl-affermattiv; (6) fiex kienu jikkonsistu u; (7) kemm kien il-valur totali tagħhom?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Prim Ministru jagħti lista ta' l-impjegati barranin, full timers, part-timers, dawk impjegai fuq xogħol ta' konsulenza eċċ, fi ħdan is-Servizz Pubbliku? Jista' l-Prim Ministru jgħid f'liema dipartiment qed iservu l-imsemmija persuni? Jista' l-Prim Ministru jgħid minn liema pajjiż ġejjin dawn il-persuni? Kemm hu s-salarju bażiku ta' dawn l-impjegati? X'benefiċċji oħra għandhom inklużi l-allowances? Meta jispiċċa l-kuntratt tagħhom? X'qed jagħmel il-Gvern biex jittrenja persuni Maltin biex eventwalment jieħdu post dawn il-barranin?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor Membru issa ġiet miġbura
u qiegħed inpoġġi kopja tagħha fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'riferenza għal dak li hemm f'paġna 70 tad-diskors tal-Budget 1999 fejn jingħad:
"Se nitkellmu mal-unions biex nindirizzaw il-problema ta' nies żejda f'ċerti gradi.".
Jista' l-Ministru jgħid meta se jibdew il-laqgħat mal-unions dwar din it-tema? Min se jmexxi dawn il-laqgħat min-naħa tal-Gvern? Il-Gvern kemm jaħseb li għandu ħaddiema żejda u f'liema gradi qegħdin?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jiena nfurmat illi l-laqgħat mal-Unions dwar nies żejda
f'ċerti gradi sejrin jibdew fl-ewwel tlett xhur ta' din is-
sena.
Dawn id-diskussjonijiet, li sejrin jitmexxew mill-
Management and Personnel Office għan-naħa tal-Gvern, sejrin
jiġu nkwadrati fil-qafas ta' eżerċizzju li diġa nbeda, u
li qiegħed jiffoka fuq il-kapaċitajiet tal-ħaddiema fil-
gradi ndustrijali u kif dawn il-kapaċitajiet jistgħu jiġu
żviluppati u wżati b'mod aktar effiċenti u effettiv.
In-numri dwar iż-żejjed u n-nieqes fil-kapaċitajiet ta'
dawn il-ħaddiema għall-ħtiġijiet ta' l-operat tal-Gvern
jiġu determinati meta dan l-eżerċizzju, kif ukoll il-
laqgħat mal-Unions, jilħqu stadju aktar avvanzat.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhuma l-proġetti li hemm ippjanati mill-Kunsill Lokali tal-Marsa għall-poplu Marsi?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli Lokali
huma korpi statutorji ta` gvern lokali u fil-qadi tal-
funzjonijiet tagħhom jaġixxu skond il-prijoritajiet,
esiġenzi u l-mezzi tagħhom.
Għaldaqstant nissuġġerixxi l-Onorevoli Membru li jirreferi
l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill tal-Lokalita` konċernata.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mid-29 ta' Ottubru sal-31 ta' Diċembru 1998 fid-DOI? Jista' l-Prim Ministru jagħti r-raġuni għalfejn saru dawn it-trasferimenti? Jista' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsiru trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol hawn fuq imsemmi?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien infurmat illi matul il-perjodu msemmi kien hemm żewġ
trasferimenti mid-Dipartiment ta' l-Informazzjoni. Dawn it-
trasferimenti saru fuq talba personali ta' l-uffiċjali
nvoluti.
Fil-futur qarib jista' jkun hemm żewġ trasferimenti oħra,
wieħed biex jiġi uffiċjalizzat transfer għas-Segretarjat
Privat tiegħi u l-ieħor fuq talba ta' l-impjegat konċernat.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kotba ġew stampati mill-istamperija tal-Gvern mill-1945 sal-lum, liema huma t-titoli tagħhom u kemm minnhom inbiegħu?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jiena infurmat li l-informazzjoni li tista' tinġabar tmur
lura għall-aħħar ftit snin biss.
Id-dettalji li għadhom qed jinġabru jingħataw f'xi seduta
oħra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid fiex wasal it-tħaffir u x-xogħol fuq il-proġett tat-tħaffir taż-żejt f'Għawdex fuq il-Bir Madonna taż-Żejt?
Jista' l-Ministru jgħid humiex se jittieħdu xi deċiżjonijiet ġodda fuq it-tħaffir?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li t-tħaffir tal-bir f'Kerċem wasal fond
ta' madwar 7,650 metru u li minn hawn u ftit ġranet oħra l-
karatteristiċi tal-blat ser jiġu rreġistrati u studjati
biex wara jsiru l-provi ta' produzzjoni meħtieġa. Ir-
riżultati ta' dawn il-provi mistennija jkunu magħrufa
kmieni fi Frar.
Deċiżjonijiet dwar it-tħaffir jittieħdu kuljum, dejjem
skond il-programm ta' tħaffir u l-eżiġenzi tax-xogħol.
Jista' l-Prim Ministru, għall-perijodu mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-1 ta' Diċembru, 1998, jagħti lista tal-kuntratti li ngħataw b'direct order u għal kull kuntratt: (a) jindika x'kien il-kuntratt; (b) min għamel l-ispecifications; (ċ) min kienu l-persuni li għamlu l-award; (d) lil min intalbu l-quotations; (e) kemm kienet kull quote; (f) min rebaħ il-kuntratt; (g) ingħataw extensions fuq il-kuntratt oriġinali; u (h) kemm kien il-valur totali tagħhom?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba
għall-perjodu mill-11 ta' Novembru 1998 sal-1 ta' Diċembru
1998. Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba li
tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 1260 għall-perjodu
5 ta' Settembru 1998 sal-10 ta' Novembru 1998.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk tul l-aħħar xahar l-Armata ntalbitx tinvestiga jekk sarux splużjonijiet fil-barrieri qrib it-tempji ta' Ħaġar Qim u l-Imnajdra?
Fiex waslu l-investigazzjonijiet ta' l-Armata?
X'kienu l-konklużjonijiet?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien infurmat li f'Diċembru ta' l-1998 l-Armata ntalbet
tagħmel investigazzjoni dwar is-suġġett imsemmi fil-
mistoqsija.
L-awtoritajiet ta' l-Armata ħassew li tali nvestigazzjoni
ma kenitx taqa taħt il-kompitu tagħhom, iżda xorta waħda
ġabru xi tagħrif relevanti u għaddewh lid-Dipartiment
konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb, kif kien tal-Gvern preċedenti, li l-Forzi Armati jnaddfu l-ħajt tad-dawra kollu tal-ground ta' Pace Grasso li jinsab f'Raħal Ġdid?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li waqt li kien hemm talba bil-fomm biss
biex il-Forzi Armati jnaddfu l-ħajt tad-dawra kollha tal-
ground ta' Pace Grasso f'Raħal Ġdid, it-tweġiba minn naħa
ta' l-Armata kienet li dan mhux xogħol addattat għalihom.
M'hemmx x'jindika bil-miktub li l-Gvern preċedenti kellu l-
ħsieb jordna lill-Forzi Armati jagħmlu dan ix-xogħol ta'
tindif u mhux xieraq li l-Armata tiġi mqabbda dan ix-
xogħol.