B'riferenza għat-talba tar-residenti ta' l-Imtarfa sabiex jifformaw kunsill lokali għalihom, separat mill-konfini tar-Rabat, Malta, u s-sitwazzjoni tal-maġġorparti kbira tar-Rabtin u soċjetajiet tar-Rabat jħossu li huwa inġust li residenti ta' l-Imtarfa, wara li ġew joqogħdu fir-Rabat (għaliex ma kellhomx fejn joqogħdu fil-konfini tagħhom) iridu jieħdu wkoll parti mill-konfini u cioe' jwaqqfu kunsill lokali għalihom, liema pożizzjoni hija kontra x-xewqa tal-Kunsill Lokali tar-Rabat, jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra bis-sitwazzjoni?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
It-talba tar-residenti ta` l-Imtarfa sabiex jiffurmaw
Kunsill Lokali għalihom qed tiġi kkunsidrata flimkien ma
talbiet oħra simili.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm membri fil-Forzi Armati ta' Malta taħt il-35 sena, bejn it-35 u 45 sena, bejn il-45 u 55 u bejn il-55 sena 'il fuq u f'liema gradi qegħdin?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li l-etajiet fost il-membri tal-Forzi
Armati (Forza Regolari) huma kif jidhru hawn taħt. Dawn iċ-
ċifri jinkludu lill-Membri tar-Revenue Security Corps u
jeskludu l-ħaddiema ċivili li jaħdmu ma' l-Armata.
Eta minn - sa Numru
18 - 35 840
35 - 45 517
45 - 55 229
55 il fuq 33
Billi l-Prim Ministru fi tweġibiet ta' mistoqsijiet parlamentari preċedenti kien ikkonferma li r-rapporti dwar każi ta' frame-ups naqas mill-uffiċċju tal-Prim Ministru, Dr Alfred Sant, jista' jgħid jekk għamilx jew hemmx il-ħsieb li jagħmel inkjesta dwar dan?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Għadu qed jiġi mistħarreġ jekk għandhiex issir inkjesta
dwar is-suġġett imsemmi mill-Onor Membru.
Jista' l-Prim Ministru jgħid xi pjani għandu l-Gvern għat-tibdil fil-liġi tal-kunsilli lokali?
Meta beħsiebu l-gvern iressaq dawn it-tibdiliet quddiem il-Parlament?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ir-reviżjoni ta`l-Att ta` l-1993 dwar Kunsilli Lokali, bħal
kull reviżjoni oħra, issir bil-għan li l-provvedimenti
rispettivi jiġu aġġornati biex jirriflettu s-sitwazzjoni
attwali u l-ħtiġijiet tal-mument kif ukoll dawk tal-futur.
Bħalissa għadhom għaddejjin diskussjonijiet fl-
Assoċċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u mill-Assoċjazzjoni
Segretarji Kunsilli Lokali. Wara li dan jintemm, f'qasir
żmien tiġi pubblikata white paper biex wara jitressaq Abboz
li jemenda l-liġi.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża li ntnefqet f'riċevimenti/ospitalita' xahar b'xahar matul is-sena 1998 ta' kull kunsill lokali f'Malta u f'Għawdex?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli Lokali
huma korpi statutorji ta` Gvern Lokali u fil-qadi tal-
funzjonijiet tagħhom jaġixxu skond il-prijoritajiet,
esiġenzi u l-mezzi tagħhom.
Għaldaqstant nissuġġerixxi l-Onorevoli Membru li jirreferi
l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsilli Lokali rispettivi billi l-
funzjoni li qed jirreferi għaliha, fil-fatt hija waħda mir-
responsabbiltajiet tal-Kunsilli.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk kienx hemm tibdil fil-Bord ta' Gvernaturi taċ-Ċentru ta' l-Arbitraġġ?
Jekk iva, x'kienu r-raġunijiet għal dan it-tibdil u minn huma l-membri ġodda?
Meta hemm il-ħsieb li l-Liġi dwar iċ-Ċentru ta' l-Arbitraġġ tidħol in vigore?
Kien hemm xi tibdil dwar is-sede taċ-ċentru li kienet diġa' ġiet identifikata f'South Street, Valletta?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li ma kien hemm l-ebda tibdil fil-Bord ta`
Gvernaturi taċ-Ċentru ta` l-Arbitraġġ.
Huwa ppjanat li ċ-Ċentru jiġi inawgurat għal nofs din is-
sena u hu maħsub li l-kumplament tal-liġi tidhol fis-seħħ
sa dak iż-żmien.
Ma kien hemm l-ebda tibdil dwar is-sede taċ-Ċentru.
B'riferenza għall-OPM Circular No. 15/96, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il eċċezzjoni saret, wara l-ħruġ ta' dik iċ-ċirkolari sad-data ta' l-elezzjoni ġenerali ta'l-1996, bl-approvazzjoni tal-Management and Personnel Office u għal-liema raġuni saret dik l-eċċezzjoni?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jiena nfurmat illi mit-13 ta' Ġunju sal-24 t'Ottubru 1996
ġew ingaġġati sitt Statisticians fuq kuntratt b'effett mid-
19 t'Awissu.
Jiena tajt l-approvazzjoni tiegħi għall-kuntratt fit-23 ta'
Settembru 1996 wara li nġibdet l-attenzjoni tad-
dipartiment li kellhom iġibu l-approvazzjoni ta' l-Uffiċċju
tiegħi minn qabel. Din l-approvazzjoni tingħata wara li l-
istaff kien ġie diġa approvat mill-Kumitat tal-Kabinett
dwar ir-Riforma tas-Servizz Pubbliku fit-2 ta' April 1996.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm mistennija jinħatru diretturi u assistenti diretturi ġodda? X'proċedura ta' l-għażla sejra tintuża?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jiena nfurmat illi n-numru ta' postijiet ta' diretturi
ġenerali u diretturi li mistennija jimtlew fil-futur qarib
huwa ta' madwar 40.
Fil-fatt għadha kif ħarġet sejħa fis-27 ta' Jannar 1999,
biex jimtlew uħud minn dawn il-postijiet.
In-numru ta' Assistenti Diretturi li mistennija jinħatru
huwa ta' 123. Il-sejħa biex jimtlew dawn il-vakanzi
mistennija toħroġ f'dawn il-ġranet.
Il-ħatriet għal dawn il-postijiet isiru skond u fuq
kriterji li hemm fil-provvedimenti tal-Kostituzzjoni u fir-
Regoli tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3635, jista' l-Prim Ministru jgħid kif se taħdem is-sistema għad-devoluzzjoni lokali ta' proprjeta' pubblika? Meta se jibda l-proċess u meta hu maħsub li l-ewwel proprjeta' tiġi mgħoddija lil xi kunsill lokali?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Hija l-intenzjoni tal-Gvern li propjeta pubblika li mhix
użata sewwa jew li tista` tiġi utilizzata aħjar għal
skopijiet kulturali, soċjali jew turistiċi, għandha tgħaddi
b'titolu ta` amministrazzjoni f'idejn il-Kunsilli Lokali.
Ninsab infurmat li bħalissa, id-Dipartiment tal-Kunsilli
Lokali qed ikollu taħdidiet mad-Dipartiment ta` l-Artijiet
biex jitfassal ftehim legali.
Il-Kunsilli Lokali se jkunu mitluba jagħmlu eżerċizzju
serju fuq it-talbiet tagħhom, biex jiġi assigurat li dawn
huma amministrattivament u finanzjarjament vijabbli.
Hu maħsub li dan isir f'qasir zmien.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3645, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġew impjegati persuni b'kuntratt jew fuq bażi part-time, casual fil-perijodu: (1) bejn 1989 - 1996; (2) mill-1996 sa l-1998; u (3) minn 1998 s'issa? F'liema kapaċitajiet/gradi ġew ingaġġati dawn in-nies u kemm huma stmati s-salarji globali tagħhom? Jista' l-Prim Ministru jindika meta ħarġet is-sejħa għall-applikazzjonijiet għal kull post?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant qegħda
tinġabar u tingħata tweġiba f'xi seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid meta hu maħsub li jibdew jiġu ngaġġati local wardens mill-kunsilli lokali?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Is-servizzi tal-local wardens hija parti fl-iskema tad-
devoluzzjoni ta` l-infurzar tal-liġijiet.
Din l-iskema tiġi ntrodotta meta l-Kunsilli jkollhom l-
infrastruttura neċessarja biex verament ikunu jistgħu
jeżerċitaw b'mod effettiv id-delega ta` l-infurzar tal-
liġijiet. Il-mira hi li din is-sena jkun possibbli li dan
iseħħ.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk itteħdux xi passi biex tibda taħdem il-fondazzjoni msemmija fil-budget biex tieħu ħsieb il-Kon-Katidral ta' San Ġwann? Iltaqgħet xi darba s'issa? Min qed jieħu sehem f'dawn il-laqgħat u min qed jirrappreżenta l-Gvern f'din il-fondazzjoni?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien infurmat li l-Fondazzjoni Kon-Katidral ta' San Gwann ser titwaqqaf fil-ġimgħat li gejjin.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm ġurijiet pendenti li jridu jsiru quddiem il-Qorti Kriminali? Kemm minnhom ġew diġa' appuntati din is-sena? Liema huma u fuq liema akkużi? Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ilu l-aktar ġuri li ilu jistenna biex jiġi ttratta quddiem il-ġurati?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li hemm 58 ġuri pendenti quddiem il-Qorti
Kriminali li 25 minnhom huma appuntati għas-smiegħ matul is-
sena 1999. Mhuwiex prattiku u lanqas prudenti li jingħata
isem l-akkużat meta l-każ tiegħu għadu mhux qiegħed
jinstemgħa. L-akkużi jvarjaw minn omiċidju, tentattiv ta`
omiċidju, pussess u traffikar ta` droga, serq u frodi.
L-aktar ġuri li ilu pendenti l-att ta` akkuża tiegħu ġie
ppreżentat fl-1983 fuq allegat serq li ġara fl-1981. Dan
għadu fi stat ta` trattazzjoni dwar l-eċċezzjonijiet
preliminari. Irid jingħad illi ħafna drabi dewmien
esaġerat biex isir ġuri ma jkunx jiddependi mill-Qorti
Kriminali iżda għaliex l-akkużat ikun appella jew għamel
kawża kostituzzjonali fuq xi materja konnessa mal-ġuri.
Jista' l-Prim MInistru jgħid għaliex l-ex segretarju tal-Kabinett, Joe Zammit, qed jingħata trattament differenti u inferjuri għal dak li ngħata l-ex segretarju tal-Kabinett ta' qabel, Alfred Fiorini Lowell? Meta se jingħata trattament diċenti s-Sur Joe Zammit?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ma jirriżultaliex li s-Sur Zammit qed jirċievi trattament
inferjuri jew mhux diċenti.
Jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra jekk hemmx il-ħsieb li fi ġranet partikolari, per eżempju ġimgħatejn f'sena sħiħa, l-Auberge de Castille tkun hija wkoll miftuħa għall-pubbliku? Jikkunsidra wkoll li parti minnha biss tkun miftuha s-sena kollha?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Qed jiġi kkunsidrat li dak li jista jkun ta' interess
ġenerali għall-pubbliku -
t-taraġ prinċipali, is-Sala ta' l-Ambaxxaturi u l-Kamra tal-
Kabinett - ikun jista jarah il-pubbliku f'ħinijiet u
ġranet partikolari tas-sena.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm talbiet għal separazzjonijiet miż-żwieġ quddiem is-Sekond'Awla fis-snin 1995, 1996, 1997 u 1998? Kemm huwa t-total ta' każi ta' separazzjoni miż-żwieġ li hemm pendenti quddiem il-Prim Awla?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat illi talbiet ġodda għal separazzjonijiet
miż-żwieġ quddiem is-SekondAwla kien hemm 811 fl-1995, 893
fl-1996, 914 fl-1997 u 940 fl-1998.
Dawn iċ-ċifri jirreferu għal rikorsi preżentati fis-
SekondAwla u konsegwentament kemm il-darba kull konjuġi
jippreżenta rikors iċ-ċifri qed jarahom bħala żewġ rikorsi.
Fil-PrimAwla sal-lum hemm 253 każi ta' separazzjoni miż-
żwieġ li huma pendenti. Minn dawn hemm 198 appuntati u 55
li għadhom mhumiex appuntati.
B'riferenza għal para 4.1.2 tal-Ftehim Kollettiv tas-Servizz Pubbliku li għadu kif ġie ffirmat, i.e. "the need to encourage further the participation of female employees at all the levels of the public service, but in particular in the professional, vocational and managerial grades"; jista' l-Prim Ministru jgħid kif hemm il-ħsieb li dan isir?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
L-impenn tal-Gvern biex in-nisa jkunu jistgħu jipparteċipaw
iżjed fil-livelli kollha tas-Servizz Pubbliku huwa
kontinwu. Dan isir billi jittieħdu miżuri biex jinħolqu
strutturi li jgħinu n-nisa biex ilaħħqu mar-
risponsabbilitajiet tal-impieg u ma dawk tal-familja.
Bħalissa dawn il-miżuri huma l-introduzzjoni tar-reduced
hours u r-responsibility break, li l-preparazzjoni tagħhom
hija fi stadju avvanzat u l-proposti tal-gvern qed jiġu
studjati mill-Unions. Wieħed irid ukoll isemmi t-taħriġ li
fuqu l-uffiċċju tiegħi huwa impenjat.
Jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra x'materjal konness mal-mużewijiet u siti storiċi tagħna ġie stampat mill-iStamperija tal-Gvern mill-1925 sal-ġurnata tal-lum?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jiena nfurmat li l-informazzjoni li tista tinġabar tmur
lura għall-aħħar ftit snin biss. Id-dettalji għadhom qed
jinġabru u jingħataw f'xi seduta oħra.