Legislature:
Category:
Reset
Active:

Art għal skop pubbliku

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għal liema raġuni kienet ħarġet id-dikjarazzjoni No 763 ippubblikata fil-gazzetta tal-gvern tad-19 ta' Settembru, 1969, liema art issa ġiet iddikjarata bħala mhux aktar meħtieġa għal skop pubbliku fil-gazzetta tal-gvern tat-2 ta' Mejju, 2006?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-art li ġiet iddikjarata meħtieġa permezz ta' dikjarazzjoni Nru. 763 ippublikata fil-Gazzetta tal-Gvern tad-19 ta' Settembru 1969, kienet meħtieġa għall-Qasam Industrijali.

Mellieħa — Bejjiegħa tal-Ħaxix

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm bejjiegħa tal-ħaxix bit-trakk bil-permessi meħtieġa biex ibigħu fit-triq ewlenija ta' l-Għadira, Mellieħa? F'liema postijiet huma awtorizzati li jbigħu minnhom?

Response (BORG, TONIO)

Kif diġa' għidt fi Tweġibiet preċedenti dwar is-suġġett, liċenzji tan-negozju m'għadhomx jinħarġu mill-Pulizija. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.

CCF — Sejba ta' droga

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kienet id-droga maqbuda s-sena l-oħra fil-ħabs? Kemm inqabad din is-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2005 kien hemm 34 okkażjoni meta nstab xi materjal suspettuż ġewwa l-Ħabs, filwaqt li din is-sena, sal-10 ta' Mejju, kien hemm 13. Fir-rigward ta' kwantita d-dipartiment ma jkollux din it-tip ta' informazzjoni.

Żweġijiet

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew irrapportati żweġijiet is-sena l-oħra u din is-sena? Kemm kienu ċivili?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fir-Reġistru Pubbliku ta' Malta u dak ta' Għawdex ġew reġistrati dawn iż-żwiġijiet bejn l-1 ta' Jannar 2005 u t-30 ta' April 2006: Malta Għawdex Total Dawk minnhom biċ-Ċivil Total Dawk minnhom biċ-Ċivil 2005 2,188 336 158 43 2006 708 114 23 9

Persuni Barranin

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn persuni barranin li legalment qed jgħixu Malta llum u minn liema pajjiż ġew?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent hawn 17,611 persuna ta' nazzjonalita barranija li għandhom karta ta' l-identita' bħala residenti f'Malta, skond l-Att dwar il-Karta ta' l-Identita' (Kap 258). Minn dawn, 9,568 huma minn pajjiżi membri ta' l-Unjoni Ewropeja. Dawn jinkludu l-konjugi/tfal ta' ċittadini Maltin, residenti permanenti, barranin li jaħdmu Malta bil-permess, oħrajn li jingħataw estensjoni tal-visa, studenti barranin eċċ. Mhux bil-fors li dawn il-persuni li għandhom karta ta' identita' fil-fatt, qed igħixu f'Malta.

Pulizija — Sejba ta' droga

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inqabdet droga s-sena l-oħra u x'kienet? X'inqabad din is-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-ammont u t-tip ta’ droga li nqabdet mill-Pulizija matul l-2005 u bejn Jannar u April ta’ din is-sena huwa kif jidher hawn taħt: 2005 TipAmmont Cocaine 6kg 398.1g Heroin 15kg 487.2g Cannabis resin 19kg 662.86g Cannabis grass 1kg 886.6g Cannabis plants 3 plants Ecstacy 17,273 tablets LSD 3 micro-dot Amphetamine1kg DHC26 tablets Dalmaine 10 tablets Halcion 4 tablets Valium 2 tablets Tramal 1 tablet Methadone 250ml 2006* TipAmmont Cocaine 997.5g Heroin 1kg 733.8g Cannabis resin 30kg 230.95g Cannabis grass 19.5g Ecstacy 355 tablets Valium 2 tablets DHC68 tablets BZP 70.5 tablets *sa l-aħħar ta’ April.

Qrati — Reati konnessi ma' droga

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-qorti fuq reati konnessi ma' droga s-sena l-oħra? X'eta' kellhom u x'kien ir-reat? Kemm minn dawn kienu barranin? Kemm ittellgħu din is-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2005, l-Skwadra ta' kontra d-Droga ressqet quddiem il-Qorti 333 persuna fuq akkużi relatati ma' pussess ta' droga u 93 persuna oħra fuq akkużi relatati ma' traffikar ta' droga. L-eta' ta' dawn il-persuni kienet ta' bejn il-15 u d-59 sena, filwaqt li 38 kienu barranin. Infurmat ukoll illi bejn Jannar u April ta' din is-sena tressqu quddiem il-Qorti 144 persuna fuq akkużi relatati ma' droga.

Birkirkara — Biċċa art

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jirrimedja l-bżonn tal-każ li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern għadha qed tikkunsidra t-talba magħmula mill-applikant li rrefera għalih l-Onorevoli Interpellant. L-art mitluba hija ta' daqs konsiderevoli u jrid jiġi studjat sew l-aħjar użu li jista' jsir minnha. Bħal ma jsir f'każijiet simili, meta tittieħed deċiżjoni l-applikant jiġi infurmat formalment.

Kunsilli Lokali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 18552 u jgħid kemm hi l-ispiża rikorrenti tal-kunsilli lokali meta tieħu in konsiderazzjoni l-kera ta' l-uffiċini, l-impjegati, is-servizzi kollha u l-impjegati fil-ministeru responsabbli mill-amministrazzjoni tal-kunsilli lokali?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 18552, u ċioe' li l-informazzjoni għadha sa llum qed tinġabar.

Studenti Barranin

Question

Fid-dawl ta' dak li qalet il-Malta Association for Private Training Providers li studenti minn pajjiżi non-Unjoni Ewropea qed isibuha diffiċli jiġu jistudjaw Malta minħabba l-ħruġ tal-visa qed jispiċċaw imorru f'pajjiżi kompetittivi tagħna, x'passi se jitttieħdu biex jiġi ffaċilitat il-ħruġ tal-visi biex insaħħu dan il-qasam importanti f'pajjiżna?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent studenti minn pajjiżi fejn hija meħtieġa l-visa, li jkunu jridu jiġu jistudjaw Malta, jistgħu japplikaw sabiex jingħataw permess jiġu Malta sabiex isegwu il-kors ta' studju. Talbiet minn studenti li jirriżulta li huma bona fide m'humiex ikunu miżmuma.

Aċċess għall-Munxar

Question

Jista' il-Viċi P:rim Ministru jgħid x'passi se jittieħdu fid-dawl ta' l-ittra miftuħa indirizzata lill-Viċi Prim Ministru Tonio Borg u li dehret f'sezzjonijiet differenti ta' l-istampa dwar dritt għall-aċċess pubbliku fil-Munxar u miktuba mir-Ramblers Association of Malta?

Response (BORG, TONIO)

Saret laqgħa "kordjalissima" u posittiva bejni, it-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern, il-Pulizija u r-Ramblers Association fejn ġew diskussi l-problemi elenkati fl-istess ittra. Ġew indikati "contact persons" miż-żewġ naħat ħalli jiġi miġġieled aħjar l-abbużi li jista' jkun hemm fejn jiġi blukkat l-aċċess tal-pubbliku.

Refuġjati

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn refuġjati Malta llum u minn liema pajjiż huma?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta' persuni rikonoxxuti bħala refuġjati bejn l-2002 u l-2006 (mill-1 ta' Jannar 2002 sat-8 ta' Mejju 2006) kien kif ġej: 2002: 22 (21 minnhom waslu bid-dgħajjes) 2003: 53 (51 minnhom waslu bid-dgħajjes) 2004: 49 (8 minnhom waslu bid-dgħajjes) 2005: 34 (7 minnhom waslu bid-dgħajjes) 2006: 12 (8 minnhom waslu bid-dgħajjes) Total: 170 (95 minnhom waslu bid-dgħajjes) Hija l-fehma ta' l-Uffiċċju tal-Kummissarju għar-Refuġjati li, peress li n-numru ta' refuġjati f'Malta huwa relattivament żgħir u artna hija ċkejkna, ikun iktar għaqli, speċjalment għall-aħjar sigurta' tar-refuġjati nfushom, jekk ma jingħadx pubblikament mill-liema pajjiżi huma ġejjin ir-refuġjati li għandna fostna.

Kunsilli Lokali — Rapporti ta' serq

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew rapportati każi ta' serq mill-kunsilli lokali jew proprjeta' tal-kunsilli lokali s-sena l-oħra? X'insteraq u fejn?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li billi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar, tingħata tweġiba f'xi seduta oħra.

CCF — Priġunieri misjuba pożittivi għad-droga

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew misjuba pożittivi għad-droga ħabsin is-sena l-oħra u din is-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2005 ittieħdu 365 kampjun ta' l-urina u irriżulta li 76 kienu pożittivi filwaqt li 289 irriżultaw fin-negattiv. Matul din is-sena, sas-26 ta' Arpil, ittieħdu 118 il-kampjun fejn 18 kienu pożittivi u 100 fin-negattiv.

Gwardjani Lokali — Petizzjonijiet

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru petizzjonijiet lill-bord tal-petizzjonijet minn deċiżjonijiet tal-gwardjani lokali sad-data li tiġi mwieġba din l-interpellanza? Kemm minnhom ġew deċiżi, rifjutata u milqugħa? X'kien l-aktar ilment komuni li fuqu sar appell?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant li tkopri sa l-10 ta' Mejju 2006, hija kif ġej: Numru ta' petizzjonijiet magħmula lill-Bord tal-Petizzjonijiet - 1,077 Numru ta' petizzjonijiet deċiżi - 698 Dawn kienu maqsuma hekk: rifjutati - 287 milqugħa - 375 parzjalment milqugħa - 29 ppreżentati darbtejn - 7 L-ilment l-aktar komuni kien dak relatat ma’ parking (298).

CCF — Priġunier

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li jitmexxa l-każ ta' żagħżugħ li jinsab ġewwa l-faċilita' korrettiva ta' Kordin u ilu għaxar xhur jistenna biex jibda l-programm f'Sta. Marija?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fil-Faċilita' hemm diversi żagħżagħ li qegħdin jiġu assessjati biex jintbagħtu għall-programm. Nitlob l-Onor. Interpellant jgħaddili b'mod kunfidenzjali għall-liema priġunier qed jirreferi.

Tas-Sliema — Spazju taħt it-torri

Question

Possibbli li spazju pubbliku taħt it-Torri f'Tas-Sliema jingħata għal żvilupp ta' ċentru tal-boċċi li jista' jintuża mir-residenti u t-turisti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li meta xi entita' tkun tixtieq tingħata art tal-Gvern għal xi użu sportiv din għandha tagħmel it-talba tagħha lil Kunsill Malti għall-iSports li imbagħad jikkoordina mat-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern dwar il-possibilita' li l-art mitluba tingħata għall-iskop mitlub. Qabel ma tkun tista' tiġi kkunsidrata tali talba ikun meħtieġ li l-iżvilupp mitlub ikun approvat mill-MEPA.