Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numri ta' koperattivi ġodda li ġew reġistrati matul l-1999, 2000 u 2001? X'inhija l-politika tal-Gvern f'dan il-qasam u kemm hemm dipartiment li l-ħaddiema tagħhom qed jikkunsidraw dan il-pass sabiex jassiguraw l-impjiegi tagħhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li n-numru ta' koperattivi ġodda li ġew reġistrati kienu:
fl-1999 - ħamsa
fl-2000 - ħamsa
fl-2001 - erbgħa
Il-politika tal-Gvern, fejn għandhom x'jaqsmu l-koperattivi, hija waħda ta' appoġġ kontinwu. Dan jista' jintwera bl-investiment li qed isir minn sena għall-oħra fil-Proġett Scoops. Barra minn dan, permezz tal-liġi l-ġdida, il-Moviment Koperattiv ser ikollu liġi moderna li tagħti spazju sabiex il-koperattivi jitmexxew fuq sisien sodi.
Fil-każ ta' koperattivi f'dipartimenti tal-Gvern, ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ma kien hemm l-ebda dipartiment li l-ħaddiema tiegħu kkunsidraw jiffurmaw koperattiva sabiex jassiguraw l-impjieg tagħhom.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar l-ewwel għaxar karigi ta' xogħol okkupati min-nisa (ghalihom) u l-irġiel (għalihom) sena, b'sena l-1995 sas-2001?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabelli bl-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta'persuni li sfaw issensjati mill-impjieg tagħhom tagħhom minn Jannar 2002 sal-lum, maqsuma xahar b'xahar? Jista' jgħid minn liema settur kienu ġejjin u l-etajiet ta' kul persuna li tilfet l-impjieg?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi n-numru ta' persuni, skond is-settur fejn kienu mpjegati u maqsuma skond l-eta' ta' taħt jew fuq il-25 sena, li marru jirreġistraw għax-xogħol f'Jannar, Frar u Marzu 2002, wara li ġew redundant.
Jista' l-Ministru jgħid x'qed iżomm milli l-persuna taħt indikata jkollu l-kera mdawra fuqu wara li mietet ommu f'Awissu 1999 u li bħala ġuvni dejjem baqa' joqgħod fl-istess fond?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien nfurmat illi d-Dipartiment għadu qed jinvestiga min għandu jiġi rikonoxxut.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-fondi nri. 1 u 11 Ħal Luqa Ħal Farruġ li ħareġ għall-offerti fil-gazzetta tal-gvern nru. 17,172 bid-data tas-7/12/01, ġewx allokati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li ma kien hemm ebda offerta għall-fond numru 1, Ħal Farruġ, Luqa, u għalhekk dan il-fond ma ġiex allokat. Il-fond numru 11, Ħal Farruġ, Luqa, ġie mibjugħ b'kuntratt fit-2 ta' Jannar 2002.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija nru. 32720 u cioe, jista' jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li sfaw issensjati mill-impjieg tagħhom tagħhom minn Jannar 2002 sal-lum, maqsuma xahar b'xahar? Jista' jgħid minn liema settur kienu ġejjin u l-etajiet ta' kull persuna li tilfet l-impjieg?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 32720 f'din l-istess Seduta.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 31477 li t-titolu tagħha (Għawdex-Qgħad) ma jirriflettiex il-kontenut, u li kienet dwar tagħrif fuq ħaddiema bla xogħol, il-gainfully employed u self-employed skond il-klassifiċi mitluba fl-istess mistoqsija, jista' l-viċi prim ministru jgħid għaliex fit-tweġiba mogħtija fis-seduta nru. 715 tat-13 ta' Marzu 2002:
1) ma ġiex mogħti tagħrif dwar il-ħaddiema bla xogħol għas-snin 1995 u 2001 fil-
papers
laid
mat-tweġiba u kontra dak li huwa indikat fl-istess tweġiba ta' l-Onor Viċi Prim Ministru,
2) ma ġietx mogħtija l-klassifika skond il-professjoni jew sengħa eċċ, għas-snin 1996, 1997 u 1998, bħal ma ingħatat għas-snin 1999 u 2000; u
3) ma ġiex mogħti tagħrif dwar il-gainfully employed ta' sena sħiħa 2001, iżda sa Ottubru 2001 biss,
jista' jagħti l-informazzjoni dwar is-self employed fil-format li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellanti għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 31477 f'Seduta Numru 715, ninfurmha li:
1. f'Diċembru 1995 l-istatistika dwar ħaddiema bla xogħol ma kinitx tinġabar fil-format mitlub. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabelli bl-informazzjoni mitluba f'dan ir-rigward għal Diċembru 2001;
2. fit-Tweġiba hawn fuq imsemmija kont infurmajt lill-Onor. Interpellanti li l-informazzjoni mitluba dwar ħaddiema li jaħdmu bi qliegħ (gainfully occupied) għas-snin 1995, 1996, 1997 u 1998 ma kinitx tinġabar separatament għal Malta u Għawdex u għalhekk ma setgħetx tingħata fil-format mitlub;
3. l-informazzjoni li ngħatat dwar il-gainfully occupied kienet dwar Ottubru 2001 għax dik kienet l-aħħar informazzjoni ppubblikata.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabelli li juru l-informazzjoni dwar is-self-employed għal Diċembru mis-sena 1995 sas-sena 2000 u għal Ottubru 2001 għal Malta u Għawdex f'daqqa.
Jista' l-Ministru jinvestiga l-ilment tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li mhijiex tirċievi żidiet adegwati għall-għoli tal-ħajja maċ-cheques tal-pensjoni li tirċievi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali nforma lill-persuna msemmija dwar il-każ tagħha.
Jista' l-Ministru jgħid fhiex waslu l-pjanijiet għall-istallazzjoni ta' lift f'3 Ordinance Street, il-Belt?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-Awtorita' ta' l-Ippjanar ħarġet il-permess għall-installazzjoni tal-lift fil-post indikat mill-Onor. Interpellant. L-Awtorita' tad-Djar issa qed tipprepara d-dokumenti meħtieġa biex tinħareġ l-offerta dwar dan il-proġett.
Jista' l-Ministru jgħid fid-dawl tal-liġi dwar is-saħħa fuq il-post tax-xogħol jista' jsir mezz biex il-ħaddiema tal-Monti fi Triq Merkanti l-Belt jaħdmu f'ambjent nadif billi t-triq tinħasel kuljum?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid meta se tingħata risposta l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li ilha tliet xhur tistenna risposta għall-applikazzjoni ta' benefiċċju soċjali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-persuna minnu ndikata ġiet infurmata bl-andament tal-każ-tagħha.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'inhi s-sitwazzjoni ta' dawk il-persuni li għad ghandhom il-kotba ta' l-NI fejn tiġi credited lilhom il-ħlas ta' l-NI?
Fiċ-ċirkostanzi attwali dawn il-persuni sejjer ikollhom dritt għal xi forma ta' pensjoni meta jilħqu l-eta' ta' l-irtirar?
F'dan il-każ, qabel tingħatalhom il-pensjoni tittieħed konsiderazzjoni tal-mezzi finanzjarji tagħhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
B'riżultat ta' amenda b'effett mill-1 ta' April ta' l-1978 persuni assigurati taħt l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali m'għandhomx jinħarġilhom ktieb tas-Sigurta' Soċjali biex fuqha titwaħħal il-kontribuzzjoni. Minnflok, mid-data msemmija qed tingħata kartuna bin-numru tas-Sigurta' Soċjali biex isservi ta' ċertifikat li dik il-persuna ġiet assigurata. Il-kontribuzzjonijiet dovuti jitħallsu direttament għand il-Kummissarju tat-Taxxi Interni, u dawn jiġu rekordjati mill-kompjuter.
Meta jilħqu l-eta' ta' l-irtirar dawn ikollhom dritt ta' pensjoni kontributorja skond in-numru ta' kontribuzzjonijiet mħallsa. Din il-pensjoni mhix suġġetta għat-test tal-mezzi.
Jista' l-Ministru jgħid meta ser isiru lifts fil-housing estate fil-Pieta peress li hemm ħafna nies anzjani jew morda li jgħixu f'dan l-estate?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li l-Awtorita' tad-Djar rċeviet żewġ applikazzjonijiet biex jiġu nstallati lifts fil-Blokki A2 u D2 Pieta'. Peress li taħt it-tromba tat-taraġ fejn jistgħu jiġu nstallati dawn il-lifts tifforma parti minn proprjeta' oħra tal-Gvern mikrija lill-terzi, saret talba lid-Dipartiment ta' l-Artijiet biex tintuża parti minn din il-proprjeta' biex fuqha jinbnew il-pedamenti u l-pit tal-lifts.
L-Awtorita' tad-Djar qed tistenna risposta dwar din it-talba.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija nru. 32470 u cioe, jista' jgħid x'qed isir biex dawk li jkunu riabilitati mid-droga jsibu xogħol?
Kif qed jiġi inkoraġġiti sidien biex jagħtu chance lil dawn in-nies u jagħtuhom impieg?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ għandha unit fi ħdan is-sezzjoni tas-Supported Employment li taħdem mal-kategorija ta' persuni ndikati mill-Onor. Interpellant. Klijenti li jkunu għadhom kif spiċċaw minn programmi ta' riabilitazzjoni mid-droga li jmorru jirreġistraw għax-xogħol għandhom aċċess għall-iskemi kollha li toffri l-Korporazzjoni sew fejn jirrigwarda x-xogħol kif ukoll it-taħriġ.
Waħda minn dawn l-iskemi hija l-Bridging the Gap fejn min iħaddem jiġi nkoraġġit jagħti ċ-ċans lil dawn il-persuni billi jagħtuhom taħriġ fuq ix-xogħol għal żmien ta' mhux anqas minn tlettax-il ġimgħa u mhux aktar minn tnejn u ħamsin ġimgħa. Klijenti li jibbenefikaw minn din l-iskema jingħataw sussidju ta' ħamsa u tletin lira fil-ġimgħa mill-Korporazzjoni filwaqt li min iħaddem ma jħallas xejn. Minbarra li permezz ta' dan it-taħriġ il-persuna konċernata tkompli tibni l-fiduċja fiha nfisha, dan it-taħriġ jgħinha biex tkabbar il-possibilita' li tiġi mpjegata. Il-Korporazzjoni għandha wkoll ftehim ma' Caritas biex din l-entita' tħarreġ u ssib ix-xogħol lil mill-anqas erbgħa u għoxrin ex-drogat/a.
Minn naħa tagħha, l-Aġenzija Sedqa tipprovdi programm ta' riabilitazzjoni mill-abbuż tad-droga fil-Komunita' Santa Marija li fih tipprepara dawk li jipparteċipaw għad-dinja tax-xogħol. Il-programm fih innifsu jagħti mportanza kbira lix-xogħol biex il-persuna konċernata tkun tista' tintegra ruħha fis-soċjeta'. Lejn l-aħħar tal-programm isiru kuntatti ma' employers u l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ biex jinstab xogħol adattat għal dik il-persuna. F'din il-fażi tal-programm uffiċjali tal-Korporazzjoni jiltaqgħu ma' kull klijent biex jgħinuh f'dan ir-rigward tant li fil-fażi tar-re-entry dawn kollha jkollhom impjieg.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta sejra ssir il-manutenzjoni meħtieġa fil-Housing Estate tal-Pieta' peress li hemm bżonn li jsir xogħol fuq xi soqfa u jridu jiġu imbarrati xi shafts minħabba raġunijiet ta' saħħa u sigurta'?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-post indikat hemm żewġ soqfa x'jissewwew skond ir-rekords tad-Dipartiment tal- Bini u Tiswija ta' Djar u dawn ser jsiru fi żmien qasir. Nitolbu wkoll jispeċifika għal liema shafts qed jirreferi.
Jista' l-Ministru jgħid jekk tħallsitx il-kera lil lands tal-fond bir-riferenza RO 41989 li għalqet fl-aħħar ta' Marzu?
Jekk iva, jista' jgħid minn min tħallset din il-kera, meta s-sid hija mejta u l-unika werrieta tal-fond tinsab rikoverata fi sptar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellanti tirreferi l-Mistoqsija tagħha lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk tul din l-aħħar sena, kienx hemm xi tip ta' ilmenti minn residenti fid-dar ta' l-anzjani Bormla?
X'tip ta' ilmenti kienu u x'sar sabiex ġew irranġati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f'din l-aħħar sena ma kien hemm l-ebda tip ta' ilmenti mir-residenti fid-dar ta' l-anzjani ta' Bormla.