Jista' l-Ministru jgħid: (a) Kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għal bini / extension ta' lukandi u akkomodazzjonijiet oħra quddiem il-Planning Authority?
(b) Kemm huwa n-numru ta' sodod li qed jintalab li jiżdied?
(ċ) Kemm-il kategorija ta' l-akkomodazzjoni?
(d) F'kemm-il lokalita'?
(e) Meta u jekk hemmx ħsieb jinħareġ il-permess?
(d) Data meta maħsub jitlesta x-xogħol?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat kif ġej:-
a) Bħalissa l-Awtorita` ta` l-Ippjanar għandha quddiemha 27 applikazzjoni li jirrigwardaw bini/estensjoni ta` lukandi u akkommodazzjoni oħra turistika.
b) Peress li ċerti applikazzjonijiet għadhom fi stadju ta` diskussjoni, l-applikanti mhux dejjem indikaw in-numru ta` sodod rikjesti. Biss għal dawk li ndikaw in-numru ta` sodod rikjesti, dan ilaħħaq il-figura ta` madwar 3,900 sodda.
c) Five-Star - 3
Four-Star - 12
Three-Star - 3
Guesthouses - 2
Complexes/Aparthotels - 2
Oħrajn li ma ndikawx il-kategorija - 5
d) San Ġiljan - 6 applikazzjonijiet
San Pawl il-Baħar - 4 applikazzjonijiet
Vittoriosa - applikazzjoni waħda
Għajn Tuffieħa - applikazzjoni waħda
Sliema - 5 applikazzjonijiet
Għajnsielem - 2 applikazzjonijiet
Salina - applikazzjoni waħda
Qala - applikazzjoni waħda
Marfa - applikazzjoni waħda
Xlendi - applikazzjoni waħda
Mellieħa - 3 applikazzjonijiet
Kemmuna - applikazzjoni waħda
e) M`huwiex possibli illi wieħed jindika meta ser jinħareġ il-permess peress li hemm applikazzjonijiet illi qed jistennew informazzjoni mill-applikant, oħrajn għadhom qed jiġu proċessati, filwaqt illi oħrajn qegħdin fi stadju ta` rekonsiderazzjoni.
Wieħed jista` jindika biss ir-rakkomandazzjoni li qed issir. Hemm 6 applikazzjonijiet li qed jiġu rakkomandati għal refusal, 2 rakkomandati għal approval, 19 oħra għadhom qed jiġu pproċessati.
f) L-Awtorita` ta` l-Ippjanar ma tistax tindika meta hu maħsub li jitlesta x-xogħol l-ewwelnett peress illi dawn l-applikazzjonijiet għadhom pendenti quddiem l-Awtorita`, u t-tieni, huwa l-iżviluppatur illi jkun jaf meta x-xogħol jitlesta.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallsu liċenzji tal-kaċċa u l-insib għas-sena 2000 kif imniżżla fit-tabella li qed tintbagħat separatament min din il-mistoqsija skond l-ammont?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif jidher fuq it-Tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jaġġorna l-informazzjoni għal mistoqsija parlamentari nru. 17641 u jagħti breakdown ukoll tal-kontravenzjonijiet separatament jekk huwa possibbli?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi b`żieda mat-tagħrif mogħti fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 17641, bejn l-1 ta` Lulju u l-31 ta` Ottubru ta` din is-sena, in-numru ta` ċitazzjonijiet għal kontravenzjonijiet maħruġa mill-Pulizija kien ta` 30,641 f`Malta u 952 f`Għawdex.
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari nru. 21009, jista' l-Ministru jgħid jekk il-permess ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar ġiex imġedded? Jekk fl-affermattiv, x'inhu n-numru tal-permess il-ġdid u meta nħareġ dan il-permess?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-permess oriġinali (PA3941/93) li nħareġ fil-31 ta` Lulju 1995 kien validu għal ħames snin. Fit-13 ta` Lulju 2000, il-perit tal-proġett talab biex il-permess jiġi estiż b`sena oħra u fil-21 ta` Awissu 2000, din it-talba ġiet milqugħa skond il-proċedura stabbilita bl-emendi fil-Liġi għall-Kontroll ta` l-Iżvilupp li saru fl-1997.
B'referenza għad-domanda parlamentari preċedenti nru. 2482, jista' l-Ministru jinforma l-Kamra jekk kemm-il darba hemmx xi tibdil fil-ħsieb u hemm issa l-bidu ta' proġett lejn għassa ġdida u tajba għall-pulizija ġewwa l-Fgura?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi għalissa għad m`hemmx ħsieb għal xi tibdil f`din l-Għassa.
B'referenza għad-domanda parlamentari preċedenti nru. 2484, jista' l-Ministru jinforma l-Kamra jekk kemm-il darba tul is-sena 1999 kienx hemm aktar jew inqas minn 16,613 ta' kirjiet u ċnus li jiġu riċevuti mil-Lands Department li ma jaqbżux l-mitt lira u jistgħax ukoll jiġi indikat kemm huma ċnus u kemm kirjiet u kemm flus jidħlu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 1999, in-numru ta` kirjiet u ċnus li jitħallsu fid-Dipartiment tal-Artijiet u li ma jaqbżux il-mitt lira (Lm100.00) kien ta` 18,409. Il-valur totali ta` dawn il-kirjiet u ċnus jammonta għal Lm624,374. Dawn kienu mqassma hekk :
Kirjiet: 13,343 - Lm475,858
Ċnus Temporanji: 981 - Lm 25,817
Ċnus Perpetwi: 4,085 - Lm122,699
Dan in-numru jinkludi kirjiet u ċnus dwar flats, djar u plots li jiġu allokati mid-Dipartiment tas-Social Housing u l-Awtorita` tad-Djar.
Jista' l-Ministru jgħid x'possibilta' hemm li l-pulizija tiġbor il-klieb abbandunati li hemm f'Pembroke u li qed jiddisturbaw u jkunu ta' periklu għar-residenti ta' l-inħawi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi għalkemm il-Pulizija ma kellhiex rapporti ta` klieb li jkunu jiġġerrew barra fil-lokalita` li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant, ser jittieħdu passi sabiex jekk hemm xi klieb abbandunati, dawn jiġu miġbura mill-S.P.C.A.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi applikazzjoni pendenti quddiem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar biex issir dar ta' l-anzjani fl-inħawi ta' B'Buġia eżattament bejn Triq il-Freeport u Triq tal-Papa (B'Buġia)?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Awtorita` ta` l-Ippjanar m`għandhiex applikazzjonijiet pendenti fis-sit u għat-tip ta` żvilupp li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant.
Kemm ilhom li saru r-reinstatement fil-Korp tal-Pulizija?
Kemm hemm pulizija li applikaw għar-reinstatement?
Hemm il-ħsieb li ex-pulizija li għadhom taħt l-45 sena u li għandhom sengħa u li kienu fit-trades division mal-Korp tal-Pulizija jerġgħu jiġu reinstated?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-aħħar reinstatements fil-Korp tal-Pulizija kienu saru fl-1998, filwaqt li bħalissa hemm 61 persuna li għamlu talba sabiex jerġgħu jidħlu lura fil-Korp. Ir-reinstatements isiru meta jinħass il-bżonn li jiddaħħlu lura nies li jitqiesu bħala 'asset' għal Korp tal-Pulizija.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm Pulizija fil-Korp li qed jagħmlu xogħol differenti minn dak suppost ta' pulizija bħal pereżempju xi sengħa eż. mastrudaxxa eċċ?
Jista' jgħid x'inhu x-xogħol jew sengħa li jagħmlu f'kull każ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm 32 membru tal-Korp tal-Pulizija li huma assenjati xogħol konness ma` diversi snajja. Dawn is-snajja jinkludu electrician, ħaddied, bookbinder, mastrudaxxa, maintenance, mechanic, panel beater, sprayer, ħajjat, tappezzar, vulcanizer, radio technicians, typewriter repairer, spare parts store keepers.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari numru 21002?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bħalissa d-Dipartiment għat-Tmexxija tal-Proprjeta` fi ħdan it-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern qed jagħmel ir-riċerki neċessarji sabiex tiġi stabbilita l-provenjenza tal-proprjeta` in kwistjoni.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-ħaddiema ta' Colombo Tiles Factory, Naxxar Rd., San Ġwann, mhumiex jitħallew jużaw l-unloading bay li hemm proprju quddiem il-bini tal-fabbrika tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija qatt ma żammet lil ħadd milli juża` l-post li qiegħed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant għal ħatt jew tagħbija.
Jista' l-Ministru jinvestiga jekk l-individwu li qiegħed jipparkja l-inġenji tiegħu fuq art pubblika fi Triq Ġorġ Zammit, Imġarr, għandux il-permessi meħtieġa?
Response (BORG, TONIO)
Jien infurmat li l-individwu li qiegħed jipparkja xi inġenji fuq l-art imsemmija ġie ordnat mill-Pulizija biex ineħħihom mingħajr telf ta` żmien.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-permessi meħtieġa għall-irdiem bit-torba ta' l-għelieqi fl-inħawi tal-Palma, l/o Imġarr?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Awtorita` ta` l-Ippjanar ħadet diversi passi ta` infurzar fl-inħawi li saret referenza għalihom fil-mistoqsija. Madanakollu l-Onor. Interpellant huwa ġentilment mitlub ikun aktar speċifiku rigward is-sit fejn l-allegat ksur qiegħed isir għaliex l-inħawi magħrufin bħala Tal-Palma limiti ta` l-Imġarr ikopru area estensiva u mill-informazzjoni mogħtija huwa diffiċli li jiġi identifikat is-sit in kwistjoni.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ġewx iffirmati l-kuntratti kollha tar-riżoluzzjoni li għaddiet mill-Parlament f'Lulju, 2000? Jekk le, liema huma dawk li għadhom ma ġewx iffirmati u meta hu maħsub li dawn jiġu ffirmati?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li għadhom ma ġewx iffirmati l-kuntratti kollha tar-riżoluzzjoni li għaddiet f`Lulju ta` din is-sena. Il-kuntratti li fadal ma` l-għaqdiet ser jiġu ffirmati kif inhu indikat fuq id-dokument li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari preċedenti nru. 3311, jista' l-Ministru jinforma l-Kamra jekk kemm-il darba tul is-sena 1999 kienx hemm aktar jew inqas minn 2,239 ta' kirjiet u ċnus li jiġu riċevuti mil-Lands Department li huma ta' bejn mitt lira u mitejn lira, jistax wkoll jiġi indikat kemm huma ċnus u kemm kirjiet u kemm flus jidħlu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 1999, in-numru ta` kirjiet u ċnus li jitħallsu fid-Dipartiment tal-Artijiet u li huma bejn il-mitt lira (Lm100.00) u l-mitejn (Lm200.00) kien ta` 1,915. Il-valur totali ta` dawn il-kirjiet u ċnus jammonta għal Lm282,730. Dawn kienu mqassma hekk :
Kirjiet: 1,690 - Lm252,264
Ċnus Temporanji: 79 - Lm 11,598
Ċnus Perpetwi: 146 - Lm 18,868
Dan in-numru jinkludi kirjiet u ċnus dwar flats, djar u plots li jiġu allokati mid-Dipartiment tas-Social Housing u l-Awtorita` tad-Djar.
Jista' l-Ministru jgħid il-clubs u l-għaqdiet li ffirmaw il-kuntratti tar-riżoluzzjoni li għaddiet mill-Parlament f'Lulju, 2000, kemm talbu spejjeż marbutin mal-kuntratti nfushom? Jista' jagħti l-figuri b'mod separat għal kull kuntratt li ġie ffirmat?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-ispejjeż li tħallsu mill-clubs u l-għaqdiet mal-pubblikazzjoni tal-kuntratti tar-riżoluzzjoni li għaddiet mill-Parlament f`Lulju 2000, huma kif jidher fuq id-dokument li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu jżomm il-Planning Authority milli toħroġ il-permessi meħtieġa biex jinfetah supermarket fil-post imsemmi separatament?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-każ qed jiġi analizzat fil-kuntest tal-policies kurrenti ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar, partikolarment għaliex ir-rekwiżiti tal-parkeġġ m`humiex milħuqa.
B'riferenza għad-domanda parlamentari preċedenti numru 4054, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra, kemm kien hemm impjegati ġewwa l-Joint Office fis-snin 1999 u 2000 u jekk huwa possibbli jistax jindika l-gradi tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.