Għawdex – applikazzjonijiet għal stabbilimenti tal-akkomodazzjoni turistiċi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm intlaqgħu applikazzjonijiet għal stabbilimenti tal-akkommodazzjoni turistiċi ġodda ġewwa Għawdex mill-bidu tas-sena 2016? Kemm inħarġu liċenzji ġodda? Kemm saru spezzjonijiet fi stabbilimenti tal-akkommodazzjoni f’Għawdex matul l-istess perjodu u b’liema riżultat?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, it-total t’applikazzjonijiet għal stabbilimenti tal-akkommodazzjoni turistiċi ġodda ġewwa Għawdex minn Jannar sa Ottubru 2016, jammonta għal 203. Matul l-istess perjodu, ingħataw total ta’ 164 liċenzja ġdida. In-numru ta’ spezzjonijiet fi stabbilimenti tal-akkomodazzjoni f’Għawdex jammonta għal 765.
Meta tqabbel dawn il-figuri mas-sena 2012, fejn it-total t’applikazzjonijiet għal stabbilimenti tal-akkommodazzjoni ġodda jammonta għal 83, ingħataw total ta’ 84 liċenzja ġdida u saru 214 spezzjoni, jidher ċar illi l-politika tal-Gvern għal din il-gzira, sabiex isir iktar investiment f’dan is-settur, hija waħda konkreta u qed tħalli riżultati pożittivi ferm.
Informazzjoni iktar speċifika qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid x’riżultati nkisbu mis-suq Amerikan minn mindu reġa’ nfetaħ uffiċċju tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu f’dan il-pajjiż fl-2014? Xi pjanijiet għandha l-Awtorità f’dan ir-rigward?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, n-numru ta’ turisti Amerikani li żaru Malta fl-2013 kien ta’ 19,502 persuna. Wara li ttieħdet id-deċizjoni li nerġgħu nidħlu fis-suq Amerikan u l-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu appuntat rapprezentanza fi New York, rajna tkabbir kostanti mis-Suq Amerikan. Fil-fatt, fl-2014 kellna żieda ta’ 14.8% fuq l-2013. Ir-riżultati pożittivi fis-suq Amerikan komplew fl-2015 fejn reġa’ kellna żieda qawwija ta’ 16.4% fuq is-sena ta’ qabel. Skont l-aħħar figuri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika, l-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena qed juru iktar riżultati pożittivi meta għandna tkabbir ta’ 17.2% fl-ammont ta’ turisti Amerikani li żaru pajjiżna meta mqabbel ma l-istess perjodu ta’ bejn Jannar u Settembru tal-2015.
Il-ħidma li qiegħda ssir mill-MTA fl-Istati Uniti qed tiġi rikonoxxuta wkoll b’diversi premijiet prestiġjuzi li ntrebħu f’dawn l-aħħar sentejn kif ukoll f’midja mportanti Amerikana bħal Lonely Planet Magazine li poġġa lil pajjiżna fl-ewwel post fil-lista ta’ pajjiżi li wieħed għandu jżur u The New York Times li semmiet lil pajjiżna fit-tielet post f’lista ta’ 52 destinatinazzjoni li huma rakkomandati għall-2016.
Fl-aħħar xhur ta’ din is-sena kif ukoll fl-2017, l-MTA qiegħda tippjana li tkompli tespandi l-ħidma tagħha f’dan is-suq billi tvara attivita ġdida ma’ operaturi turistiċi Amerikani li se jibdew jinkludu lil Malta fil-programmi tagħhom għall-ewwel darba, se tkompli tikkonsolida l-attivita tagħha ma’ l-aġenti ta’ l-ivjaġġar mferrxa madwar il-pajjiż, se żżid l-attivita’ fuq il-midja soċjali u
online booking portals
kif se tkompli bil-pjanijiet għal żjarat minn esponenti tal-midja Amerikana u
social media influencers
.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 28217 li kienet titratta l-qlugħ tal-festun tal-Promenade tal-Għadira, wara li kien ilu aktar minn seba’ snin imwaħħal b'mod permanenti, jista’ l-Ministru jerġa' jikkunsidra d-deċiżjoni meħudha għax apparti li r-raġuni m'għandhiex forza, tajjeb li jingħad li kontra dak miktub fir-risposta indikata, jirriżulta li mhux minnu li s-sindku ta' San Pawl il-Baħar approvat xi forma ta' deċiżjoni tal-Kumitat Reġjonali Tramuntana li dan il-festun jinqala’, kif ukoll li fl-ebda ħin il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa ma ddiskuta dan is-suġġett apparti l-viċi sindku tal-Mellieħa ma' jiffurmax parti minn dan il-Kumitat imsemmi? (Nerġa’ ntenni li tul il-promenade tal-Għadira, apparti li hemm xejn inqas minn 3 lukandi li dejjem jibqgħu joperaw anke tul ix-xhur tax-Xitwa, l-istess promenade jiġi ffrekwentat anke minn eluf ta' Maltin tul is-sena kollha.)
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fir-riġward tal-festun li hemm tul il-promenade tal-Għadira, ninsab infurmat illi d-deċiżjoni illi jitneħħa ttieħdet waqt laqgħa tal-Kumitat għaż-Żoni Turistiċi tar-Reġjun tat-Tramuntana fil-25 ta’ Mejju 2016. Preżenti għal-laqgħa kienu l-Viċi Sindku tal-Mellieħa, is-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar, Membru tal-Kunsill tal-MHRA, rappreżentant tal-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu u s-CEO tal-Fondazzjoni għall-Iżvilupp taż-Żoni Turistiċi. Il-kumitat iddeċieda li l-festun jitneħħa f’Ottubru sabiex issirlu l- manutenzjoni meħtieġa kif ukoll biex ma ssirlux ħsara mill-elementi. Il-festun jerga’ jerġa jitwaħħal f’Mejju 2017. Tajjeb ngħarraf lill-Interpellant illi dan il-festun ġie jiswa madwar €15,000.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm waslu turisti fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena u d-differenza perċentwali meta kkomparat mal-istess xhur tas-sena l-oħra?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, bejn Jannar u Ġunju ta’ din is-sena waslu pajjiżna 835,083 turist, li tfisser tkabbir ta’ 9.7% fuq l-istess xhur tal-2015. Ta’ min jinnota wkoll li jekk tħalli barra l-passiġġieri fuq il-cruiseliners li qattgħu lejl abbord il-vapur fil-Port Malti, insibu li t-tkabbir li rreġistrajna fl-ammont ta’ turisti li żaruna fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena kien l-akbar wieħed sa mill-2011 ‘l hawn.
Dan is-suċċess fis-settur tat-Turiżmu qed jiġi rifless ukoll meta kkomparat fuq livell Globali, Ewropew u Mediterranju. Il-World Tourism Barometer ippubblikat f’Settembru li għadda jgħid li fl-ewwel 6 xhur ta’ din is-sena it-tkabbir medju fit-turiżmu Ewropew kien ta’ 2.6% meta mqabbel ma l-istess perjodu tas-sena l-oħra, filwaqt li t-turiżmu fir-Reġjun Mediterranju kiber biss b’1.6%.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm qattgħu ljieli t-turisti f’pajjiżna fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena u d-differenza perċentwali meta kkomparat mal-istess xhur tas-sena l-oħra?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, bejn Jannar u Ġunju ta’ din is-sena it-turisti qattgħu 5,845,652 lejl ġewwa pajjiżna. Dan ifisser żieda konsiderevoli ta’ 8.6% fuq dak reġistrat fl-istess perjodu tas-sena 2015. Dan huwa riżultat sodisfaċenti għall-ewwl sitt xhur tas-sena, meta l-isfida ta’ l-istaġġjonalita tkun fl-aqwa tagħha. Dawn il-figuri jikkonfermaw li dan il-Gvern qiegħed bil-politika pożittiva w effettiva tiegħu, jilqa sew u jegħleb din l-isfida.
Jista’ l-Ministru jgħidilna kemm kien l-ammont ta’ nfiq turistiku f’pajjiżna fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena u d-differenza perċentwali meta kkomparat mal-istess xhur tas-sena l-oħra?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-infieq turistiku rrekordjat fl-ewwel sitt xhur tal-2016 kien ta’ €656,392,000, tkabbir ta’ 5.7% fuq Jannar u Ġunju tas-sena l-oħra u li ssarraf f’€35.7 miljun aktar fi dħul dirett fl-ekonomija Maltija.
Il-Gvern jirrikonoxxi l-importanza tat-turiżmu għall-ekonomija Maltija. Ta’ min jinnota li l-infieq turistiku bejn Jannar u Settembru li għadda kien aktar minn €1.355 biljun, kważi 27% aktar mill-figura reġistrata fl-istess perjodu fl-2012. Fl-ewwel 3 snin ta’ din il-leġislatura l-infieq turistiku f’pajjiżna kiber b’24%. Dan issarraf fi €317.5 miljun aktar fi dħul dirett fl-ekonomija Maltija.
Dawn ir-riżultati pożittivi u sinifikanti li ksibna fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena huma ta’ xprun u nkoraġġiment għal kumplament tas-sena. Aktar minn hekk il-gvern huwa mpenjat bi sħiħ sabiex jara li r-rekords li qed niksbu jissarfu f’aktar suċċessi fl-ekonomija, fl-edukazzjoni u fix-xogħol sabiex inkomplu nsaħħu s-settur tat-Turiżmu f’Malta.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ viżitaturi ġewwa Għawdex fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena u d-differenza perċentwali meta kkomparat mal-istess xhur tas-sena l-oħra?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, bejn Jannar u Ġunju ta’ din is-sena in-numru ta’ viżitaturi barranin li marru Għawdex laħqu l-454,274, ¿ieda ta’ 16.2% fuq l-istess perjodu tal-2015. Ta’ min jinnota li meta tikkompara l-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena ma l-istess perjodu ta’ l-aħħar sena sħiħa ta’ gvern preċedenti, jiġifieri l-2012, naraw li n-numru ta’ viżitaturi barranin lejn Għawdex kibru b’46%.
Fi statistika aktar riċenti naraw li fl-ewwel 8 xhur ta’ din is-sena żaru Għawdex kważi s-792,000 viżitatur barrani, żieda ta’ 13.1% fuq l-istess perjodu tal-2015. Dawn jagħmlu 60.5% tat-total ta’ turisti li żaru pajjiżna bejn Jannar u Awissu ta’ din is-sena. Barra minn hekk, meta tikkompara l-ewwel 8 xhur ta’ din is-sena ma l-istess perjodu ta’ l-aħħar sena sħiħa ta’ Gvern preċedenti, jiġifieri l-2012, naraw li 3.6 % aktar tat-turisti li ġew f’pajjiżna għażlu li jżuru Għawdex.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm iljieli ġew imqatta’ minn turisti ġewwa Għawdex fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena u d-differenza perċentwali meta kkomparat mal-istess xhur tas-sena l-oħra?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Iterpellant illi, bejn Jannar u Ġunju ta’ din is-sena l-iljieli mqatta minn turisti barranin ġewwa Għawdex kien ta’ 313,569 lejl, 22.3% aktar mis-sena l-oħra. Fl-istess perjodu, il-viżitaturi barranin li għażlu li jqattgħu lejl jew aktar fil-gżira Għawdxija ammontaw għal kważi 61,000, tkabbir ta’ 26.3% fuq l-2015.
Skont it-Tourstat Survey, bejn Jannar u Awwissu ta’ din is-sena l-iljieli mqatta mit-turisti ġewwa Għawdex kien ta’ ‘l fuq minn 752,000 lejl, 12.1% aktar mis-sena l-oħra u 39% aktar minn dak reġistrat fl-istess perjodu ta’ l-2012. Il-viżitaturi barranin li għażlu li jqattgħu lejl jew aktar fil-gżira Għawdxija ammontaw għal kważi 132,000, tkabbir ta’ 18.3% fuq l-2015. Bejn Jannar u Awwissu 2016 in-numru ta’ turisti li qattgħu lejl jew aktar f’Għawdex kiber b’40.5% meta mqabbel mal-perjodu ta’Jannar u Awwissu 2012.
Indubbjament Għawdex huwa element ewlieni fil-pakkett u l-prodott turistiku ta’ pajjizna. It-turizmu f’Għawdex jippossedi opportunitajiet kbar. L-ambjent naturali u distint Għawdxi għandu l-kapacita li jiġbed turizmu qawwi lejn Għawdex li jvarja sew minn dak offrut f’Malta.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kellna port calls minn cruise liners f’pajjiżna fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena u kemm kien l-ammont ta’ passiġġieri li wasslu pajjiżna fl-istess xhur imsemmija? Jista’ jgħidilna x’kienet id-differenza perċentwali f’dawn il-figuri meta kkomparati mal-istess xhur tas-sena l-oħra?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, Malta rreġistrat 239,855 passiġġier fuq il-cruiseliners matul l-ewwel nofs ta’ din is-sena, li tfisser tkabbir ta’ 6.2% fuq l-istess perjodu tas-sena li għaddiet. Irreġistrajna 125 port calls fl-istess xhur imsemmija, 8 aktar mis-sena l-oħra.
L-industrija tal-cruiselining f’pajjiżna qegħda tikber minn sena għall-oħra. Intant, skont l-aħħar figura maħruġa mill-NSO, fl-ewwel 9 xhur ta’ din is-sena żaru pajjiżna kważi 450,000 passiġġier fuq il-cruiseliners, kważi 6% aktar minn dak reġistrat fl-istess xhur tal-2015. Ta’ min jinnota li l-passiġġeri barra mill-Unjoni Ewropeja kibbru bi 8.5%, fejn il-passiġġieri mill-Istati Uniti żdiedu b’31% f’dawn l-ewwel 9 xhur meta mqabbel mas-sena l-oħra.
Skont estimi maħduma minn Valletta Cruiseport sa l-aħħar ta’ din is-sena mistennija li nilħqu l-figura rekord ta’ 700,000 passiġġier fuq il-cruiseliners li jaslu Malta, jiġifieri 4.4% aktar mis-sena 2015.
Huwa stmat mill-istess studju tal-Valletta Cruiseport li l-industrija tal-cruiseliners ħalliet qliegħ ta’ madwar €90 miljun fl-2015. Dawn iċ-ċifri rekord jissuperaw saħansittra c-ċifri reġistrati fl-2012 hekk kif is-sena l-oħra irnexxielna niġbdu lejn pajjiżna mal-10% aktar passiġġieri milli ġbidna fl-2012, sena li kienet meqjusa bħala waħda eċċezzjonali għall-industrija tal-cruiseliners f‘Malta.
Jista’ l-Ministru jgħid meta hu mistenni li jinfetaħ il-bini l-ġdid tal-Istitut għal Studji Turistiċi (ITS) fi Smart City?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-proġett tal-kampus il-ġdid tal-Istitut għall-Istudji Turisti, 1i ser jinkludi wkoll lukanda, huwa ppjanat illi jkun kompletament funzjonali fl-2019.
Jista' l-Ministru jgħidilna x’effett ħalla fuq l-istudenti l-kurrikulu l-ġdid tal-Istitut għal Studji Turistiċi (ITS) u jekk dan ir-riżultat jistax jiġi kkwantifikat b’xi mod?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi dan il-Gvern qed jaħdem qatiegħ sabiex inżommu ma’ dak illi wegħdna sabiex l-Istitut għall-Istudji Turistiċi ikompli jikber professjonalment. Dan qed nagħmluh billi ninvestu b’għaqal f’dan l-Istitut illi għal żmien twil taħt amministrazzjoni preċedenti kien wieqaf u kkonsidrat bħal kull skola sekondorja oħra. Il-management tal-Istitut fassal pjan għal reviżjoni sħiħa tal-programmi akkademiċi, primarjament reviżjoni fil-kontenut u fir-rigward tal-firxa u l-livelli tal-programmi akkademiċi li jiġu offruti.
Minn kwestjonarju illi ingħata lill-istudenti li jattendu l-Istitut għall-Istudji Turistiċi fl-aħħar tas-sena skolastika f’Ġunju 2016, jidher ċar illi dawn huma kuntenti bil-progress kontinwu li qed isir, fejn iktar minn 85 fil-mija tal-istudenti huma tal-opinjoni li sar progress pożittiv. L-istudenti huma kuntenti bil-kontenut tal-kurrikulu li qed jiġi mgħallem u l-materjal mgħoti għall-programmi ta’ studju - inklu\ il-kwalità ta’ dan il-materjal. Ir-rispons dwar l-istil ta’ tagħlim, iċ-ċans li l-istudenti jiġu mgħotija biex jipparteċipaw fil-lezzjonijiet mill-għalliema, kif ukoll ir-riżorsi użati minn l-għalliema huwa wkoll sodisfaċenti.
L-Istitut qiegħed jorganizza wkoll
Focus Groups
ma’ numru ta’ studenti biex ikun jista’ jkompli jsegwi l-progress li l-kurrikulu l-ġdid qiegħed iħalli.
Filwaqt illi dawn ir-riżultati tal-kwestjonarju huma ta’ sodisfazzjon kbir, il-
management
kontinwament jesplora possibilitajiet għal iktar titjib fit-tagħlim vokazzjonali għall-istudenti taI-Istitut biex dejjem intejbu il-ħaddiema li jaħdmu fl-industrija tat-turiżmu. F’konformita’ ma’ din il-viżjoni, nħass ukoll il-bżonn illi l-Istitut, mhux biss jiżviluppa
courses
ta’ livell għola i#da jara li l-kurrikulu eżistenti jiġi mwessgħa biex setturi illi sal-lum l-ITS ma kinitx tikkejterja għalihom, dawn ser jiġu nklużi. Fosthom agrituriżmu, cruiselining,
super yachting, diving
u oqsma oħrajn illi qed niġu avviċinati biex noffru mill-industrija.
Wara illi s’issa ifukajna fuq l-istudenti
full-time
u
part-time
tradizzjonali u saħħaħna l-kurrikulu biex issa qiegħed jilqa’ għall-bżonnijiet tal-industrija aktar min qatt qabel, ser nibdew inħarsu wkoll lejn miuri biex dawk illi diga qegħdin fl-industria u jridu jkabbru l’għarfien tagħhom, ikunu jistgħu jagħmlu dan permezz ta’ prattiċi u inizjattivi nnovattivi illi jikkumplimentaw dak illi qed jagħmlu diġa’ fid-dinja tax-xogħol.
Istitut għal Studju Turistiċi – external quality audit
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’qed isir sabiex jirrettifika r-riżultat tal-External Quality Audit illi sar min-National Commission for Further and Higher Education (NCFHE), fl-2015, dwar l-Istitut għal Studji Turistiċi?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi sussegwement mir-riżultat tal-External Quality Audit illi sar fl-2015, il-management tal-Istitut għall-Istudji Turistici (ITS) fassal pjan t’azzjoni sabiex jindirizza n-nuqqasijiet elenkati f’dan ir-rapport. Dan il-pjan t’azzjoni ġie diskuss u ppreżentat lill-Kummissjoni Nazzjonali għal Edukazzjoni Għola (NCFHE).
F’Lulju tal-2016, ġiet organizzata laqgħa bejn l-NCFHE u l-management tal-ITS fejn ġie spjegat kif dan il-pjan qed jiġi mplimentat. L-NCFHE fasslet rapport dettaljat fejn ġie kkonfermat illi l-ITS miexi fid-direzzjoni t-tajba u skont il-pjanijiet maqbula. Dan ir-rapport huwa disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit elettroniku tal-NCFHE [http://ncfhe.gov.mt/en/services/Documents/External%20Quality%20Assurance%20Audits/ITS%20Audit%20Followup%20Report%2011_10_2016.pdf]
Wieħed mill-għanijiet tal-Politika Nazzjonali għat-Turiżmu huwa illi jiffoka, fost oħrajn, fuq il-kwalità tal-prodott turistiku, speċjalment l-aspett tar-riżorsi umani, li huma s-sinsla ta’ din l-industrija. Sabiex nibqgħu kompetittivi f’din l-industrija qed nindirizzaw b’impenn l-iżvilupp fil-qasam tal-impjiegi fit-turiżmu. Apparti li jiġu kkreati aktar opportunitajiet ta’ xogħol fit-turiżmu, kif ukoll titjib fil-kundizzjonijet tal-ħaddiema, qegħdin inħarsu lejn aspetti bħall-iżvilupp ta’ karrieri, kwalifikazzjonijiet, u l-iżvilupp professjonali fuq il-post tax-xogħol.
Dan il-Gvern jirrikonoxxi bis-sħiħ illi l-ħaddiema fis-settur tat-turiżmu huma parti integrali mis-suċċess li qed nagħmlu minn dan is-settur u fejn il-kwalità tal-kuntatt personali mal-viżitatur tista’ tagħmel id-differenza bejn esperjenza pożittiva u waħda negattiva.
Is-suċċessi u r-riżultati illi qed niksbu, jitfgħu aktar responsabbiltà fuq il-Gvern li qed jilleġiżla, fuq il-Ministeru li qed ifassal u jħaddem il-politika, fuq l-impreditur li qed jinvesti u l-ħaddiem li qed jagħti s-servizz, sabiex dan l-ottimiżmu fis-settur turistiku mhux talli jinżamm imma wkoll jikber. L-għarfien waħdu ma jgħinniex nippreparaw ruħna għax-xogħol iebes li huwa meħtieġ sabiex inkomplu niżviluppaw l-industrija tat-turiżmu tagħna fuq sisien aktar sodi.
(Informazzjoni Addizzjonali: Ara dokument PL7989 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 452, nhar it-Tnejn 21 ta' Novembru 2016)
Jista' l-Ministru jgħid x’qed isir sabiex jiġu ndirizzati l-ħafna nuqqasijiet illi l-Istitut għal Stujdi Turistiċi kellu fl-2002 u fl-2004 illi ġew elenkati fir-rapporti tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) ta’ dak iż-żmien? X’sar f’dan ir-rigward qabel l-2012 u x’sar wara l-2013?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, sfortunatament, qabel l-2012 ma tantx sar progress sabiex l-istruttura ddiġenerata li sibna fl- Istitut għall-Istudji Turistiċi titjieb.
Minn rapport maħruġ mill-
Internal Audit and Investigations Department (IAID)
, il-
management
tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi kien imwissi li mhux talli l-affarijiet ma marrux għall-aħjar, talli ġew elenkati numru ta’ nuqqasijiet ta’
checks and balances
illi riedu jiġu ndirizzati. Fosthom, nuqqasijiet fir-rigward tal-bejgħ u x-xiri mir-restoranti tal-Istitut, ta’ kif jigi operat l-
istores
, nuqqas ta’ segregazzjoni tad-dmirijiet u fil-process ta’ x-xiri. Dawn in-nuqqasijiet kollha kienu saħansitra elenkati fir-rapporti tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) tal-2002 u l-2004 iżda xorta waħda ma sar xejn.
Wara perjodu ta' evalwazzjoni tas-sitwazzjoni li sibna tal-Istitut ghall-Istudji Turistici, ikkaratterizzata minn nuqqas ta' investiment u dgħjufija fl-istrutturi ta' ġestjoni, sar studju dwar l-operat tal-ITS. Ġie ppubblikat pjan strateġiku illi jiġi kontinwament immeljorat. Ħafna nuqqasijiet li kienu identifikati fir-rapporti tal-2002 u l-2004 ġew ratifikati jew qegħdin fil-proċess li jiġu ratifikati. Dan qiegħed isir b’diskussjoni kontinwa bejn il-management tal-ITS, uffiċjali fi ħdan l-NAO u l-IAID, kif ukoll, fir-rigward ta’ xiri, mad-Dipartiment tal-Kuntratti (DOC).
Fir-rigward ta’ diskrepanzi fil-bejgħ, dawn id-diskrepanzi ġew eliminati wara li ddaħħlu kontrolli ġodda u ċċekjar mid-dipartiment ta’ l-
accounts
. Is-sistema tax-xiri ġiet mibdula kompletament u minn sistema illi kellha defiċenzi kbar, illum qegħdin naħdmu b’sistema illi għandha
audit trial
, b’segregazzjoni ta’ dmirijiet. Dan qiegħed isir fir-rigward tax-xiri kollu, ikel u xorb u materjal ieħor.
Waħda mill-iktar rakomandazzjonijiet persistenti fir-rapporti kienet dik li l-
purchase orders
jiġu maħruġa qabel ma jsir ix-xiri. Il-
goods received notes
qegħdin jiġu dokumentati. Dawn iż-żewġ passi mill-proċess huma segwiti minn proċessi oħrajn li ssibhom fi kwalinkwa stabbiliment ieħor u skont ir-regoli tax-xiri pubbliku. Fattur importanti ħafna fir-rapporti imsemmija hawn fuq, huwa l-fatt li l-
purchase orders
kienu qed jiġu ffirmati mill-istess
purchasing officers
li kienu qegħdin jirċievu l-materjal. Din is-sitwazzjoni ġiet ratifikata u llum il-ġurnata min jordna x-xiri, min jirċievu l-materjal mixtri u min jawtorizza l-pagamenti, huma persuni fi rwoli differenti.
Fejn qabel ma kienux jintalbu kwotazzjonijiet mingħand min ibiegħ - fil-fatt ix-xiri kien isir permezz ta’ telefonata, illum qegħdin f’sitwazzjoni fejn il-proċess huwa aktar miftuħ. Qed inġibu kwotazzjonijiet mingħand is-
suppliers
kollha li jixtiequ jbiegħu lill-ITS u beda proċess flimkien mad-DOC biex din l-
issue
sensittiva tiġi regolarizzata fl-ambitu tal-ligi.
Kwistjoni oħra li ġiet indirizzata hija in-numru esagerat ta’
complementary meals
li kienu jingħataw fir-ristoranti varji ta’ l-Istitut. Sar sforz mill-
marketing department
u n-numru ta’ dawn il-
complementary meals
tnaqqas drastikament biex b’hekk bħalissa il-maggoranza tal-klijenti huma klijenti li jħallsu għas-servizz.
Problema oħra li kienet irrappurtata kienet in-nuqqas ta’ konsistenza fl-ingredjenti li jintu¿aw għar-riċetti. Din is-sitwazzjoni ġiet ratifikata billi, bħala parti mill-kurrikulu l-ġdid, ir-riċetti kollha għandhom lista standard ta’ ingredjenti li jridu jintu¿aw. Dawn il-listi jgħaddu għand il-
procurement officer
u fejn ikun hemm varjanzi tiġi migbudha l-attenzjoni tal-
management
. Ta’ min isemmi wkoll illi, wara snin twal mingħajr, l-Istitut issa għandu manwal ta’ proċeduri għal-xiri ta’ ikel u xorb
Minbarra dan ix-xogħol kollu sabiex titjieb is-sitwazzjoni tal-Istitut, sar ukoll ftehim ma’ kumpanija li tipprovdi sistema ta’ IT illi tintuża wkoll fl-industrija, għal titjib fil-kontrolli f’dan is-settur kif ukoll bħala parti mit-tagħlim tal-istudenti.
ITS – studenti li marru placements barra minn Malta
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm marru studenti tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) fi placements barra minn Malta din is-sena? Fejn marru? X’kien in-numru meta mqabbel mas-snin mis-sena 2011 ‘il quddiem?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ħarsa lejn l-statistika turi kif bejn l-2011 u l-2015 in-numru ta’ interships aktar milli rdoppja fejn fl-2011 taħt amministrazzjoni preċedenti kienu marru 59 student biss fis-sena filwaqt li fl-2015 bagħtna 143 student. Dan il-Gvern hu kommess ikompli jħeġġeg lill-istudenti sabiex jirrikorru għal dawn l-opportunitajiet ta’ tagħlim barra minn xtutna.
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar proġetti illi għaddejjin fiċ-Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi u minn fejn dawn il-proġetti qed jiġu ffinanzjati? Jista' jagħti tagħrif dwar proġetti futuri għaċ-Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi illi qed issir tħejjija għalihom u minn fejn hemm il-pjan illi jiġu ffinanzjati?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi dan il-Gvern hu kommess li jagħti prijorità lit-turist kif ukoll liċ-ċittadin Malti biex wirt storiku, bħal ma’ huwa Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, jkun restawrat kif jixraqlu u jitgawda mill-ġenerazzjonijiet li ġejjin.
Dar il-Mediterran għall-Konferenzi hija ġawrha mprezzabli għas-settur turistiku, b’mod speċjali fil-qasam tal-konferenzi. Biżżejjed insemmi li s-sena l-oħra ġew madwar 11,000 delegat barrani u li sal-aħħar ta’ Settembru ta’ din is-sena, in-numru ta’ delegati barranin li jkunu żaru ċ-Ċentru sabiex jattendu xi konferenzi jew avvenimenti laħħaq għal madwar 7,600 persuna.
Tajjeb infakkar ukoll illi l-prestazzjoni finanzjarja tal-entita’ nbidlet minn waħda ta’ telf ta’ €95,000 fl-2013, għal waħda fejn irreġistrajna riżultat pożittiv ta’ profit ta’ madwar €270,000 għas-sena 2015. Dan jirrifletti iktar stabbilita’ u indipendenza mill-finanzjament tal-Gvern.
Bħalissa f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi għaddej ristrutturar kontinwu bil-għan li jittejjeb is-servizz li jingħata lill-klijenti tagħna, sabiex dan iċ-Ċentru jilħaq il-mira ta’ Ċentru ta’ eċċellenza kif ukoll tiġi ppreservata l-binja storika. Fost dawn hemm restawr ta’ strutturi u bini storiċi, ftuħ ta’ spazji li qatt ma kienu aċċessibbli għall-pubbliku, titjib fis-servizzi għal-livelli tal-industrija kif ukoll titjib fl-aċċessibillita’ għal kulħadd.
Proġetti 2016 jinkudu Sistema ta’
soundproofing
bejn is-Sala La Valette u s-sala Repubblika; Installazzjoni ta’ arja kundizzjonata fis-sala Sacra Infermeria; Ristrutturar ta’ Uffiċċini ġodda għall-ħaddiema; u Installazzjoni ta’ sistema ta’
fire detection
teknoloġika ġdida.
Għas-sena 2017, il-Gvern ser jaħdem fuq proġett estensiv li ser joffri esperjenza unika għall-viżitaturi sabiex ikunu jisgħu igawdu l-istorja unika taċ-Ċentru tul il-milja taż-żmien. Dan il-proġett ewlieni ser jitwettaq bil-għan li jippreserva l-edifiċju, itejjeb is-servizz u jiġi ġġenerat dħul ġdid għaċ-Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi. Dan il-proġett b’
Holographic Technology
u
Augmented Reality
-
Reliving the Sacra Infermeria,
għandu jservi għat-tisħiħ tal-preservazzjoni tal-wirt kulturali storiku. Tajjeb li ngħidu li sforz ix-xogħol ta’ dan il-Gvern, Malta sar tibbenifika minn fond ta’ 5 miljuni mill-EU sabiex inkomplu bil-progress li bdejna.
Proġetti oħrajn fil-futur qrib jinkludu Ristrutturar tal-bejt flimkien ma’ installazzjoni ta’
lifts
panoramiċi; Ristruttar ta’ sala magħrufa bħala
tank room
; Ftuħ ta’ spazju storiku ieħor li jinstab taħt is-sala La Valette; Rinnovar ta’ sala Mikel’Ang Grima mgħammra b’teknologija moderna; Restawr tal-Kappella tas-Sagrament; Restawr tal-ħajt storiku ta’ bejn is-Sala Repubblika u s-Sacra Infermeria bil-mira ta’ preservazzjoni; Xiri ta’
switchgear
sabiex jagħmel tajjeb għaż-żieda fid-domanda għall-elettriku li qed tiżdied sforz tad-domanda mill-klijenti taċ-Ċentru. Uħud minn dawn il-proġetti ser jiġu ko-finanzjati mill-UE kif ukoll minn fondi taċ-Ċentru u tal-Gvern Ċentrali.
Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi – sistema ta’ fire detection
Question
Jista' l-Ministru jgħid hux minnu illi, wara li ċ-Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi ħa n-nar lejn l-aħħar tat-tmeninijiet, ma ġewx installati l-ebda sistema ta’ fire detection minn dakinhar ‘l hawn? X’qed isir sabiex dan in-nuqqas jiġi indirizzat u jiġi evitat illi dan l-episodju jerġa’ jirrepeti ruħu?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, mit-tmeninijiet sal-lum ġew installati żewġ sistemi. Wara l-ħruq, ġiet installata sistema li tkopri biss is-Sala Repubblika u xi kmamar relatati mat-Teatru. Din is-sistema ġiet skaduta mal-milja ta’ żmien u għaldaqstant dan il-Gvern ħa konjizzjoni tat-tibdil illi jrid isir. Din is-sena ġiet installata sistema ġdida li tkopri ċ-Ċentru kollu u mhux biss is-Sala Repubblika.
Jista' l-Ministru jindika jekk hux qed jiġi previst nuqqas ta' postijiet ta' akkomodazzjoni disponibbli waqt il-Presidenza tal-Unjoni Ewropea?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi bħal ma wieħed jistenna, avveniment kbir u fit-tul bħall-Presidenza tal-Unjoni Ewropeja jattira influssi ogħla ta’ viżitaturi u jiġġenera domanda addizzjonali fuq dik li normalment ikollhom il-lukandi Maltin fl-istess xhur tas-sena.
Bħal kull pajjiż ieħor madwar id-dinja, Malta mhix eċċezzjoni għal forzi tas-suq inkluż il-varjazzjoni ta' rati tal-lukandi fuq il-bażi tal-provvista u d-domanda. Normalment, is-suq jerġa' lura għal stat naturali ta' ekwilibriju wara li l-avveniment jgħaddi. Barra minn hekk, il-perjodu ta' Presidenza ta' Malta tinkludi t-tliet xhur li tradizzjonalment huma kajmani minn Jannar sa Marzu u li matulu t-talba tal-prezzijiet ta' akkomodazzjoni tkun aktar baxxa. Avveniment bħall-Presidenza jikkontribwixxi b'mod pożittiv għall-profitti tal-lukandi billi jattiraw rati tradizzjonalment mitluba matul il-peak season.
Minkejja l-benefiċċji illi dan l-avveniment huwa mistenni li jiġġenera, l-istaġun tax-xitwa li ġej, huwa mistenni jiġġenera tkabbir qawwi ta’ turiżmu b'mod ġenerali minħabba l-suċċess li Malta qed tikseb biex tattira żidiet f’airline seat capacity matul dan l-istaġun. Dan it-tkabbir ser ikompli jnaqqas l-effetti negattivi tal-istaġjonalità u b'hekk jissaħħaħ aktar il-profil ta' Malta bħala destinazzjoni inqas staġjonali tal-Mediterran. L-2017 hija wkoll imbassra li tkun sena importanti ħafna għal Malta fid-dawl illi r-rekord ta’ żewġ miljun turist huwa mistenni li jinqabeż għall-ewwel darba.
Dan kollu huwa konformi mal-Politika Nazzjonali tat-Turiżmu illi ġiet ippubblikata fl-2014 u li tiffoka fuq strateġija ġestita ta’ tkabbir ta’ turiżmu b’valur ogħla, mxerrda tul it-tnax-il xahar tas-sena.
Bħal konferenzi u laqgħat oħra, il-Presidenza tal-UE ser tattira delegati tan-negozju illi jaffordjaw joqgħodu fl-ogħla kategoriji ta' akkomodazzjoni. Dan il-livell ogħli ta’ nfieq minn dawn is-segmenti tas-suq, huwa segwit b’mod attiv mill-Ministeru u l-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu. Dan ma jeskludix u lanqas jaffettwa ħażin kategoriji oħra ta' viżitaturi illi ser ifittxu kategoriji f’livelli oħra jew tipi alternattivi ta' akkomodazzjoni. Il-Ministeru għat-Turiżmu ser ikun qed jikkollabora ma' entitajiet oħra sabiex niżguraw li Malta tkun meqjusa kemm jista' jkun fl-aqwa tagħha, fl-aspetti kollha. Dan kien ir-raġunament wara l-introduzzjoni tal-kontribuzzjoni ambjentali aktar kmieni din is-sena, fejn id-dħul ser jintuża għall-manutenzjoni u tisbiħ ta' żoni turistiċi. Ser nieħdu wkoll l-opportunità mill-ħafna viżitaturi ta' profil għoli biex, b'mod qawwi, nikkummerċjalizzaw lill-pajjiżna bi tħejjija għall-Belt Valletta Kapitali Ewropea tal-Kultura 2018.
Dawn l-aħħar tliet snin raw lill-Malta tissaħħaħ fil-pożizzjoni tagħha bħala destinazzjoni ewlenija Mediterranja, fejn is-settur turistiku huwa konformi għal aktar espansjoni illi jippermetti d-destinazzjoni tiġi sfruttata b'mod aktar effettiv fi swieq u segmenti li qabel ma kienux daqshekk aċċessibli. Il-Presidenza tal-UE hija biss pass wieħed addizzjonali lejn it-twettiq ta' dawn l-għanijiet.
Istitut għall-Studju Turistiċi – memorandum of understanding
Question
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar l-eżitu ta’ diversi Memorandum of Understanding iffirmati mill-Istitut għall-Studju Turistiċi u kif tkompla x-xogħol għall-aħjar interess tal-istudenti?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-għan prinċipali ta’ diversi Memorandum of Understanding iffirmati mill-Istitut għall-Studju Turistiċi huwa illi jittrasforma l-Istitut f'ċentru ta' eċċellenza fl-edukazzjoni u t-taħriġ fis-settur tat-turiżmu u l-ospitalità vokazzjonali.
L-Istitut għall-Studju Turistiċi qed jaħdem qatiegħ sabiex isir l-investiment meħtieġ fil-kapital uman illi huwa essenzjali għal żvilupp akkademiku. Fi Frar tal-2016, permezz ta’ ftehim illi sar bejn l-Istitut u l-Haaga Helia University of Applied Sciences ġewwa l-Fillandja, bdew is-CPDs għall-lekċerers. Dawn il-lekċerers mistennija li jieħdu l-baċellerat fil-livell sitta sas-Sajf tal-2017. Mal-Haaga Helia wkoll, l-ITS qed jiżviluppa baċellerat bl-unuri - BA Hons in International Hospitality Management, illi huwa mistenni jiġi uffiċjalment imħabbar fit-3 ta’ Frar 2017, bl-ewwel studenti mistennija jibdew f’Settembru 2017.
L- Istitut għall-Studju Turistiċi qed jaħdem ukoll mal-Universita’ ta’ Malta fejn bdew diskussjonijiet biex jiġi żviluppat programm fil-livell ta’ baċellerat bl-unuri fil-gastronomija.
Flimkien mal-MCAST, jinsabu f’livell avvanzat diskussjonijiet sabiex minn Ottubru 2017 jiġi mniedi
Higher National Diploma in Agri-Tourism Management
. Mal-MCAST ukoll, qed isir ftehim sabiex l-istudenti tal-ITS se jiġu wkoll mgħallmin suġġetti relatati mal-inġinerija fil-lukandi, mill-
Institute of Building and Construction Engineering
tal-MCAST.
Il-
Memorandum of Understanding
illi ġie ffirmat mal-Emirates Academy of Hospitality Management (EAHM) ġewwa Dubai f’Mejju 2016, ser ikun qed jimmira lejn it-titjib tal-programmi akkademiċi offruti mill-Istitut għall-Studju Turistiċi biex jgħola l-livell ta' korsijiet offruti fil-livell ta’ baċellerat u Masters. Bħala l-ewwel pass f’din id-direzzjoni, l-Istitut għall-Studju Turistiċi beda diskussjonijiet għal skambju ta’ studenti bejn iż-żewġ pajjiżi b’mod speċjali fil-qasam tal-internships.
F’Mejju tal-2016 ukoll, l-Istitut għall-Istudji Turistiċi flimkien mad-Divers Alert Network (DAN) Europe, iffirmaw
Memorandum of Understanding
immirat lejn il-ħolqien ta' istituzzjoni li ser tpoġġi l-g¿ejjer Maltin bħala ċentru ta’ eċċellenza għall-għaddasa madwar id-dinja. In-negozjati jinsabu fi stat avvanzat biex uffiċjalment jitnieda l-International Institute of Diving Medicine and Safety, li ser jibda jopera mill-kampus tal-ITS fil-Qala Għawdex.
Konxju mill-fatt li l-Mellieħa huwa post li jikkontribwixxi b'riżq it-turiżmu f'pajjiżna tul is-sena kollha apparti li huwa post popolari mal-familji Maltin jista' l-Ministru jara li d-dawl (festun) li hemm tul il-promenade tal-Għadira ma' jitneħħix u jitħalla fil-post is-sena kollha kif dejjem kien tul dawn l-aħħar tmien snin? Dan anke għall-fatt li tul l-istess promenade hemm ukoll tliet lukandi li jibqgħu joperaw tul is-sena kollha.
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, fir-riġward tal-festun li hemm tul il-promenade tal-Għadira, il-Kumitat Reġjonali tat-Tramuntana ddeċieda li dan jitneħħa f’Ottubru li għadda sabiex issirlu l-manutenzjoni meħtieġa u jerġa jitwaħħal f’Mejju 2017. Tajjeb ngħarraf ukoll lill-Interpellant, illi ġejt infurmat, illi fost membri oħra metta ttieħdet din id-deċizjoni f’dan il-Kumitat, kienu preżenti il-Viċi Sindku tal-Mellieħa kif ukoll is-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar.
Billi fil-ġurnali tal-Ħadd 23 ta’ Ottubru 2016 kien hemm referenza għall-pjanti ġodda għall-pjazza ta' Buġibba, jista' l-Ministru jgħid x'inhuma dawn il-proposti, dwar min għamilhom, kif ukoll jista' jqiegħed kopja tal-istess pjanti fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-proposti illi qed issir referenza għalihom fil-Mistoqsija Parlamentari jikkonċernaw tisbieħ mistħoqq għal pjazza ta’ Buġibba. Filwaqt li d-disinn tal-pjanti qed isir mill-Fondazzjoni għall-Iżvilupp ta’ Żoni Turistiċi, il-proposti għadhom fuq livell konċettwali u għalhekk wieħed irid jagħmel aktar xogħol u studji qabel ikollu verżjoni finalizzata. Il-Ministeru jixtieq jinforma lill-Interpellant illi fil-proċess kollu, il-Fondazzjoni qed iżomm lill-Kunsill Lokali rispettiv infurmat. Fil-fatt, diġa saru laqgħat fejn dan is-suġġett ġie diskuss mas-Sindku tal-lokal.