Jista' l-Ministru jgħid x'xogħol hemm ippjanat fi Triq Hompesh, Zabbar/Fgura?
Jista' l-Ministru jagħti x'inhi l-pożizzjoni dwar dan ix-xogħol u dan wara rapporti li dehru f'ġurnali lokali?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol ta` Triq Hompesch huwa essenzjalment xogħol ta` rikostruzzjoni tat-triq minn Triq San Tumas sal-mina ta` Hompesch.
Ix-xogħol fl-ewwel parti tal-proġett minn Triq San Tumas sa Triq is-Sur inbeda. Il-Kunsill Lokali qiegħed jitlob li jsir tibdil fis-sistema tat-traffiku fi Triq Hompesch minn Triq is-Sur sa Triq il-Karmnu li ma ġewx approvati mill-Awtoritajiet kompetenti, u minħabba f`hekk il-Kunsill Lokali talab il-ħruġ ta` Mandat ta` Inibizzjoni biex ix-xogħol ma jsirx.
Nirreferi wkoll għad-dokumenti li ġew mqegħda fuq il-mejda tal-kamra b'risposta għal mistoqsijiet parlamentari Nru. 27999 u 28000 fis-seduta Nru 598.
Il-każ għadu Sub-Judice.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li mill-1 ta' Ġunju ta' din is-sena l-ħlas tat-transfers tal-makni tad-dgħajjes u transfers oħra anċillari għolew minn Lm1.00 għal Lm5.00 mil-awtorita' marittima?
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari nru. 27768, jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm żviluppi dwar dan il-każ?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku ġie nfurmat mill-Kunsill Lokali ta` San Pawl il-Baħar li l-marki nkwestjoni ġew imneħħija. Il-Kunsill Lokali nforma lill-Bord li ħalla marki tul ta` żewġ metri u nofs għall-użu tad-disabled fil-wheelchair.
Jista' l-Ministru jgħid x'kien u fiex jikkonsisti d-dħul ta' l-Awtorita' Marittima mill-cruise lines li żaru Malta matul it-12-il xahar li għaddew?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-dħul ta' l-Awtorita' Marittima mill-cruise liners li żaru Malta minn Settembru 2000 sa Awissu 2001 kien ta' Lm491,116. Dawn huma maqsumin hekk:
Lm473,716 bħala Passenger Tax u Lm17,400 bħala Port Dues.
Jaf il-Ministru li z-zebra crossing li saret, u li kważi tmiss mar-roundabout li hemm fil-junction ta' Imdina Road, Luqa Road u Manwel Dimech Street f'Ħal Qormi mhijiex f'post adattat minħabba li qiegħda f'kisra u li tippreżenta periklu għal min jużaha? Għaliex din iz-zebra crossing ma saritx aktar 'l isfel u ġiet stallata xi faċilita' bħal pellican lights jew xi faċilita' oħra adattata li tiġbed l-attenzjoni lis-sewwieqa u toffri għalhekk sigurta' lil min jaqsam it-triq? Sadanittant jaf il-Ministru li din l-istess zebra crossing tasal biss sa nofs it-triq u mhux san-naħa l-oħra tat-triq? Jista' l-Ministru jara li din is-sitwazzjoni perikoluża tiġi rranġata kemm jista' jkun malajr?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-pożizzjoni li tpoġġiet fiha ż-zebra crossing hija skond il-prassi stabbilita` mill-att ta` safety peress li l-karozzi li jkunu deħlin ġor-roundabout iridu bilfors inaqqsu l-veloċita u għalhekk ikunu jistgħu jieqfu bil-kumdita`.
Iż-żebgħa ta` l-art kien għadha mhix lesta meta saret il-mistoqsija. Issa din iż-zebra crossing inżebgħet kollha.
Jista' l-Ministru jara x'inhi r-raġuni għala id-Dipartiment tal-Kostruzzjoni u Manutenzjoni fit-Taqsima tax-Xogħol għadu sal-lu, jonqos milli jagħmel ix-xogħoljiet neċessarji fis-saqaf tal-garage plot 70, Triq Fernando Falzon, Luqa (File REf. No HLM 46/0015)
Response (GALEA, ĊENSU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jintervjeni u jara li dik il-parti (parti ta' taħt jew quddiem id-djar) tiġi irranġata fit-triq formanti parti minn Triq Nazzareno Sammut - Qrendi sabiex it-triq tiġi waħda uniformi u hekk jonqos il-perikolu u l-inkonvenjent?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li wara spezzjoni mill-perit tad-Dipartiment irriżulta li l-livelli tal-bini m`humiex kompatibbli ma xulxin.
Id-Dipartiment ser jitlob lill-Awtorita` ta` l-Ippjanar tivverifika l-livelli f`din it-triq.
Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jsir l-first phase fit-Triq l-Aħdar u Triq il-Munxar, M'Skala peress li issa jidher li f'dawn it-toroq ma fadalx plots x'jinbnew?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq qed jirrevedi l-programm għal asfaltar ta' toroq simili ma' Malta kollha, u x-xogħol fil-lokal isir skond il-prijoritajiet li ser jirriżultaw minn dan il-programm.
Jista' l-Ministru jgħid xi ftehim sar bejn il-Gvern u l-Kunsill Lokali tal-Fgura biex isir it-tarmak bejn Block B3, B4, B5 u B2 tal-Housing Estate, Fgura? Jekk saru xi arranġamenti meta hemm il-ħsieb li jibda x-xogħol peress li dawn ir-residenti ilhom ibgħatu fl-inkonvenjenza tat-trab kaġun miż-żrar għal dawn l-aħħar 24 sena?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Direttur tat-Toroq qabbad perit biex jispezzjona dawn it-toroq u oħrajn mar-rapprenżentanti tal-Kunsill, iżda l-Kunsill ma setax jagħmel dawn il-laqgħat.
Jista' l-Ministru jispjega fejn se jiżbokka l-culvert li qiegħed isir fit-Triq ta' Burmarrad?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-ilma tax-xita li ser jinġabar fil-culverts li qed jinbnew mat-triq ta' Burmarrad huwa ppjanat li jispiċċa fil-post fejn culverts antiki qegħdin jispiċċaw illum.
Jista' l-Ministru jara li jsir ix-xogħol tant bżonnjuż fi Triq Francesca Buhagiar u Triq il-Karmnu, B'Kara? Jaf il-Ministru li r-residenti ta' dawn it-toroq għamlu petizzjoni madwar sena ilu? Jaf li minħabba li għandhom ma sarux dawn it-toroq qed ikun ta' inkonvenjent kbir kif wkoll theddida għas-saħħa ta' l-istess residenti?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-asfaltar ta' dawn it-toroq qegħdin fil-programm ta' xogħolijiet miftiehem bejn il-Kunsill u d-Dipartiment u s-sejħa għall-offerti dalwaqt ser tkun ippublikata.
Jista' l-Ministru jinvestiga il-problema serja ta' ġrieden li hemm mal-pontoon fl-Imsida?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Awtorita` Marittima ta` Malta tieħu ħsieb li minn żmien għal żmien, permezz tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika, jitpoġġa velenu tal-ġrieden fil-kanal tul il-mollijiet li jipprovdu s-servizzi lill-pontoons. Perjodikament ukoll, jintuża bexx apposta fuq il-pontoons kontra insetti oħra li jistgħu jkunu ta` nkonvenjent għal min juża dawn il-pontoons.
Jista' l-Ministru jgħid peress li din is-sena hu l-50 sena (1951 - 2001) mill-Inkurunazzjoni tal-Madonna tal-Grazzja f'Ħaż-Żabbar u peress li saret talba speċifika lill-Awtorita' tal-Posta, jista' l-Ministru jgħid hemm il-ħsieb li jinħareġ sett ta' bolli biex ifakkar bżdan l-avveniment?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Bord li jagħti pariri dwar id-disinn tal-bolli għamel rakkomandazzjonijiet f'dan ir-rigward, fis-sens li x-xbiha tal-Madonna tal-Grazzja għandha tkun inkorporata fis-sett tal-Milied ta' din is-sena.
Jista' l-Ministru jgħid jekk is-sinjali tat-traffiku li saru fi Triq Ruggieru Loria wara Ruben Court f'Buġibba kienux koperti bil-permessi ta' l-awtoritajiet kif meħtieġ?
Response (GALEA, ĊENSU)
Tlabt lit-Traffic Control Board biex jinvestiga l-ilment ta` l-Onorevoli nterpellant.
Jista' l-Ministru jaġġornani dwar l-progress li sar b'referenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 26250 u 13, 428 u 19652 dwar Triq il-Pristorja u Triq Imġiebati fix-Xemxija L/O San Pawl il-Baħar?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li wara sejħa għall-offerti li għalqet fit-12 ta' Ġunju 2001, ġie mqabbad kuntrattur biex jagħmel ix-xogħolijiet meħtieġa sabiex it-triq tiġi asfaltata.
B'hekk ir-residenti ta' dawn it-toroq ikunu jistgħu jgawdu wkoll mix-xogħol siewi li l-Ministeru għat-Trasport qed iwettaq fil-qasam tat-toroq.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Kumpanija Proximus hijiex tagħmel xi xogħol ta' relazzjonijiet pubbliċi jew xogħol ieħor relatat mal-Ministeru tiegħu, jew xi kumpanija, agenzija jew entita oħra li taqa' taħt ir-responsabilita' tiegħu?
Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid: X'inhu t-tip ta' xogħol? Kif saret l-għażla tal-kumpanija? Jekk saritx sejħa għall-offerti jew inkella ingħatax b'direct order? Meta l-entita' bdiet tagħmel użu mis-servizzi ta' din il-kumpanija? Xi ħlas sar lil din il-kumpanija min mindu din ingħatat ix-xogħol? Xi ħlas mistenni jkun dovut lil din il-kumpanija fit-12 il-xahar li ġejjien? Xi ħlas mistenni jkun dovut lil din il-kumpanija sat-terminu tal-kuntratt, fejn huwa l-każ? Xi inhuwa it-terminu tal-kuntratt fejn huwa l-każ?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Kumpanija Proximus ma tagħmel l-ebda xogħol ta' relazzjonijiet pubbliċi jew xi xogħol ieħor relatat mal-Ministeru, xi kumpanija, aġenzija jew entita' li taqa' taħt ir-reponsabilta' tiegħi.
Jista' l-Ministru jgħid xi pjani hemm għall-Birguma bypass fin-Naxxar li bħalissa għadha maqlugħa? Meta se titlesta se jkun qed jgħaddi traffiku two-way minn hemm? Se jgħaddu trakkijiet industrijali? Se jsiru service roads mal-ġnub fejn jgħixu r-residenti?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol f'din it-triq hu maħsub li jsir bħala parti mill-kuntratt għall-bini u kostruzzjoni ta' triq li mis-Salina twassal għall-Iklin u li x-xogħol fuqu diġa beda minn naħa tas-Salina.
Jien infurmat ukoll, li ser ikun hemm traffiku għaddej two way, iżda fl-istess ħin, fejn hu possibli, minħabba l-wisgħa ezistenti, ser ikun hemm ukoll service roads.
Jista' l-Ministru jgħid liema huwa dawk it-toroq li sidien jew xufiera tal-White Taxis jistgħu jipparkjaw fihom u dan anke bil-permess ta' l-Awtorita' tat- Trasport Pubbliku?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-lista uffiċjali ta' vened tat-Taxis li għandha l-Awtorita' Dwar it-Trasport Pubbliku hija kif murija hawn taħt:
Valletta/Floriana - Pheonicia Hotel, City Gate, Ordinance Street, St. Georges Square, St. Elmo, Armoury, Police Academy, Customs House, Pinto Wharf, Sea Passenger Terminal;
Gudja - Malta International Airport.
Qawra/Buġibba - Buġibba Square, Islets Promenade, Suncrest
Hotel;
Golden Bay - Ħdejn it-terminus;
Ċirkewwa - Ħdejn il-moll;
Rabat - Saqqajja Bus Terminus;
Żurrieq - Wied iż-Żurrieq, ħdejn it-Terminus;
G'Manġia - Hospital Terminus;
Paceville/San Ġiljan - Elia Street, St George's Street, Ross Street, St Augustine Street (opposite Bay Street),
Trejqet id-Dragonara (by Bamboo Bar),
Ball Street, Spinola Bay (opposite police station);
Sliema - Tower Road (opposite Preluna Hotel), The Ferry
(by Magic Kiosk), The Ferry (by Solid Gold),
Sliema Ferry (opposite Square Deal), Tigne Street
(Crown Plaza Hotel);
Gzira - The Strand (by Pet Shop);
Marsascala - Jerma Palace Hotel;
Birżebbuġa - Bus Terminus.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra meta beħsiebu jinbeda x-xogħol ġewwa l-ground tal-football tax-Xgħajra Tornadoes sabiex l-materjal li nieżel mit-triq jiġi miżmum f'postu u ma jibqax ta' inkonvenjent? Jista' jiġi indikat kemm dan sejjer jiswa effettivament?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li saru arrranġamenti biex il-ħajt li jenħtieġ jinbena biex jilqa l-materjal li qed jaqa' fil-ground tal-football u biex fl-istess ħin tiġi ffurmata triq ġdida fi Triq il-Knisja jinbeda. Il-ħajt hu stmat li jiswa madwar Lm50,000.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew liċenzjati vetturi bil-mutur din is-sena u jagħti breakdown tat-tip ta' vettur f'kull każ? Kemm min dawn il-vetturi kienu second-hand u kemm ġodda?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li mill-1 ta' Jannar sat-30 ta' Ġunju 2001, ġew liċenzjati vetturi bil-mutur ġodda u second hand kif ġej:
Ġodda Second Hand
Vetturi Privati - 3,782 970
Vetturi Kummerċjali - 279 644
Vetturi għal Kiri - 397 4
Buses & Mini Buses - 7 4
Muturi - 231 80
TOTAL - 4,696 1,702