Legislature:
Category:
Reset
Active:

Mosta — Triq Ħtajriet

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jitwaqqa dak il-bini fi Triq Ħtajriet, f'salib it-toroq ma' Triq il-Kbira fil-Mosta, biex ikun jista' jitwettaq dak li kien imwiegħed snin ilu, jiġifieri li titranġa Triq Ħtajriet?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Cottonera Waterfront — Parkeġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk sarx xi żvilupp dwar parkeġġ fin-naħa tal-Cottonera biex jaqdi l-bżonnijiet ta' l-operaturi fil-waterfront, u jekk dak li suppost isir taħt il-ground ta' l-iskola ta' Bormla għadux fil-pjanijiet? X'qed iżomm lill-gvern biex dan isir? Jista' jgħid kellux xi proposta mill-istess operaturi?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-mistoqsija parlamentari numru 18805. Hemm xi konsorzja li wrew interess li jiżviluppaw huma dan il-car park u l-Ministeru qiegħed ukoll jistudja dawn il-proposti.

Cottonera Waterfront — Xogħlijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid fiex jikkonsisti x-xogħol li qed isir bħalissa fil-Cottonera Waterfront? Meta hemm il-ħsieb li jitlesta? Jista' jgħid jekk ikkonsultax ma' l-operaturi kummerċjali li hemm fuq is-sit?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ix-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa fix-xatt tal-Birgu huma in konnessjoni mall-proġett ta' landscaping ta' dan ix-xatt u ser ikopru l-area bejn il-Mużew Marittimu u l-Menqa. S'issa saru x-xogħlijiet ta' servizzi li jikkonsistu fit-tqegħid ta' culverts għas-servizzi u għall-ilma tax-xita. Saru wkoll il-crossings neċessarji mill-istess culvertssal-bini u l-palazzi li hemm matul ix-xatt. Culvert eżistenti tnaddaf u tneħħew numru ta' servizzi li huma mejta. Bħalissa l-Enemalta qegħda tgħaddi l-cables tagħha filwaqt li l-Grand Harbour Marina qiegħed jgħaddi fuel main f'wieħed mill-culverts. Ix-xogħlijiet tas-servizzi mistennija jitlestew sal-ġimgħa d-dieħla. Fil-ġranet li għaddew beda x-xogħol tal-pavimentar fuq in-naħa tal-Menqa. Saru diskussjonijiet estensivi mall-konsorzja kollha u l-pjanti finali għandhom l-approvazzjoni tagħhom. Saru wkoll konsultazzjonijiet mall-Enemalta u anke mall-għaqda tar-residenti ta' St Angelo Apartments. Hu mistenni li x-xogħlijiet jitlestew sa Lulju li ġej.

ADT — Xatt Ta' Tas-Sliema

Question

Peress li dan l-aħħar żdiedu l-linji sofor fix-Xatt ta' Tas-Sliema, jista' il-Ministru u l-ADT jagħtu iżjed kas lejn il-bżonnijiet ta' parkeġġ ta' residenti minħabba li l-ħinijiet li saru fuq it-tabelli ġabu tgergir mir-residenti, kif ukoll meta jkun baħar qawwi u xorta r-residenti ma jistgħux jipparkjaw?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li l-linji sofor li saru fix-Xatt ta’ tas-Sliema saru sabiex jiġi evitat parkeġġ illegali u tiżdied is-sigurta għat-turisti li jkunu qed jirkbu il-vapuri mix-Xatt ta’ tas-Sliema. Ir-restrizzjoni ta’ parkeġġ qeda ristretta bil-ħin sabiex tnaqqas il-problema ta’ parkeġġ għar-residenti ta’ tas-Sliema. Nixtieq ukoll ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-uffiċjali ta’ l-Awtorita' dwar it-Trasport meta l-baħar ikun qawwi jżommu dan il-fatt inkonsiderazzjoni u ma jagħtux ċitazzjonijiiet lir-residenti.

Ħal Balzan — Wied Ħal Balzan

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex qatt mhu qed isir manutenzjoni f'Wied Ħal Balzan, Buontempo Estate, Ħal Balzan?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant mhux triq arterjali u anqas distributorja u għalhekk il-manutenzjoni tagħħa huwa parti mir-responsabilitajiet tal-Kunsill Lokali.

Mosta — Triq il-Mitħna

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jitwaqqa' u jitneħħa l-ħajt tas-sejjiegħ biex tiġi estiża u miftuħa iktar Triq il-Mitħna fil-Mosta li hija waħda traffikuża ħafna?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tender biex isiru x-xogħlijiet imsemmija mill-Onorevoli Interpellant inħareġ u qiegħed fil-proċess li jintgħażel il-kuntrattur għal dan ix-xogħol.

Triq li tagħti mir-Rabat għal Ħad-Dingli

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx u meta huwa proġettat li tingħata re-surfacing it-triq li tagħti mir-Rabat sa Ħad-Dingli?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita' dwar it-Trasport għaddejja bi progamm ta' kostruzzjoni ta' diversi partijiet min-network ta' toroq arterjali u distributorji ta' Malta u Għawdex. Barra minn hekk riċentament sar xogħol ta' major patching fuq partijiet oħra ta' dan in-network bl-iskop li titjieb ir-rideability ta' dawn it-toroq bħala miżura temporanja. Dawn ix-xogħlijiet mistennija jitkomplew fix-xhur li ġejjin skond il-prijoritajiet li jirriżultaw mill-ispezzjonijiet li jsiru fuq bażi regolari.

Muturi — Crash Helmets

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li xufiera u passiġġieri fuq muturi żgħar b'erba' roti mhux qegħdin jiġu obbligati li jilbsu l-crash helmet bħal f'kull każ ieħor ta' muturi?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li dan it-tip ta’ vetturi bil-mutur m’humiex kunsidrati bħala mutur (motor cycles) iżda huma klassifikati bħala quadricyclesfl-istess klassi tal-karrozzi b’erba’ roti. Sal-lum għad m’hemmx il-ħtieġa bil-liġi li jintlibes crash helmet waqt l-użu ta’ dawn il-vetturi. Peress li dawn il-vetturi ma joffru l-ebda protezzjoni lis-sewwieq qed tkun kunsidrata l-possibbiltà li tiddaħħal fil-liġi l-ħtieġa ta’ l-użu tal-crash helmet.

Karozzi tal-Linja

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' karozzi tal-linja ġodda? Kemm minn dawn il-vetturi l-ġodda li ġew mibdula ma' oħrajn ġodda ġew ritornati lill-ADT? F'każ li ma ġewx ritornati, qegħdin jinħarġu fuq ir-rotta minflok il-vetturi l-ġodda?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li s’issa nbidlu 131 karrozza tal-linja m’oħrajn ġodda low floor. Dawn bdew jinbidlu fl-1997, f’liema sena kienu waslu Malta l-ewwel ħames karozzi tal-linja ġodda li kienu ġew ordnati fl-1996 wara l-ftehim milħuq bejn il-Gvern u s-sidien tal-karozzi tal-linja. Skond il-kuntratt li kien sar, suppost li l-ħames karozzi tal-linja qodma li nbidlu kellhom jingħataw lill-Awtorità (dak iż-żmien Awtorità dwar it-Trasport Pubbliku), iżda l-Bord ta’ dak iż-żmien, maħtur minn Gvern Laburista, kien aċċetta li operatur partikolari li bidel erba’ karrozzi jibqa’ jżomm għandu l-erba’ karozzi antiki tiegħu. Jien infurmat ukoll li fir-rigward tal-vetturi l-oħra li nbidlu mill-1999 ’l hawn kien hemm 12-il vettura qadima li ma kinux ritornati. Fir-rigward ta’ 11 minnhom, is-sidien ippreżentaw affidavit li l-vettura ma setgħetx tiġi ritornata jew għaliex kienet tkissret jew għaliex kienu mitfugħha f’xi għalqa f‘kundizzjoni ħażina ħafna. Fil-każ tal-vettura l-oħra, is-sid, li għażel li ma jieħu l-ebda għajnuna finanzjarja mingħand il-Gvern għall-vettura l-ġdida li daħħal, wera x-xewqa li jibqa’ jżomm l-antika bħala rikordju. Ma jirriżultax li karozzi minn dawk il-qodma li ma ġewx ritornati lill-ADT qed jintużaw fuq xogħol tar-rotta minflok dawk ġodda. Tajjeb li jingħad li l-ADT tagħmel moniteraġġ kuljum fuq l-użu tal-karrozzi tal-linja l-ġodda biex ikun żgurat li dawn jintużaw kif suppost.

Cottonera Waterfront — Lukanda

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk sarx xi progress fuq il-bini ta' lukanda fuq il-Cottonera waterfront?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Dan l-aħħar kelli laqgħa mall-periti u d-diretturi tal-Vittoriosa Gaming Ltd li għandhom l-obbligu jiżviluppaw il-hotel biswit il-Casino di Venezia. Waqt din il-laqgħa d-diretturi kkonfermaw li lestew il-pjanti neċessarji u l-pjanijiet għall-investiment tal-hotel. Fil-fatt il-kumpanija bdiet taħdidiet mall-MEPA dwar l-applikazzjoni għall-istess hotel. Waqt l-istess laqgħa saru diskussjonijiet sabiex il-proċess tal-kostruzzjoni jimxi f'sinerġija ma proġetti oħra li hemm fix-xatt tal-Birgu, inkluż dak tal-landscaping.

Swieqi — Ġiżmini Street

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 19073 u jgħid tistax titwessa' il-parti dejqa fit-tarf t'isfel ta' Ġiżmin Street, Swieqi?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ser isir survey minn naħa tal-Awtorita' dwar it-Trasport f’din il-parti ta’ Triq il-Ġiżimin fi Swieqi. Minn dan is-survey irid jiġi deċiż għandiex issir expropriation diretta jew f’isem terzi.

S&J Baldacchino Boatyards

Question

Jista' il-Ministru jindika d-data meta S&J Baldacchino Boatyards ikunu jistgħu jużaw il-fond ġdid allokat lilhom f'Benghajsa wara li ġew żgumbrati xi żmien ilu minn Manoel Island minħabba l-proġett tal-MIDI?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li bħalissa għaddejjin negozjati dwar extra work mall-kuntrattur li kien ingħata t-tender għax-xogħlijiet meħtieġa f'Bengħajsa. Qiegħed isir kull sforz biex dawn jiġu konklużi u l-extra works jitlestew mill-aktar fis possibli biex S & J Baldacchino Boatyard ikunu jistgħu jużaw l-fond.

Ħaż-Żebbuġ — Triq Imdina

Question

B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 14715, 15117 u 15351, billi issa għaddew aktar minn erba' xhur mill-aħħar tweġiba parlamentari, jista' il-Ministru jgħid jekk tlestiex il-proċess tat-traffic counts bħala parti mill-analiżi tal-flows tat-traffiku f'partijiet minn Triq l-Imdina, Ħaż-Żebbuġ? Jekk le, x'inhi r-raġuni għal dan id-dewmien kollu biex jispiċċa dan il-proċess u meta dan jispiċċa x'ikun fadal?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-traffic counts provduti mill-MEPA fl-10 ta' Frar 2006 juru illi n-numru massimu ta' vetturi li jgħaddu mit-triq in kwistjoni f'ġurnata ma jaqbiżx l-20,000 vettura. Skond l-istandard li tuża l-Awtorita' dwar it-Trasport, il-wisgħa tal-karreġjati f'din it-triq huwa adegwat għal dan l-ammont ta' traffiku. Madankollu, jekk minn riżultati li jiġu rrekordjati fil-futur jirriżulta illi l-karreġjati addizzjonali jkunu possibbilment neċessarji, l-ADT tieħu l-provedimenti hekk kif ikun meħtieġ. Wieħed irid isemmi wkoll illi waqt il-kostruzzjoni ta' dawn it-toroq, l-ADT għamlet tiswijiet fuq bini li ġie affetwat mill-istess kostruzzjoni jew estenzjonijiet żgħar. L-ADT qatt ma' daħlet għall-kostruzzjoni ta' bini ġdid f'din l-istess triq.

Karozzi tal-Linja — Għajn Tuffieħa

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li fis-sajf il-karozzi tal-linja lejn Għajn Tuffieħa jiżdiedu fil-frekwenza?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li r-rotta 47 lejn il-Belt u mill-Belt lejn Għajn Tuffieħa fis-sajf ser ikollha frekwenza ta' kull nofs siegħa u filgħaxija l-aħħar ħin ser ikun tas-7.20 minflok tas-6.20. Ir-rotta diretta li taħdem bejn tas-Sliema, Buġibba u Għajn Tuffieħa ser tibda taħdem sas-7.30 minflok sal-5.00pm. Barraminhekk, jekk ikun hemm domanda akbar ser jittieħdu l-passi meħtieġa f'dan ir-rigward.

Rotta Numru 61

Question

Jista' il-Ministru u l-ADT jikkonsidraw favorevolment ix-xewqa tar-residenti ta' Tas-Sliema billi r-rotta numru 61 terġa' tiġi operata?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport qed tiddiskuti ma' l-Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku sabiex dan is-servizz jerġa' jiġi ntodott. L-Assoċjazzjoni qed tikkunsidra favorevolment li terġa tintroduċi dan is-servizz bejn it-8.00am u l-11.00am.

Wied il-Għajn — Studenti universitarji - servizz ta' trasport

Question

Jista' il-MInistru jara li tiġi rranġata s-sitwazzjoni tat-trasport li jiġi provdut lill-istudenti li jattendu l-Universita' ta' Malta u li joqogħdu Wied il-Għajn, minħabba li dawn għandhom karozza waħda biss li tinżel għalihom Wied il-Għajn u li hija l-ewwel waħda, u lura mill-Universita' it-trasport provdut qed iwaqqafhom f'Ħaż-Żabbar?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat illi huwa minnu li l-karozza tal-linja li tkun ġejja mill-Universita' lejn Ħaż Żabbar iwaqqaf il-passiġieri li jridu jmorru Wied il-Għajn f'Ħaż Żabbar. Wieħed iżda għandu jinnota li hemmhekk ikun hemm karozza oħra tistenna biex tieħu l-passiġieri Wied il-Għajn u dan bl-istess biljett tal-karozza ta' Ħaż Żabbar jiġifieri il-passiġieri jħallsu noll wieħed.

Landrijiet — Wied il-Busbies

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 17965 u jgħid jekk jistax isir xogħol urġenti fuq Wied il-Busbies fil-Landrijiet, limiti tar-Rabat, fejn dan l-aħħar it-triq sfrundat fuq bir li hu fond u ma jistax isir aċċess għal xi residenzi u anke għall-ristorant fil-viċinanza? Trakkijiet, anke dawk li jneħħu d-drenaġġ, qed jirrifjutaw li jgħaddu minn fuq planka tal-ħadid li tpoġġiet temporanjament fuq din il-parti li sfrundat.

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant mhux triq arterjali u l-anqas distributorja u b’hekk ma taqax taħt ir-responsabilta' tal-Gvern Ċentrali. Id-Direttorat xorta għamel l-ispezzjonijiet meħtieġa biex ikun jista jsir xi xogħol fit-triq imsemmija. Dan ix-xogħol jiġi inkluż f’lista ta’ xogħlijiet li jridu jsiru. Dan ix-xogħol ser issir skond il-prijoritajiet li jirriżultaw.

Mosta — Vjal Indipendenza

Question

Jista' il-Ministru jintervjeni u jgħin sabiex tissolva l-problema fi Vjal Indipendenza fil-Mosta, fejn hemm parti tal-bankina (130 metru fuq iż-żewġ naħat) imkissra jew taħt il-livell tat-triq tant li lanqas kurduna ma hemm? Barra li hija eyesore din il-bankina, hi ta' periklu kbir u mhux l-ewwel darba li residenti anzjani tfixklu u waqgħu.

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ser isiru l-ispezzjonijiet meħtieġa fit-triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant biex dan ix-xogħol ikun jista jiġi nkluż fil-lista ta xogħlijiet li jridu jsiru. Id-Direttorat qed ihejji program ta’ xogħlijiet u dawn ser isiru skond il-prijoritajiet li jirriżultaw.