Boroz ta' studju f'oqsma differenti tal-agrikultura
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru hux se joffri xi boroz ta' studju, f'oqsma differenti tal-agrikultura, l-ortikultura, it-trobbija tal-annimali u setturi oħra agrikoli, biex jiġi assigurat li jkun hawn persuni mħarrġa biżżejjed fl-oqsma kollha marbuta ma' dan is-settur? Jekk il-Ministeru diġà offra tali boroz ta' studju, jista' jagħti tagħrif dwar kemm hemm żgħażagħ li preżentement qed igawdu minn dawn il-boroz ta' studju u f'liema oqsma qegħdin jibbenefikaw? Meta hu mistenni li jintemmu dawn l-istess studji, u xi propsetti ta' xogħol għandhom dawk li qed jagħmlu dawn l-istess studji bħalissa?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li preżentement hemm żewġ studenti li qed jibbenefikaw minn boroż ta' studju u li qed isegwu l-Kors Accelerated BVet Med li huwa twil 4 snin. Min-naħa tagħhom dawn huma marbuta li meta jiggradwaw, jagħtu s-servizzi tagħhom lill-Ministeru kkonċernat għal ħames snin. Dwar l-ewwel parti tal-mistoqsija nista nassigura lill-Onor. Interpellant li boroż ta’ studju jingħataw min żmien għal-żmien skont in-neċessità tal-Ministeru.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru waslulux rapporti minn sajjieda Maltin li waqt li jkunu qed jistadu qed jintalbu minn awtoritajiet militari barrani, biex jieqfu mill-attività tas-sajd li jkunu qed iwettqu biex possibilment jagħtu sehemhom fis-salvataġġ ta' persuni li jkunu qed jagħmlu vjaġġi bejn l-Afrika ta' Fuq u l-Ewropa? Jekk il-Ministeru hu konxju minn din is-sitwazzjoni, jista' jagħti tagħrif dwar x'passi qed jittieħdu biex jiġu salvagwardati l-interessi tas-sajjieda Maltin?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li fil-fatt kien hemm każ wieħed fejn id-Dipartiment tas-Sajd irċieva informazzjoni verbali mingħand sajjied fejn qal li awtoritajiet militari barranin talbuh jgħin f’salvatagg.
Minn tkixxif li għamel d-dipartiment mal-Forzi Armati ta’ Malta jirriżulta li f’kaz ta’ salvatagg bħal dan il-Forzi Armati ta’ Malta tkun qed tikkordina mal-forzi militari tal-pajjiżi ġirien in kwistjoni sabiex isir salvatagg. Jien infurmat li taħt l-artiklu 98 tal-UNCLOS kull bastiment jista’ jkun ordnat biex jagħti assistenza ta’ salvatagg skont kif ikun il-bżonn. Dan il provediment partikolari ma jaqax taħt ir-responsabbilita’ tad-dekasteru tiegħi u allura dwar l-aħħar punti tal-mistoqsija nitlob lil-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.
San Pawl il-Baħar – xogħlijiet ta’ riabilitazzjoni tas-Salini
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’inhu s-sehem li għandu l-Ministeru f’dawk li huma x-xogħlijiet ta’ riabilitazzjoni li qed isiru fis-Salini, limiti ta’ San Pawl il-Baħar/Naxxar? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk hemmx diffikultajiet li jikkonċernaw lill-Ministeru tiegħu, jew xi dipartiment ieħor li jaqa’ taħtu biex ix-xogħol li għad fadal jitkompla, u filfatt ikun jista’ jitkompla fl-iqsar żmien possibbli? Meta hu mistenni li jintemm x-xogħol li fih hemm parteċipi l-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u Tibdil fil-Klima?
Response (BRINCAT, LEO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 9983 jista' l-Ministru jgħid kemm mill-waqfiet tal-inċineratur tal-Marsa li seħħew fl-2012 u sal-15 ta' Marzu 2013 kienu waqfiet programmati għal maintanance ta' rutina skont l-maintenance plan tal-inċineratur u kemm kienu waqfiet minħabba problemi li żviluppaw? Jista' jispjega 'l għala fl-2013 l-impjant ħadem numru ta' sigħat inqas minn kemm ħadem fl-2012? X'miżuri qed jittieħdu sabiex in-numru ta' waqfiet mhux programmati jitnaqqsu jew jiġu eleminati matul il-bqija tal-2014?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewli l-WasteServ il-waqfiet li seħħew fl-2012 sal-15 ta' Marzu 2013, minħabba problemi mhux prevvisti, ammontaw għal 17 –il ġurnata jew aħjar 14% mit-total ta’ ġranet ta’ waqfien. Intant kuntrarju għal dak allegat mill-Onor. Interpellant, ma jirriżultax li fl-2013 l-impjant ħadem anqas mill-2012, fejn matul is-sena 2013 l-inċineratur twaqqaf total ta’ 104 il-ġurnata, meta fis-sena ta’ qabel twaqqaf 115 il-ġurnata.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'kuntatti ġodda saru mar-rappreżentanti differenti tal-bdiewa dwar il-bidliet li suppost hemm ippjanati fil-pitkalija? Meta saru dawn l-aħħar kuntatti u x'pożizzjoni komuni ntlaħaq ftehim dwarha sa issa?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, il-bidliet li huma meħtieġa fuq kif taħdem il-pitkalija ilhom jinħassu għal bosta snin. Fil-fatt iżda ftit li xejn sar biex is-sistema fil-pitkalija u l-problemi li hemm jiġu indirizzati. Bħalissa għaddej proġett pilota f’koperazzjoni mal-Koperattiva Ċentrali tal-Bdiewa (FCCS) u jiddependi ħafna minn dan l-andament tal-proġett pilota x’bidliet u pjanijiet huma meħtieġa għat-tmexxija futura tal-pitkalija.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'pożizzjoni qed jieħu l-Gvern preżenti għal dak li jikkonċerna l-organizzazzjoni tal-producers organisations fis-settur agrikolu? Ma min saru, jekk saru taħdidiet dwar dawn il-policies tal P.O's?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, il-pożizzjoni li qed jieħu l-Gvern permezz tad-Direttorat tal-Agrikoltura hija regolata mill-provviżjonijiet tal-liġi, Avviżi Legali 210 ta’ 2011, 63 ta’ 2004, 148 ta’ 2008 u 237 ta’ 2007 flimkien mar-Regolamenti Ewropej 1308 ta’ 2013 u 543 ta’ 2011.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'kontroll qed jagħmel il-Ministeru għal dak li jikkkonċerna l-ħarsien tas-siġar (ħafna minnhom taż-żebbuġ), li hemm matul il-bajja tax-Xemxija?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, id-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti jagħmel sorveljanza fl-inħawi fejn jitkabbru s-siġar taż-żebbuġ, u dan mhux biss limitat għall-bajja tax-Xemxija. Għaldaqstant, jekk jiġu nnutati xi sintomi li huma viżibbli fuq siġar taż-żebbuġ, jittieħdu l-kampjuni għal-aktar testijiet neċessarji.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — vetturi
Question
Jista’ l-Ministru, inkluż is-Segretarju Parlamentari, jagħti rendikont dettaljat tal-vetturi kollha mikrija jew leased mingħand il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament lil kull dipartiment tal-Gvern, awtorità, korporazzjoni jew kwalunkwe entità governattiva oħra fid-dekasteru minn Marzu 2013 sa meta titwieġeb din il-mistoqsija, u jindika wkoll, f’kull każ, saritx sejħa pubblika għall-offerti u jekk le, jgħid għaliex le?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewli hemm kuntratt fis-seħħ għal numru ta’ 24 vettura mal-kumpanija li d-dettalji tagħha ingħataw separatament minnu, li sar fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti u li huwa kien jagħmel parti minnha. Dan sar ftit ġimgħat qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali u li l-Ministeru tiegħi huwa marbut bih għal numru ta’ snin. Minbarra dawn l-24 vettura, waqt iż-żmien imsemmi fil-Mistoqsija saru sejħiet oħra, skont proċeduri finanzjarji stabbiliti, għall-kiri ta’ 11-il vettura oħra, filwaqt li kuntratt għal vettura oħra ġie estiż sakemm jintemm il-ftehim fuq hire/purchase.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk ix-xogħol relatat mal-inħawi tas-Salina, fl-inħawi tal-Qawra San Pawl il-Baħar, waqafx jew twaqqafx? Jekk waqaf, x'inhi r-raġuni għal dan? Meta hu mistenni li l-istess xogħol jitkompla? Jista’ l-Ministru jagħti wkoll tagħrif dwar jekk hux maħsub li dan ix-xogħol jitlesta kif kien programmat oriġinarjament? Jista' l-Ministru jagħti wkoll tagħrif dwar jekk hux ser ikun hemm xi bidliet partikulari minħabba bidliet li mistenni jkun hemm fuq ix-xogħol marbut mal-Coast Road? Jekk iva kif ser jiġi affettwat dan l-istess xogħol?
Response (BRINCAT, LEO)
Nitlob lill-Onor. Interpllant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru ikkonċernat.
Jista' l-Ministru jinforma lil din il-Kamra kemm daħlu rapporti lill-animal welfate dwar annimali maħqura minn Jannar 2014 sal-lum? X'passi ħa? Tresqu persuni il-Qorti dwar moħqrija tal-annimali? Hemm xi investigazzjoni għaddejja dwar moħqrija tal-annimali?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, jiena nfurmat li minn Jannar 2014 id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali rċieva madwar 420 rapport dwar moħqrija jew negliġenza ta’ annimali. Id-Direttorat jinvestiga kull każ li jirċevi u jsiru anki spezzjonijiet ta’ verifika u follow-up biex jaraw li fejn kien hemm defiċenzi dawn jitranġaw. F’każijiet fejn il-każ ikun gravi jittieħdu proċeduri kriminali. Bħalissa hemm 5 każijiet bħal ta’ l-aħħar.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu l-investimenti li saru fil-Pixkerija l-ġdida? Meta nbeda x-xogħol? Kemm se jiġi jiswa u x’titjib se jirriżulta bħala parti minn dan l-investiment, għal dak li jikkonċerna l-ħut u l-konsumaturi li jikkunsmawh? Billi fis-sular ta’ fuq se jkun hemm faċilità differenti minn dik ta’ pixkerija, jista’ jagħti tagħrif dwar fiex se jkun jikkonsisti dan l-iżvilupp? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk il-koperattivi tas-sajjieda, flimkien, jew individwalment talbux li jamministraw dawn il-faċilitajiet? Jekk iva, x’kienet ir-reazzjoni tal-Gvern? Jiekkil-Gvern iddeċieda li ma jagħtix din l-opportunità lill-koperattivi għaliex baqa ma ħareġ l-ebda sejħa għall-amministrazzjoni tal-post?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat illi x-xogħol fuq il-Pixkerija l-ġdida beda f’Settembru 2012. L-Onor. Interpellant żgur jaf li l-Pixkerija l-ġdida għada mhix kompluta u għalhekk wieħed ma jistax jitkellem fuq investimenti ta’ titjib, meta din għadha lanqas biss qed topera. Il-proġett oriġinali kien fih numru ta’ nuqqasijiet u għalhekk diversi xogħolijiet oħra qegħdin jiġu miżjuda mall-proġett oriġinali.
Ninforma ukoll lill-Onor. Interpellant li l-proġett ippreżentat lill-Unjoni Ewropeja mill-amministrazzjoni preċedenti ma jinkludi l-ebda investiment għas-sular ta’ fuq.
Filwaqt li l-Gvern huwa kommess li dan is-sular jiġi żviluppat għall-ipproċessar tal-ħut, huwa ppjanat li l-investiment isir minn operatur privat. Bħalissa għaddejjin diskussjonijiet mall-Privatisation Unit biex tinħareġ sejħa għall-espressjoni ta' interess għat-tmexxija ta’ din l-attivita`. Mill-informazzjoni li għandi ma jidhirx li l-koperattivi tas-sajjieda għamlu xi talba uffiċjali biex jamministraw din il-facilità għalkemm għad jistgħu juru nteress u jissotomettu proposti bħala operaturi kummerċjali. Dawn il-proposti jiġu kkunsidrati flimkien ma' sottomissjonijiet oħra, skont il-kundizzjoni tas-sejħa.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk is-sajjieda humiex bilfors obbligati li jieħdu d-diesel tagħhom mingħand l-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?? Jekk iva, jista’ jikkonferma li d-diesel mixtri mingħand din l-organizzazzjoni għandu prezz ta bejn 4 u 6 ċenteżmi l-litru ogħla minn dak ta postijiet oħra? X inhu jżomm lill-awtoritajiet biex dawn l ispejjeż żejda jinqatgħu?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li s-sajjieda membri tal-koperattivi huma marbuta mill-koperattivi stess sabiex jixtru d-diesel mingħand din il-kumpanija. Infakkar lill-Onor. Interpellant li kienet l-amministrazzjoni preċedenti li ffirmat ftehim maż-żewġ koperattivi fir-rigward tad-diesel duty free, fejn b’dan l-istess ftehim il-koperattivi ntrabtu li l-membri tagħhom għandhom jixtru d-diesel duty free mingħand din il-kumpanija privata. Din tal-aħħar hija operatur kummerċjali li l-Gvern la jista’ jimponi fuqha u wisq aktar jiffinanzja l-ispejjeż tagħha.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9779, jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar fejn qegħdin it-3,342 kolonja tan-naħal li hemm referenza għalihom fir-risposta? Jista' jgħid jekk fl-inħawi ta' dawn il-kolonji, hemmx xi miżuri partikulari ta' protezzjoni kontra l-użu ta' pestiċidi?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari l-użu ta’ pestiċidi fl-inħawi ta’ fejn hemm il-kolonji li qed issir referenza għalihom fit-Tabella mpoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra m’ hemm l-ebda regolament speċifiku minħabba n-naħal.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’investiment sar mill-Gvern matul l-aħħar 18-il xahar għal dak li jikkonċerna l-hard standing facility li hemm Marsaxlokk għall-użu tas-sajjieda? Liema kienu x-xogħlijiet li saru f’dan il-post b’riżultat ta’ dan l-investiment? Jista' jagħti tagħrif dwar x’taħdidiet saru mal-koperattivi tas-sajjieda dwar dan il-post u x’suġġerimenti saru dwar l-iżvilupp ta’ dan il-post, kif ukoll l-amministrazjoni tal-istess faċilità?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont it-tagħrif miġbur mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari dan il-Ministeru sab sitwazzjoni diżastruża li tħalliet mill-Amministrazzjoni preċedenti fil-Hard Standing Facility li hemm Marsaxlokk. Minbarra dejn kbir li kellha din il-faċilita`, kien hemm ukoll nuqqasijiet serji fit-tmexxija tal-faċilità kif ukoll nuqqasijiet evidenti fl-oqsma tas-saħħa u sigurta`. Sabiex jindirizza dawn in-nuqqasijiet, id-Dipartiment tas-Sajd u Akkwakultura kiseb fondi addizzjonali mill-Ministeru tal-Finanzi biex isiru xogħolijiet fil-faċilita` u biex jissaħħu ċerti servizzi. Fil-fatt, fil-ġimgħat li ġejjin ser jinħarġu numru ta’ tenders u sejħiet għal offerti biex mill-aktar fis possibbli jkunu ndirizzati numru minn dawn il-problemi.
Nikkonferma li saru taħdidiet mal-Koperattivi tas-Sajd dwar din il-facilita`. L-Onor. Interpellant jifhem li l-Gvern huwa marbut b’regoli dwar kif jixtri servizzi anke dawk li jirrigwardaw faċilita` bħal din. Il-Gvern, permezz tal-
Privatisation Unit,
qed jikkunsidra li tinħareġ
Expression of Interest
dwar l-operat tal-faċilita`.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9607 li oriġinarjament saret lil Ministru tall-Enerġija u s-Saħħa u jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li għandu problema ta' kanali tat-tisqija?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari l-każ qiegħed fi ħdan id-Dipartiment tal-Agrikoltura li ħa nota tal-każ sabiex ix-xogħlijiet inkwestjoni jkunu jistgħu jsiru fi żmien opportun.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm ingħataw fondi lis-sajjieda matul l-aħħar 12-il xahar, xahar b'xahar? Għall-istess perijodu xahar b'xahar, jista’ jagħti informazzjoni dwar kemm infetħu skemi ġodda ta' għajnuna lis-sajjieda u kemm ingħataw fondi taħt l-istess skemi?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba, filwaqt li nirreferi għat-tweġiba li kont tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 941.
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar kemm ġew allokati fondi mill-Unjoni Ewropea, speċifikament għas-sajjieda mill-fond il-ġdid tas-sajjieda l-EMFF (European Marine Fisheries Fund)? Kemm minn dawn il-fondi japplikaw għas-sajjieda sabiex huma jkunu jistgħu jtejbu l-operat tagħhom fuq il-baħar?
Response (BRINCAT, LEO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għall-Avviż għall-Istampa maħruġ mid-Dipartiment tal-Informazzjoni fid-19 ta’ Ġunju fl-okkażżjoni taż-żjara li saret fil-pixkerija l-ġdida mill-Onor. Segretarji Parlamentari Roderick Galdes u Ian Borg. F’dan l-Avviż għall-Istampa ntqal ċar li l-allokazzjoni għall-Malta fil-fond marittimu u tas-sajd għas-snin 2014 sal- 2020 hija ta’ madwar €22 miljun. Huwa l-ħsieb tal-Gvern li aktar minn nofs dan l-ammont ikun iddedikat għall-iżvilupp sostennibli tas-sajd, tal-akkwakultura u żoni tas-sajd, u għall-marketing u miżuri relatati mal-iproċessar. Madanakollu l-programm operattiv għal dawn il-fondi għad irid ikun maqbul mal-Kummissjoni Ewropea. F’dan ir-rigward aktar tagħrif jista’ jingħata mill-Ministeru ikkonċernat.
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar jekk hux qed isir travel li hu kkumissjonat mill-MSDEC? Jekk iva meta sar u min attenda għal dawn il-laqgħat?
Response (BRINCAT, LEO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant ikun aktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu.
B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 9869, jista' l-Ministru jagħti dettalji tal-passi li ttieħdu sa iss fl-iżvilupp tal-low carbon development strategyli saret referenza għaliha fl-istess mistoqsija?
Response (BRINCAT, LEO)
Nikkonferma li hija l-intenzjoni tal-Gvern li jiżviluppa il-Low Carbon Development Strategy li jkollha viżżjoni li twassal sas-sena 2050.
Għal dan l-għan ġa bdew id-diskussjonijiet mas-setturi tramite il-Ministeri tagħhom biex tiġi żviluppata tali strateġija qafas.
Jista’ l-Ministru jgħid ‘ir-raġuni għalfejn l-inċineratur tal-Marsa ilu wieqaf mit-12 ta’ Ġunju 2014 skont kif tindika d-data fuq is-sit uffiċjali tal-Wasteserv? Jista’ jgħid jekk ġietx irrappurtata xi ħsara u jekk dan huwa l-każ, meta se tissewwa? Jista’ jgħid jekk hux konxju li din is-sitwazzjoni kienet diġà seħħet madwar ħmistax –il jum qabel din id-data?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li filwaqt li t-tweġiba tal-kumpanija WasteServ qed tingħata aktar l-isfel, inħoss li jkun xieraq u tajjeb li ninforma il-Kamra li skont il-Kumpanija l-waqfien tal-Inċineratur tal-Marsa ilu għaddej regolarment prattikament minn kemm ilu li dan ġie ikkummissjunat mill-Gvern preċedenti. Biex nagħti eżempju, mill-2012 sa tmiem il-leġislatura l-oħra, l-inċineratur waqaf jew ġie mwaqqaf għal 13–il darba għall-total ta’ 121 ġurnata. Jekk l-Onor. Interpellant ikun irid dettalji anke dwar dati preċedenti ma nsib l-ebda diffikultà li nipprovdi lill-Kamra dan it-tagħrif, dejjem jekk niġi mitlub.
Intant bi tweġiba għall-mistoqsija, kif ġiet mogħtija lili mill-kumpanija WasteServ, l-impjant kellu jitwaqqaf mill-ġdid din l-aħħar darba għaliex żviluppat ħsara fl-
outer
ring of the PCC
kawża tat-temperatura għolja preżenti fl-Inċineratur.