Legislature:
Category:
Reset
Active:

Mental Health Screening fl-iskejjel

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 4735, jista’ l-Ministru jgħid f’dawn l-aħħar sentejn kemm kien hemm studenti identifikati li għandhom bżonn għajnuna minħabba problemi ta’saħħa mentali?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li matul is-sena skolastika 2013-2014 u s-sena skolastika 2014-2015 fl-iskejjel tal-Istat kien hemm 366 student fil-livell primarju u 488 student fil-livell sekondarju li ġew riferuti minħabba problemi relatati mas-saħħa mentali. Iċ-ċifra mogħtija hija bbażata fuq il-kriterji ta’ ICD-10 (International Classification of Diseases – Chapter 10) maħruġ mill-World Health Organisation. Fl-Iskejjel tal-Knisja u fl-Iskejjel Indipendenti n-numru ta’ studenti li f’dawn l-aħħar sentejn kienu identifikati li għandhom bżonn għajnuna minħabba problema ta’ saħħa mentali huwa kif ġej: Skejjel tal-Knisja: total ta’ 77 student Skejjel Indipendenti: total ta’ 41 student.

ETC – persuni b’problemi ta’ saħħa mentali li jirreġistraw

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni bi problemi ta’ saħħa mentali jirreġistraw għax-xogħol fil-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ f’dawn l-aħħar sentejn? Kemm minn dawn il-persuni sabu x-xogħol u x’tip ta’ xogħol sabu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta' persuni bi problemi ta' saħħa mentali jirreġistraw għax-xogħol fuq l-ewwel u t-tieni parti tar-reġistru mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ bejn Marzu 2013 u Frar 2015 kien ta' 185 persuna. Minn dawn sabu xogħol 56 persuna u 27 minnhom għadhom jaħdmu. Ix-xogħol li sabu kien f’dawn ix-xogħlijiet: Accounting associate professionals Care worker Cashier Clerk Consultant management Contractor building project management Coordinator administration office administration or management Deliveryman Engineer software Hand packers Heavy truck and lorry drivers Machine Operator Porter kitchen Real estate agents and property managers Sales Person Security guards Technician (other) Waitress Accounting associate professionals

Skejjel tal-Knisja u Indipendenti — rappreżentanza

Question

Peress li skont notifika li rċevew il-Kapijiet tal-Iskejjel tal-Knisja datata Ġunju 2015 intqal "The CSA have been informed by the Minister of Education that Church Schools and Independent Schools should each be represented at the Institute of Education" jista' l-Ministru jgħid jekk allura il-Gvern hux se jivvota favur l-emenda li resqet l-Oppożżizzjoni għall-Avviż Legali 140, liema avviż sal-lum jagħti biss repreżentenza waħda unika għall-Iskejjel tal-Knisja u l-Iskejjel Privati flimkien bħala rapreżentant wieħed għall-iskejjel mhux Statali?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ser tiġi ppreżentata emenda għall-Avviż Legali lill-Kabinett.

Giovanni Curmi Higher Secondary School — intake ta' studenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk fl-intake li jmiss ta' Settembru 2015 għall-Giovanni Curmi Higher Secondary School hux se jkunu aċċettati studenti li jkollhom Level 3 School Leaving Certificate mingħajr ma jkollhom l-ebda ċertifikat ieħor tal-MATSEC?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li għaddejjin taħditiet ma’ Giovanni Curmi Higher Secondary School sabiex iċ-ċertifikat tat-tmiem is-sekondarja (SSC&P) li jkun ta’ Livell 3 jkun eliġibbli sabiex wieħed jidħol f’din l-iskola post-sekondarja. Dan qiegħed isir sabiex jingħata rikonoxximent tal-livell għoli tal-assessjar li jsir fit-tmiem is-sekondarja mill-iskejjel. Qiegħed jiġi rikonoxxut ukoll il-livell milħuq mill-istudenti, sew f’Livell 3, 2 jew 1. Fl-istess waqt l-istudenti qed ikunu inkoraġġiti bħal snin oħra biex jiksbu l-aħjar riżultati fl-eżamijiet tal-MATSEC ukoll. Dan barra l-fatt li l-istudenti jkomplu jiġu ppreparati biex jagħmlu l-eżamijiiet tal-MATSEC.

Giovanni Curmi Higher Secondary School — suġġett mis-sezzjoni tax-Xjenza

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux veru li minn Settembru 2015, is-suġġett f'wieħed mix-Xjenzi kwalifika MATSEC mhux se jibqa obbligatorju għall-istudenti biex jidħlu Giovanni Curmi Higher Secondary School?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-istudenti li jattendu Giovanni Curmi Higher Secondary School u li qed jagħmlu l-kors tal-matrikola biex jidħlu l-università jistgħu jibdew il-kors anki jekk ma jkollhomx suġġett tax-xjenza. L-iskola tagħti l-opportunità biex min ikollu xi suġġett nieqes (u mhux biss fix-xjenza) jkun jista` jkompli bl-istudji tiegħu filwaqt li jkun jista` jġib dak jew dawk is-suġġetti nieqsa bir-revision course tas-SEC O levels.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — persuni impjegati

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 17050 jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru totali ta' impjiegi fil-gradi kollha li saru mill-entitatjiet (bħal Dipartimenti, Kunsilli, Awtoritajiet, Kummissjonijiet, Aġenziji eċċ.) kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu fil-perjodu indikat? Kemm minn dawn l-impjegi kienu ta' persuni rikonuxxuti uffiċjalment bħala persuni b'diżabilità?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li fid-Direttorati/Dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi (eskluż s-Segretarjati Privati), minn Marzu 2013 sa Ġunju 2015 ġew impjegati 1237 ħaddiem li minnhom 1083 ġew impjegati bħala Għalliema, Supply Teachers, LSA/Supply LSA u Kindergarten Assistant/Supply KGA fl-iskejjel. Il-154 persuna l-oħra ġew impjegati fi gradi oħra. Dan in-numru ma jinkludix l-ingaġġ ta’ Edukaturi tal-Adulti. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija, infurmat li d-Dipartiment tal-Operat m’huwiex infurmat dwar persuni li huma uffiċjalment rikonoxxuti bħala persuni b’diżabilità. Rigward l-entitajiet li jiffurmaw parti minn dan id-dekasteru, ninsab infurmat kif ġej:- Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ: Il-persuni impjegati mal-Korporazzjoni minn Marzu 2013 sal-15 ta‘ Ġunju 2015 kienu ta’ 206 persuna li 117 minnhom ġew ingaġġati flok oħrajn li matul l-istess perjodu temmew l-impjieg tagħhom minn mal-Korporazzjoni. Kien hemm sitt persuni rikonoxxuti bħala persuni b’diżabilità; Aġenzija Programmi tal-Unjoni Ewropea: Il-persuni impjegati mal-Aġenzija minn Marzu 2013 kien ta‘ 16 u ħadd minnhom ma huwa uffiċjalment rikonoxxut bħala persuna b’diżabilità; Fondazzjoni għall-Iskejjel ta‘ Għada: Iż-żieda ta‘ impjegati mal-Fondazzjoni minn Marzu 2013 kienet ta‘ disgħa li tinkludi persuna waħda b’diżabilità; Kunsill Malti għall-Isport: Il-Kunsill Malti għall-iSport impjega tlett persuni full time minn Marzu 2013 ‘l hawn. L-ebda minn dawn il-persuni ma huma uffiċjalment rikonoxxuti bħala persuni b’diżabilità; Malta Libraries: Il-persuni impjegati mill-Malta Libraries minn Marzu 2013 sal-lum kienu għaxra (10), li minnhom persuna waħda (1) hija uffiċjalment rikonoxxuta bħala persuna b’diżabilità; MCAST: Ġew impjegati 146 persuna mal-MCAST mill-bidu ta’ Marzu 2013 sas-17 ta’ Ġunju 2015. Minn dawn hemm persuna waħda b’diżabiltà; Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla: Kien hemm 12-il persuna impjegati mal-NCFHE minn Marzu 2013. M’hemm ħadd uffiċjalment rikonoxxut bħala persuna b’diżabilità; Aġenzija Żgħażagħ: Minn Marzu 2013 sal-lum ġew impjegati ħames persuni. Ħadd minnhom m`għandu diżabilità; Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija: Ġew impjegati b’kollox tlieta u għoxrin (23) persuna mal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija minn Marzu 2013. Minn dawn il-persuni, wieħed (1) huwa uffiċjalment rikonoxxut bħala persuna b'diżabilità; Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi: Din il-Fondazzjoni timpjega għadd ta’ persuni fuq kuntratt definit sena wara sena. Infurmat li minn Marzu 2013 kien hemm l-ingaġġ ta’ 3024 persuna li iżda dan in-numru hemm rifless fih għadd ta’ kuntratti ta’ persuni li jkunu reġgħu ġew ingaġġati mill-ġdid. Normalment numru sostanzjali (1361 fl-2014) ikunu ingaġġati bejn l-1 ta' Ġunju u l-aħħar ta' Settembru. Nirreferi wkoll lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 13580; Università ta’ Malta: Fl-Università ta’ Malta ġew impjegati 215 persuna fuq bażi full-time u 235 fuq bazi part-time minn Marzu 2013. L-Università ta’ Malta ma tiddiskriminax fuq bażi ta’ diżabilità jew problemi ta’ saħħa. L-impjegati mhumiex obbligati li jinfurmaw l-Università li huma rikonoxxuti u reġistrati bħala persuni b’diżabilità.

Car racing Track ġdida

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan biex issir car racing track ġdida?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li iva dan il-gvern għandu pjan biex issir korsa tal-motorsport ġdida. Il-gvern qed jiffinalizza pjani biex issir sejħa għal proposti dwar dil-korsa u fejn għandha ssir.

Università ta' Malta — Tagħrif dwar il-popolazzjoni ta’ studenti u staff

Question

Jista’ l-Ministru jgħid: (a) Kemm kien in-numru totali ta’ studenti fl-Università ta' Malta mis-sena 2000 sas-sena 2015; (b) Kemm kien n-numru totali kull sena ta’ staff akkademiku, amministrattiv, tekniku u industrijali fl-Università ta' Malta mis-sena 2000 sas-sena 2015; (c) Kemm kienet l-ispiża totali f’salarji, allowances u bonuses għall-istaff akkademiku, amministrattiv, tekniku u industrijali (kemm staff full-time kif ukoll part-time ) fl-Università ta' Malta mis-sena 2000 sas-sena 2015; u (d) Għas-sena akkademika 2014/2015, kemm kien in-numru totali ta’ studenti għal kull Fakultà, Istitut, jew Ċentru, kif ukoll in-numru totali ta’ staff akkademiku, amministrattiv, tekniku u industrijali fl-Università ta' Malta? (F’dan il-każ, għandu jiġi speċifikat it-total tal-impjegati, kemm dawk parti mill-istaff akkademiku, amministrattiv u tekniku, kif ukoll dak industrijali)

Response (BARTOLO, EVARIST)

Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant. Infurmat illi l-istatistika dwar l-istaff akkademiku, amministrattiv, tekniku u industrijali fl-Università ta’ Malta qed tingħata mis-sena 2010 peress li s-sistema li qed tintuża bħalissa bdiet tirrekordja d-data mill-2010.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-konsulent li ġew maħtura u miżmuma fil-Ministeru kollu u kemm qed jiġu remunerati?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li fil-Ministeru inklużi d-Direttorati u l-entitajiet li jiffurmaw parti mid-dekasteru tiegħi b'kollox hemm 26 persuna bħala konsulenti. L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

ETC – żieda fl-infiq ta’ Office supplies

Question

B’referenza għall-estimi tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ, jista’ l-Ministru jindika għalfejn kien hemm żieda fl-infiq ta’ office supplies mis-sena 2013 u 2014 u jista’ jindika mingħand min inxtraw?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li ż-żieda fl-infiq tal-Office Supplies min-naħa tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ għall-perjodu indikat mill-Onor. Interpellant kien dovut għal żieda fil-konsum minħabba proġetti ġodda relatati ma’ SET (Sheltered Employment Training), EET (Enhancing Employability through Training) u TAF2 (Training Aid Framework), u żieda fl-impjegati full-time. Ix-xiri tal-Office Supplies sar mingħand is-segwenti: Alfa Co Ltd; Audio Visual Centre Ltd; BCD Graphics Ltd; Best Print Co Ltd; Classic Press; CLSSYSTEMS; Colour Image Communiqué Creative Ltd; CSD Office Trade; Diaries JD Ltd; Dormax Press Co Ltd; Firm E Maistre; Five Star Printing & Design Ltd; Golden Gate Co Ltd; Ignazio Anastasi Ltd; Intermarkets Stationeries Ltd; JB Stores Ltd; Joseph Hili & Sons; Kasco Trading Ltd; MB Distribution Ltd; Merit Trading; Multi Packing Ltd; Office Essentials Ltd; Office Needs Office Point Malta; OVAL BRANDS; Print Options; Printex Ltd; Rightclick Stationery & Computers; Salander Group Co Ltd; Sunland Printers Ltd; Velprint Ltd.

ETC – żieda fl-infiq tal-Marketing and Advertising

Question

B’referenza għall-estimi tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ, jista’ l-Ministru jindika għalfejn kien hemm żieda fl-infiq tal-Marketing and Advertising mis-sena 2013 u 2014 u jista’ jindika mingħand min inxtraw?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li ż-żieda fl-infiq tal-Marketing & Advertising għall-perjodu indikat mill-Onor. Interpellant kienet dovuta għal proġetti ġodda relatati ma’ SET (Sheltered Employment Training), EET (Enhancing Employability through Training) u TAF2 (Training Aid Framework). Is-servizzi għal dan il-għan kienu provduti mis-segwenti: AF Signs Studio; Allied Newspapers; ANCA Holdings Ltd; B&E Support Team Ltd; Communique Creative Ltd; Ms Lara Parker; Mad Promotion Ltd; Marketlink Ltd; Media Communications Ltd; Media Today Ltd; Pure Concepts Ltd; Soundvision Print Ltd; Standard Publications Ltd; Union Press Co Ltd; Velprint Ltd.

ETC – żieda fl-infiq tal-Legal and Professional

Question

B’referenza għall-estimi tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ, jista’ l-Ministru jindika għalfejn kien hemm żieda fl-infiq tal-Legal and Professional mis-sena 2013 u 2014 u jista’ jindika mingħand min inxtraw?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li ż-żieda fin-nefqa fuq spejjeż Legali u Professjonali kienet dovuta għal xogħol ta’ konsulenza fuq Skemi u Proġetti tal-UE u t-tħejjija ta’ rapport “ETC – Strategic Assessment of Training Operations”. It-tagħrif relatat fuq dawk li pprovdew dawn is-servizzi qiegħed jingħata lill-Onor. Interpellant separatament.

Mature Workers’ Rules Schemes — applikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet għall-Mature Workers’ Rules Schemes fl-ewwel ħames xhur tas-sena 2015 u kemm minnhom kienu eliġibbli?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Jannar sa Mejju 2015 kien hemm erbgħa u sittin (64) applikazzjoni għall-Mature Workers’ Rules Scheme. Fost dawn kien hemm ħamsa u għoxrin (25) li kienu eliġibbli.

Community Work Scheme — applikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet għall-Community Work Scheme fl-ewwel ħames xhur tas-sena 2015 u kemm minnhom kienu eliġibbli?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li fit-tħaddim tal-Community Work Scheme ma jkunx hemm applikazzjonijiet kif qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant. Fit-tħaddim tal-Community Work Scheme entitajiet Governattivi u/jew NGOs jagħmlu talba mal-ETC għal nies biex jagħmlu xogħol partikolari skont il-kriterji tal-iskema. Min-naħa tagħha l-ETC tidentifika reġistranti li jkunu eliġibbli skont il-kriterji tal-iskema, tibgħat għalihom u tispjegalhom kif taħdem l-iskema, u jekk dawn jaċċettaw, jintbagħtu għand l-entita/NGO. Din is-sena, bejn Jannar u l-aħħar ta’ Mejju, kien hemm 61 reġistrant li daħlu fuq l-iskema filwaqt li kien hemm 59 li spiċċaw.

Servizz ta’ child care b’xejn

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu t-tfal li bejn l-1 ta’ Jannar 2015 u d-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija, ibbenefikaw minn servizz b’xejn ta’ child care li beda joffri l-Gvern fl-1 ta’ April 2014? X’kienet in-nefqa fl-istess perjodu fuq din il-miżura?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ tfal li bejn l-1 ta’ Jannar 2015 u l-15 ta’ Ġunju 2015 ibbenefikaw minn servizz b’xejn ta’ childcare li beda joffri l-Gvern fl-1 ta’ April 2014 kien ta’ 3,457. In-nefqa fl-istess perjodu fuq din il-miżura kienet ta’ €5.6 miljun.

Meeting of Directors General for Schools

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 15516, jista’ l-Ministru jgħid x’ġie diskuss fil-Meeting of Directors General for Schools fis-sessjonijiet ta’ Marzu u ta’ Novembru 2014 li għalihom attendew uffiċjali tal-Ministeru?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li fil-laqgħat għad-Diretturi Ġenerali tal-Edukazzjoni ta’ Marzu u Novembru 2014 ġie diskuss dan li ġej: Laqgħa tat-12 u t-13 ta’ Marzu 2014 f’Ateni Matul il-laqgħa ġie diskuss: · Tagħrif mill-iskejjel dwar l-istocktaking ta’ nofs it-term għal ET2020 · Konklużjonijiet tal-Kunsill fuq l-Edukazzjoni tal-għalliema · Peer Review: kien hemm gruppi li ddiskutew : Ø It-tnaqqis tat-tluq kmieni mill-iskola: tifsil u implimentazzjoni ta’ strateġiji nazzjonali Ø Żieda fl-aċċess ġenerali għall-Edukazzjoni bikrija (Early Childhood Education and Care) ta’ kwalità għolja: sfidi u tweġibiet dwar il-kwalità tal-ECEC Ø Titjib fil-ħiliet tal-bażi u tnaqqis ta’ livelli baxxi ta’ riżultati: tifsil u implimentazzjoni ta’ strateġiji nazzjonali li jikkumbattu riżultati foqra. · Il-Qasam Ewropew ta’ Ħiliet u Kwalifiċi · Erasmus + : Esperimentazzjoni ta’ politika · L-Aġenda tal-Presidenza Taljana dwar l-iskejjel Laqgħa tal-20 u l-21 ta’ Novembru 2014 f’Verona Din il-laqgħa ddiskutiet: · It-tluq kmieni mill-iskola (ESL) u preżentazzjoni tar-riżultati prinċipali tar-rapport Eurydice fuq l-ESL b’attenzjoni speċjali għall-Guidance u mill-Presidenza Taljana; · L-ewwel riżultati tal-konsultazzjoni ET 2020 u l-implikazzjonijiet tagħhom għas-settur tal-iskejjel u għar-riflessjoni min-naħa ta’ kull min hu kkonċernat; · Konsultazzjoni fuq il-Qasam Ewropew ta’ Ħiliet u Kwalifiċi u l-implikazzjonijiet għall-qasam tal-iskejjel; · Sfidi fit-taħriġ professjonali tal-għalliema u fil-metodoloġiji ta’ tagħlim kif joħorġu mir-riżultati tat-TALIS, b’attenzjoni speċjali għar-riżultati tal-Italja; · Rapporti fuq l-Edukazzjoni bikrija (Early Childhood Education and Care); · Tagħrif fuq il-programm ta’ ħidma Erasmus + għall-2015 u fuq il-prijoritajiet ta’ Policy

Laqgħat tal-ET 2020 Working Group on School Policy — diskussjonijiet

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 15516, jista’ l-Ministru jgħid x’ġie diskuss fil-ET 2020 Working Group on School Policy fis-sessjonijiet kollha tal-2014 li għalihom attendew uffiċjali tal-Ministeru?

Response (BARTOLO, EVARIST)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant dwar x'ġie diskuss fil-laqgħat tal-ET 2020 Working Group on School Policy fis-sessjonijiet kollha tal-2014 qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – Erasmus + Programme Committee — diskussjonijiet

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 15516, jista’ l-Ministru jgħid x’ġie diskuss fl-Erasmus + Programme Committee fis-sessjonijiet kollha tal-2014 li għalihom attendew uffiċjali tal-Ministeru?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li fl-2014 kien hemm erba’ laqgħat, kollha marbuta mal-programm tal-ERASMUS+ il-ġdid (għas-snin 2014-2020). Fl-ewwel laqgħa ta’ Frar ġew diskussi: - Regoli interni tal-proċeduri tal-kumitat tal-Erasmus+ - Programm ta’ xogħol (work programme) annwali tal-Erasmus + għas-sena 2014 - L-edukazzjoni ogħla: aġġornament ta’ informazzjoni dwar fondi - Aġġornament ta’ għotjiet simplifikati - Sejħiet speċifiċi għall-proposti għas-sena 2014 – Policy Experimentation & Civil Society Cooperation - Sitwazzjoni attwali dwar l-Awtoritajiet Nazzjonali (fil-każ ta’ Malta l-FPD fil-MEAIM) u Aġenziji Nazzjonali (fil-każ ta’Malta l-EUPA) tal-Erasmus + / assessjar ta’ konformità (ex-ante) - Kwistjonijiet finanzjarji 2015 – Abbozz ta’ metodu għall-kalkulazzjoni għal ħlasijiet ta’ tmexxija għall-Aġenziji Nazzjonali għas-sena 2015. Fit-tieni laqgħa ta’ Mejju ġew diskussi: - Reviżjoni tal-programm ta’ xogħol (work programme) annwali tal-Erasmus+ għas-sena 2014 - Abbozz tal-metodoloġija għal kontribuzzjonijiet Ewropej għall-infieq tal-Aġenziji Nazzjonali mis-sena 2015 - Il-programm ta’ xogħol (work programme) tal-Erasmus+ għas-sena 2015 (diskussjoni inizjali) Fit-tielet laqgħa ta’ Lulju ġew diskussi: - L-appoġġ għar-riforma tal-politika marbuta mal-Erasmus+ - Il-programm ta’ xogħol (work programme) tal-Erasmus+ għas-sena 2015 (it-tieni stadju tad-diskussjoni) - Feedback dwar is-selezzjonijiet tal-Erasmus+ għas-sena 2014 Fir-raba’ laqgħa ta’ Diċembru ġew diskussi: - L-ewwel riżultati fuq tal-Erasmus+ għas-sena 2014 - Il-programm ta’ xogħol tal-Eurydice għas-sena 2015 - Il-ġimgħa Ewropeja tal-iSport għas-sena 2015 - L-implimentazzjoni tal-programm Youth in Action fis-sena 2013 - L-istrateġija ta’ inklużjoni u diversità fil-qasam taż-żgħażagħ.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – Employment Committee Meeting

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 15516, jista’ l-Ministru jgħid x’ġie diskuss fl-Employment Committee Meeting (EMCO) fis-sessjonijiet kollha tal-2014 li għalihom attendew uffiċjali tal-Ministeru?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Employment Committee tal-2014 iddiskuta suġġetti varji fosthom il-Garanzija taż-Żgħażagħ, ir-Rakkomandazzjoniet Speċifiċi tal-Pajjiżi tal-2014 u l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjonijiet tal-2013, riformi fil-qasam tax-xogħol u dak soċjali li jkunu ħadu l-pajjiżi differenti, il-mekkaniżmi tal-Joint Employment Report u l-Employment Performance Monitor. Saru wkoll reviews differenti fuq suġġetti bħal dawk fuq l-edukazzjoni vokazzjonali, ħaddiema anzjani, il-parteċipazzjoni tan-nisa fid-dinja tax-xogħol, kif ukoll taxxi u spejjeż relatati max-xogħol u wage setting.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – Meeting on Supporting Adults into Work

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 15516, jista’ l-Ministru jgħid x’ġie diskuss fil-Meeting on Supporting Adults into Work li seħħ fl-Olanda f’Mejju 2014 li għalih attendew uffiċjali tal-Ministeru?

Response (BARTOLO, EVARIST)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant dwar x'ġie diskuss fil-Meeting on Supporting Adults into Work qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.