B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 6063 u għal-lista ta' 30 għaqda li għandhom il-kwartieri tagħhom ġewwa Tigne', jista' l-Ministru jagħti garanzija li kull waħda minn dawn l-għaqdiet sejrin jingħataw akkomodazzjoni alternattiva tul iż-żmien kollu li jdum għaddej il-proġett?
Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid fejn kull waħda minn dawn l-għaqdiet sejra tiġi akkommodata u meta?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-Gvern dejjem irrikonoxxa biss, u anki issa jirrikonoxxi biss lill-Assoċjazzjoni Sportiva Tigne'. Madankollu l-Gvern fil-kuntratt li qed jinnegozja ma' l-istess Assoċjazzjoni qed jinsisti fuq klawsola li tipprovdi li meta l-Assoċjazzjoni tingħata 'premises' ġodda, din tipprovdi l-faċilitajiet lill-clubs kollha li llum jagħmlu użu mill-'premises' preżenti.
Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux taħdidiet mas-Sliema Wanderers Football Club dwar il-konsegwenzi li sejjer ikollu fuqhom il-Proġett ta' Manoel Island u Tigne'?
Jista' l-Ministru jgħid x'forma ta' arranġamenti saru sabiex dan il-klabb jibqa' jiffunzjona bl-anqas tħarbit possibbli?
Jista' l-Ministru jgħid jekk intlaħaqx xi xorta ta' ftehim magħhom?
Jista' jgħid jekk dan il-ftehim għandux inkluż fih xi forma ta' kumpens finanzjarju?
Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kemm ilaħħaq dan il-kumpens finanzjarju?
Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim li ntlaħaq magħhom?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Id-diskussjonijiet mas-Sliema Wanderers F.C. għadhom għaddejjin, u għalhekk għadu prematur nidħol fid-dettalji mitluba.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 6874 dwar tindif tal-widien li kienet saret f'Mejju li għadda, jista' l-Ministru jaġġornani bl-iżviluppi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Kif diġa' spjegajt f'Mistoqsija Parlamentari Numru 9163 (Seduta 139), dan ix-xogħol huwa responsabbilta' tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma.
Għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
In vista ta' l-aħħar domanda parlamentari għar-rigward tal-pompa tad-drenaġġ li hemm fir-raħal tax-Xgħajra, fi Triq ix-Xatt, jista' l-Ministru jieħu ħsieb li matul iż-żmien tax-xitwa tiġi rranġata billi esternament hija malandata, estetikament hija kerha u t-tappiera hija mgħottija b'mod xejn tajjeb bi speċi ta' pjaniċi tal-konkos?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment tad-Drenaġġ ser jagħmel mill-aħjar biex din il-Pumping Station tiġi rranġata fix-xhur tax-xitwa. L-Onorevoli Interpellant jifhem li l-elementi tan-natura f'din il-lokalita' huma ferm aggresivi, iżda ser isir sforz biex l-istruttura tinbidel b'mod li d-dannu mill-elementi jkun wieħed minimu.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu s-sehem tal-ministeru/dipartiment tiegħek fl-attivitajiet tal-millenju li se jsiru fix-Xagħra tal-Furjana?
X'garanziji qed jagħti li l-ħsarat kollha li se jsiru f'dan il-post se jiġu rranġati fi żmien qasir wara li jintemmu dawn l-attivitajiet?
Ġew ippreżentati xi stimi ta' kemm jistgħu jkunu mill-klabb tal-Furjana riċentement fuq il-ground tal-football?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Bħala Ministru għall-Ambjent, jiena nifforma parti mill-kumitat li qed jieħu ħsieb iċ-ċelebrazzjonijiet tal-millenju.
Is-sehem ewlieni tal-Ministeru għall-Ambjent f'dawn iċ-ċelebrazzjonijiet hu li jitlestew ix-xogħlijiet mibdija sabiex lejlet it-Tielet Millenju tal-Kristjaneżmu ikun inawgurat St. James Cavalier bħala Ċentru ta' l-Arti.
Għar-rigward l-Arena ta' l-Indipendenza, il-Ministeru għall-Ambjent qiegħed jiggarantixxi direttament mal-Floriana Football Club biex wara li jintemmu ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Millenju, fl-aqsar żmien possibbli, l-Arena tkun restitwita fl-istat li hi tkun.
Il-Floriana Football Club fil-fatt intalab jagħti stima kif semma' l-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie jqum il-proġett tal-funtana fil-baħar quddiem il-pjazza ta' Buġibba? X'inhi r-raġuni li din il-funtana mhux qed titħaddem?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-proġett tal-funtana fil-baħar quddiem il-pjazza ta' Buġibba ġie jiswa Lm56,776.00. Il-funtana titħalla fil-post fil-jiem tas-sajf biss u fix-xitwa, minħabba l-kundizzjonijiet tat-temp, tittella' l-art.
Jista' l-Ministru jgħid fejn qed jintrabtu l-laneċ: "Ambjent", "Monka" u "Pupilla"?
Jista' l-Ministru jgħid ix-xogħol li qed isir b'dawn il-laneċ?
Jista' l-Ministru jgħid kemm qed jiswew lil gvern kull lanċa?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-laneċ 'Ambjent','Monka' u 'Pupilla' qed jintrabtu fit-tarzna ta' Bezzina Ship Repair Yard Ltd.
Ix-xogħol li qed isir b'dawn il-laneċ huwa hekk:
M.V. Ambjent - Ix-xogħol ta' l-M.V. Ambjent hu li tiġbor 'flotsam' minn ġewwa kif ukoll minn barra l-Port il-Kbir. Din il-lanċa tintuża wkoll għall-ġbir ta' żejt minn wiċċ il-baħar.
M.V. Monka - Ix-xogħol ta' l-M.V. Monka jinkludi xogħol ta' monitoraġġ. Din il-lanċa tintuża wkoll f'każ ta' emerġenza ta' tniġġiż minn żejt.
M.V. Pupilla - Din il-lanċa tintuża f'kull każ ta' tindif ta' żejt mill-baħar fejn tintuża biex jitniżżlu u jittellgħu 'booms', u biex jinġabar iż-żejt.
Dawn il-laneċ qed jiswew lill-Gvern madwar Lm7,000. fis-sena, barra minn xi spejjeż straordinarji ta' manutenzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid x'intqal mill-working group li twaqqaf fi ħdan il-ministeru rigward il-kwalita' ta' arja ħażina mimlija trab tal-ħadid li qed tħammeġ in-Nofs in-Nhar ta' Malta?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Waqt li nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għal Mistoqsija Parlamentari numru 10525 fuq l-istess suġġett, nixtieq inżid li l-kumpanija Ingliża AEA Technology Ltd. tar-Renju Unit ġiet assenjata x-xogħol ta' studju tal-problema bil-għan li jinstab l-oriġini tat-trab iswed.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu wara lmenti tul Ottubru 1999 li fi Triq Galileo fil-Kortin, il-Mellieħa qed ifuru l-fosos u jniġġsu l-inħawi? Meta hemm il-ħsieb li s-sistema tad-drenaġġ tiġi estiża għal dawn l-inħawi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li wara studju estensiv f'dawn l-inħawi ġie fformulat tender biex jinqdew ir-residenti tal-Kortin bis-sistema tad-drenaġġ. Minħabba l-pożizzjoni ta' dan is-sit hemm bżonn isir 'gravity main', sistema ta' mini (jew 'galleries'),'Pumping Station' u 'rising main' twil. L-istima approssimattiva ta' dan it-tender hija ta' Lm150,000 u huwa fil-ħsieb li jibda x-xogħol is-sena d-dieħla
Jista' l-Ministru jikkonsidra li jibgħat uffiċjali mill-Cottonera Rehabilitation Committee ġewwa Triq il-Pelligrinaġġ, Bormla, sabiex jiġi investigat jekk huwiex possibbli li din it-triq tiġi trasformata għal waħda inqas wieqfa bl-introduzzjoni ta' taraġ, u dan billi numru ta' residenti anzjani qed isibuha diffiċli ħafna sabiex jużawha?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li t-talba ta' l-Onor Interpellant se tkun investigata.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba hemmx il-possibbilta' li jsir studju sabiex ix-xatt tar-raħal tax-Xgħajra jinbnielu ħajt baxx tas-sejjieħ billi fuq iż-żewġ naħat ta' l-istess hemm biċċiet perikolużi ħafna għall-pubbliku?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Naqbel mas-suġġeriment siewi ta' l-Onorevoli Interpellant biex isir studju sabiex ix-xatt tax-Xgħajra jinbnielu ħajt tas-sejjieħ. Dan l-istudju se jsir mid-Dipartiment tal-Countryside and Country Parks.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadet ir-Restoration Unit wara t-talba tal-Kunsill Lokali tal-Qrendi biex jissewwa t-torri tal-Ħamrija wara l-ħsara li saritlu fl-1 ta' Settembru, 1999? X'xogħol ieħor jonqos isir fuq dan it-torri biex ikun f'kundizzjoni tajba? Meta se jsir dan ix-xogħol? X'relazzjonijiet jeżistu bejn ir-Restoration Unit u ċ-Ċentru ta'l-Istudji tar-Restawr?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li r-Restoration Unit kienet diġa qiegħda tagħmel studju intensiv fuq il-ħsarat ta' dan it-torri meta ġara l-inċident ta' l-1 ta' Settembru. Rapport fuq il-ħsarat kien diġa sar kemm mill-perit inkarigat kif ukoll minn ġeoloġista tad-dipartiment konċernat. Minn dak iż-żmien 'l hawn saret talba lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar biex isir xogħol ta' restawr kemm jista' jkun malajr. Il-pjanti u t-tender biex isir dan ix-xogħol jinsabu fl-aħħar fażijiet ta' tħejjija.
Ix-xogħol mistenni li jinbeda kmieni s-sena d-dieħla.
Uffiċjal mir-Restoration Unit inħatar bħala membru fuq il-'Board of Governors' taċ-Ċentru ta' l-Istudji tar-Restawr.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' reservoirs ta' l-ilma li ġew imnaddfa matul dawn l-aħħar 12-il xahar? Liema kienu u kemm kienet l-ispiża għal dan ix-xogħol?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li matul dawn l-aħħar tnax (12) -il xahar ġew imnaddfa erbgħa (4) ġibjuni. Dawn huma:
Ġibjun Nru 1
------------
Lokalita: Belt il-Ħażna, Floriana
Ix-xogħol sar bejn l-1 ta' Settembru 1998 u l-4 ta' Settembru 1998.
L-ispiża kienet ta' Lm480.
Ġibjuni Nri 2 u 3
-----------------
Lokalita: Wied ta' l-Imsida, Msida
Ix-xogħol sar bejn l-1 ta' Settembru 1998 u t-30 ta' Settembru 1998.
L-ispiża kienet ta' Lm1689.
Ġibjun Nru 4
------------
Lokalita' Triq Xrobb l-Għaġin, Marsaxokk-Żejtun.
Ix-xoghol sar bejn l-4 ta' Mejju 1999 u l-31 ta' Mejju 1999.
L-ispiża kienet ta' Lm2312.
Jista' l-Ministru jgħid meta ser jsiru x-xogħlijiet neċessarji fit-toroq f'Tar-Rabbat, Ħamrun? Jaf il-Ministru li r-residenti ilhom żmien li ħallsu l-permessi neċessarji iżda baqa' ma sar xejn?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Peress li l-funzjoni li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant hi waħda minn dawk mgħoddija lill-Kunsilli Lokali, nissuġġerilu li jindirizza l-mistoqsija tiegħu direttament lill-Kunsill Lokali konċernat.
Peress li fuq xi mezzi ta' l-istampa ntqal li l-Awtorita' ta' l-Ippjanar approvat it-twaqqigħ tal-ħajt tat-Tarzna ta' Bormla, jista' l-Ministru jgħid meta se jsir dan ix-xogħol?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Dan ix-xogħol ser isir meta tkun approvata l-applikazzjoni dwar id-disinn tal-'fencing' li jrid isir minflok il-ħajt li ser jitwaqqa'.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 10599 li oriġinarjament kienet saret lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe': jista'l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport li kien sar fuq l-istat tal-bini tal-Portes des Bombes?
Hemm xi ħsieb li r-rapport jekk qiegħed jirrakkmanda li dan il-bini jiġi restawrat meta sejjer jitwettaq ix-xogħol?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li għalkemm ir-restawr ta' Portes des Bombes huwa mniżżel bħala wieħed mill-proġetti li għad iridu jsiru s'issa għadu ma sar l-ebda rapport dwar dan.