Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 12913 billi jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-permess ta' l-iżvilupp għal bini li qiegħed isir bħalissa għall-klandestini f'Ħal Safi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-permess għall-applikazzjoni PA 04528/01 li ħareġ għall-bini ta’ warehouses fit-22 ta’ Mejju 2002.
Sadanittant l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) irċeviet applikazzjoni PA 1774/05 sabiex dan l-istess bini approvat jiġi kkonvertit f’faċilità residenzjali għall-emigranti llegali, liema applikazzjoni qed tiġi pproċessata. L-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) irċeviet ukoll PA 791/05 għal binja oħra. Din l-applikazzjoni ukoll qed tiġi pproċessata.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 12705, jista' il-Ministru jwieġeb it-tieni parti fejn staqsejt dwar ir-rapport alternative site assessment għar-rigward ta' l-impjant tar-riċiklaġġ li l-gvern qed jippjana li jkabbar f'Wied il-Għajn?
Response (PULLICINO, GEORGE)
B'referenza għall-Mistoqsija ta' l-Onor. Interpellant għal darb’oħra tajjeb jingħad li l-Impjant mhux ser jitkabbar iżda ser jiġi mmodernizzat. Jista jingħad ukoll li l-Alternative Site Assessment jifforma parti integrali mill-Environmental Impact Assessment (EIA) skond kriterji imposti mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) fuq l-iżviluppatur, u fuq siti alternattivi identifikati mill- Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) stess. Għaldaqstant ir-rapport Alternative Site Asssessment fir-rigward ta’ l-impjant tar-riċiklaġġ li l-Gvern qed jippjana li jimmodernizza, l-SLR huma l-konsulenti inkarigati minn dan ix-xogħol bħala l-istess konsulenti inkarigati mill-EIA. Fit-totalita' tiegħu l-EIA ser jiswa mhux aktar minn Lm101,870 u ser jitħallas mill-fondi allokati fis-sena ta' stima 2005 għal dan il-proġett.
Jistgħu jinżabru s-siġar tat-telgħa tal-Mellieħa mill-Għadira u ċ-Ċirkewwa għax kibru b'mod goff u qed ikunu ta' periklu għall-vetturi li jgħaddu mill-inħawi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li s-siġar li hemm fit-telgħa tal-Mellieħa mill-Għadira u ċ-Ċirkewwa jaqaw fil-konfini tal-kunsill lokali tal-Mellieħa, u għalhekk huwa fir-responsabbiltà ta' dan il-kunsill li jsir dan ix-xogħol ta' żabra. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jispjega b'liema mod il-MEPA ħarġet permess għal bini ta' villa fully-detached fi Triq il-Gradilja, Ħ'Attard quddiem il-biċċerija l-qadima?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li d-Development Control Commission (DCC) fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) approvat l-applikazzjoni wara li analizzat il-każ fejn jirriżulta li parti sewwa mis-sit in kwestjoni hija fl-iskema ta' l-iżvilupp. L-applikazzjoni ġiet approvata bil-kondizzjoni li l-bini jkun limitat għal fond ta' 25 metru mit-triq, u li l-'boundary walls' lil hinn minn 25 metru mit-triq għandhom isiru bħala ħitan tas-sejjieħ.
Il-permess inħareġ fl-4 ta' Diċembru, 2003.
Matul l-ewwel xhur tas-sena, jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' ħaddiema/uffiċjali, eċċ. f'entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li tkeċċew/ġew sospiżi mix-xogħol jew immultati xi penali?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li ma kien hemm l-ebda ħaddiem jew uffiċjal kemm fl-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) kif ukoll fil-kumpanija Wasteserv Malta Limited li tkeċċew jew ġew sospiżi mix-xogħol, jew ġew immultati xi penali matul l-ewwel xhur tas-sena 2005.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn bajjiet ramlin f'Malta? Kemm hi l-area ta' kull waħda? Kemm minn kull bajja hija mikrija lil terzi għal skopijiet ta' qliegħ? Kemm minn kull bajja partikolari mhijiex mikrija u għaldaqstant tista' tiġi gawduta minn kulħadd mingħajr ħlas?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ bajjiet ramlin f’Malta huwa ta’ tmintax (18)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tabella li turi d-daqs ta’ kull waħda minnhom (fuq bażi ta’ aerial photos 2004).
Inżid ingħid li :
· Bajjiet tar-ramel, jiġifieri bajjiet li għandhom il-parti niexfa eżistenti llum miksija naturali bir-ramel, u li huma mdaqqsa, għaldaqstant jakkomodaw iktar minn 10 persuni (valur arbitrarju) - ramliet zgħar m’humiex inklużi
· Bajjiet li kellhom ramel, iżda dan telaq m’humiex inklużi (eż. Xlendi)
· Il-bajja ta’ San Gorg, f’Paceville, fejn r-ramel ġie miżjud m’hiex inkluża minħabba li r-ritratti ttieħdu qabel.
Dwar il-partijiet l-oħra tal-mistoqsija, din l-informazzjoni taqa’ taħt ir-responsabbiltà tad-Dipartiment ta’ l-Artijiet, u għalhekk nitlob l-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsijiet tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Minħabba l-interess nazzjonali, jista' il-Ministru jippreżenta kopja fuq il-mejda tal-Kamra tal-golf course site selection study li sar mill-MEPA xi xhur ilu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ir-rapport preliminari qed jiġi kkunsidrat mill-Gvern u ser jiġi kkomunikat fi żmien qasir.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-policy tal-MEPA dwar shelters tal-gwerra li jinsabu fi proprjetajiet privati - speċjalment fejn hemm urban conservation zones? X'inhi l-pożizzjoni f'każi fejn dawn jistgħu jiġu meqruda fi żvilupp? Jikkonsidra l-Ministru li dawn ix-shelters għandhom jiġu mħarsa billi aktar ma jgħaddi ż-żmien, inqas hemm każi ta' shelters intatti u aktar ikollhom valur storiku?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ix-Xelters tat-Tieni Gwerra Dinjija llum għandhom 65 sena u għalhekk jikkwalifikaw bħala antikitajiet għall-iskop tal-liġijiet Maltin permezz ta' Artiklu 3 ta' l-Att dwar il-Wirt Kulturali 2002 (qabel magħrufa bħala l-Att dwar il Protezzjoni ta' l-Antikitajiet, 1925), irrispettivament fejn jinstabu. F'każijiet ta' sejbien ta' xelters waqt żvilupp, anke f'propjeta' privata, l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) tagħmel ħilitha sabiex ma' ssirx ħsara lil dawn ix-xelters. Ħafna mix-xelters jinsabu fiż-Żoni tal-Konservazzjoni Urbana peress li f'dawn iċ-ċentri antiki kienu jgħixu l-maġġoranza tal-Maltin. Uħud mix-xelters jinstabu taħt it-toroq u l-bini, oħrajn imħaffra fis-swar.
F'każ ta' sejbien ta' xelters waqt li jkun qed isir żvilupp l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar MEPA normalment tipprova tilħaq ftehim bejn il-partijiet konċernati, inkluż is-sid tal-propjetà, sabiex l-antikitajiet jiġu salvagwardjati. Fejn hu possibbli l-perit jintalab ibiddel parti mid-disinn ta' l-iżvilupp propost sabiex jikkonserva l-antikitajiet misjuba fil-post.
Dawn l-aħħar snin diversi xelters ġew irrestawrati u miftuħa għall-pubbliku bħala attrazzjoni edukattiva, kulturali u turistika. B'hekk, dawn ix-xelters kattru r-repertorju kulturali Malti minn żmien il-preistorja sal-passat riċenti.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-policy tal-MEPA dwar applikazzjonijiet għall-ippjanar fejn dawn l-applikazzjonijiet jistgħu joħolqu periklu lill-proprjetajiet tal-ġirien, b'mod speċjali f'każi li jinvolvu twaqqiegħ, ħitan komuni, skavar ta' basements, eċċ.?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Iċ-ċirkustanzi msemmija fil-mistoqsija mill-Onor. Interpellant huma koperti bill-provvedimenti stipulati fil-Kodiċi Ċivili. L-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) f'kull permess li toħroġ tagħmilha ċara li l-approvazzjoni ta' l-iżvilupp huwa mingħajr preġudizzju għal kull dritt li terza persuna jista' jkollha fil-konfront ta' min qed jagħmel l-iżvilupp. Ta' min jinnota li kull żvilupp approvat mill-Awtorità irid isir taħt is-superviżjoni ta' perit li jkun qiegħed jiffirma u jaċċetta dan l-inkarigu fl-applikazzjoni sottomessa ma' l-Awtorità.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-politika tal-MEPA dwar fdalijiet storiċi li jistgħu jinkludu shelters, ġibjuni, katakombi, eċċ li jinsabu fi proprjetajiet privati waqt xi xogħlijiet jew skavar?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Il-politika ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) dwar sejbien ta' fdalijiet antiki tosserva dik diġa stabbilita skond Artiklu 3 ta' l-Att dwar il-Wirt Kulturali 2002 (qabel magħrufa bħala l-Att dwar il-Protezzjoni ta' l-Antikitajiet, 1925), jiġifieri li kull oġġett li għandu iktar minn ħamsin sena u li jinstab fil-Gżejjer Maltin u l-ibħra territorjali jitqies bħala 'antik' għall-iskop tal-liġijiet Maltin. F'każijiet ta' antikitajiet fi propjetà privata affettwati minn żvilupp, l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) tagħmel ħilitha sabiex ma ssirx ħsara lill-antikitajiet imsemmija.
Fil-Pjan ta' Struttura l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għandha policies dwar il-protezzjoni ta' antikitajiet.
Jista' il-Ministru jgħid skond il-kalkoli tal-ministeru, kemm hu n-numru ta' tiġieġ tas-simna li fil-ġimgħa qed jinqatlu f'Malta mill-proċessuri lokali konformi mar-regoli kollha ta' l-Unjoni Ewropea?
Kemm hija l-qatla li qed issir mill-proċessuri li għadhom mhux konformi 100% mar-regoli ta' l-Unjoni Ewropea?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Skond l-informazzjoni li għandu il-Ministeru rigward in-numru ta’ tiġieġ tas-simna li nqatlu fil-ġimgħa f'Malta mill-biċċeriji fl-ewwel erba' xhur tas-sena 2005, il-figura hija ta' madwar 68,500 fil-ġimgħa.
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-qatla tat-tiġieġ tas-simna ssir minn biċċeriji u mhux neċessarjament ukoll minn impjanti ta’ l-ipproċessar.
Jista' il-Ministru jinformani bin-numru ta' speċi ta' ħut, annimali u tjur li ġew importati matul l-ewwel xhur ta' din is-sena?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jiċċara jekk qed jirreferi għal importazzjoni minn pajjiżi terzi jew għal trasferimenti minnpajjiżi oħra membri ta’ l-Unjoni Ewropea.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ħallset il-kumpannija Wasteserv Malta limited lill-kumpannija SLR f'konsulenzi u rapporti sa mit-twaqqif tagħha?
Jista' jgħid ukoll jekk ir-rapport alternative site assessment sarx mill-istess kumpannija, jiġifieri SLR? Jekk fl-affermattiv, kemm ġie jiswa dan ir-rapport? Jista' jgħid minn liema budget tħallas dan ir-rapport?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mit-twaqqif tal-kumpanija Wasteserv Malta Limited, minn Novembru 2002 sad-data tal-lum, ħallset ammont ta’ Lm409,515.01 fuq numru ta’_ kuntratti mirbuħa mill-kumpanija SLR Consultants Ltd wara sejħiet pubbliċi fuq numru ta proġetti.
Għat-tieni parti tal-Mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant ikun aktar speċifiku għal liema Alternative Site Assessment qed jirreferi.
Jista' il-Ministru jinformani kemm kien in-numru ta' siġar li tħawlu f'Malta u Għawdex separatament matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?
Kemm minnhom kienu dekorattivi, eċċ.? F'liema lokalita' ta' Malta tħawlu siġar matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?
Kemm minn dawn is-siġar tħawlu f'areas taħt ir-responsabbilta' tal-kunsilli lokali?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 12771 billi jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-permess ta' l-iżvilupp għal bini li qiegħed isir bħalissa għall-klandestini f'Ħal Safi?
Jista' il-Minsitru jara li jittieħdu l-miżuri neċessarji ħalli ma jitwaddabx żibel u skart fejn is-sit f'Imdina Road, Attard mal-ġenb ta' l-istabbiliment Art at Home peress li dan il-ħmieġ qiegħed iġib il-ġrieden u joħloq inkonvenjent kbir lir-residenti?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru ġentilment jinvestiga ilment li wasal għandi li ġol-Freeport hemm xi vapuri li qed jagħmlu xogħol ta' żebgħa fuq il-vapur bil-konsegwenza li jwaqqgħu żebgħa u materjal ieħor fil-baħar?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li vapuri li jixtiequ jwettqu xogħlijiet bħal dawk li semma l-Onor. Membru għandhom l-użanza li jikkuntatjaw l-Malta Maritime Authority (MMA), li tindika lilll-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) biex din ta’ l-aħħar tagħti 'clearance' fuq kwistjonijiet ambjentali.
Tlabt lill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) tikkuntattja lill-Malta Maritime Authority (MMA) u l-Malta Freeport ħalli tassigura li din il-proċedura qed tiġi osservata.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 12364, jista' il-Ministru jinformana kemm huwa n-numru ta' proċessuri suġġetti ta' l-azzjoni li huwa semma?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma l-pjani tal-gvern dwar il-bini tal-boat houses fl-Armier u fiex waslu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-proposti ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) dwar l-iżvilupp ta' Beachrooms fl-Armier ġew ippubblikati fil-Pjan ta' Azzjoni għal Marfa fl-2002. Dan il-Pjan identifika ħames siti fil-Marfa fejn, wara li jkun approvat il-Pjan, jista' jsir żvilupp ta' Beachrooms taħt ċertu kundizzjonijiet.
Wara konsultazzjoni pubblika, dawn is-siti qed jiġu riveduti.